Friday, September 16, 2016

L-Ambaxxatur ''jiċħad'' dak li ddikjara s-Sirjan

Fl-aħħar jiem fil-kontroversja dwar l-allegazzjonijiet dwar ħruġ ta' viżi mediċi lill-persuni Libjani biex jiġu għal kura f'Malta, ġiet imżeffna fin-nofs il-ħidma marbuta mal-ħelsien tal-Malti Martin Galea mil-Libja. Kien Khaled ben Nasan, is-Sirjan li ħareġ bl-allegazzjonijiet dwar il-viżi mediċi li ddikjara kemm hu kien strumentali biex inħeles il-Malti mil-Libja. Fi kliemu stess dan inħeles ftit sigħat wara li daħal hu fil-ħidma, liema ħidma skont hu tqabbad jagħmilha mill-Ambaxxatur Malti għal-Libja Mannie Galea.  L-ORIZZONT iżda hu infurmat li l-Ambaxxatur Malti Mannie Galea qed jiċħad għal kollox dan.  L-ORIZZONT hu infurmat li anke l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ġie infurmat f'komunikazzjoni li saret li dak li qal Khaled ben Nasan ma kienx minnu.
L-ORIZZONT hu infurmat li jidher li fl-aħħar jiem, wara li xxandret id-dikjarazzjoni minn Khaled ben Nasan fuq programm fuq You Tube, saret komunikazzjoni bejn il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Ambaxxatur. Nifhmu li dak iddikjarat minn Khaled ġie miċħud u mwarrab għal kollox.  L-ORIZZONT staqsa dwar dan lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, u tlabna konferma mingħandhom iżda sakemm morna għall-istampa kienet għadha ma waslitx it-tweġiba. 
Min-naħa tiegħu, il-Mexxej tal-Alleanza Bidla Ivan Grech Mintoff irreaġixxa għar-rapport ta' dan il-ġurnal dwar dokumenti mxandrin.
Hu ddikjara li "l-magna tal-progressivi liberali qed terġa’ tigdeb b’mod mill-aktar ċar meta toħroġ bi stqarrija li 'Dokumenti li kienu żvelati mill-Kap tal-Alleanza Bidla, Ivan Grech Mintoff, m'għandhom x'jaqsmu xejn mal-kwistjoni dwar allegazzjonijiet ta' ħruġ ta' viżi mediċi għal persuni Libjani biex jiġu jieħdu kura f'Malta', kif maħruġa fl-istorja tal-inewsmalta.com. Għall-kuntrarju li ngħad, l-ewwel dokument fil-fatt juri li l-Ministru Libjan li xtaq jiġi Malta appuntu biex jindaga fuq kontijiet esaġerati li kellhom x’jaqsmu mal-ħruġ ta’ viżi mediċi. Dan flimkien mal-oħrajn imsemmija ġew irrifjutati viżi huma stess u allura ma setgħux jiġu Malta biex jinvestigaw fuq il-każ imsemmi. Għalhekk iva, għandu x’jaqsam mal-każ b’mod dirett, u kif! L-istqarijja tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru qalet ukoll li ma kellha l-ebda kuntatt uffiċjali fuq il-każ tal-viżi mill-awtoritajiet Libjani u li tgawdi relazzjonijiet mill-aktar tajbin magħhom. Aħna staqsejna 'Jekk il-Gvern Malti jgawdi relazzjonijiet tajbin ħafna, għaliex dan ma aċċettax li jirrikonoxxi r-rappreżentant validu tagħhom u minflok aċċetta lil xi ħadd li ma għandu l-ebda awtorità minnhom biex jitkellem f’isimhom?' u ħriġna wkoll dokumenti biex nuri li dan mhux biss kliem fil-vojt, imma kliem li warajh hemm dokumenti uffiċjali. Mela t-tieni dokument huwa wkoll validissimu biex juri l-qagħda prekarja bejn iż-żewġ gvernijiet u mhux kif qed ipinġija l-OPM. Gidba oħra mill-inewsmalta.com hija l-frażi: 'Il-Gvern Malti qed jirrikonoxxi lil dak rikonoxxut internazzjonalment.' Dan mhux minnu ta’ xejn għax fil-fatt , id-dokument li wrejna ġej appuntu mill-gvern li ħatar il-United Nations jew, fi kliem ieħor 'dak rikonoxxut internazzjonalment.' Mela kif jista’ l-gvern jgħid li hu jirrikonoxxi 'dak rikonoxxut internazzjonalment' meta lanqas biss jaċċetta li jirrikonoxxi r-rappreżentant uffiċjali tagħhom kif ġie mistoqsi jagħmel minnhom f’dik l-ittra li aħna wrejna? Meta wieħed allura jara li l-inewsmalta.com qed tikteb b’dan il-mod u b’mod kontinwu, wieħed bilfors jikkonkludi li hemm intenzjoni ħażina ħafna biex il-poplu Malti jiġi mqarraq sew fuq dan il-każ. Każ li mhux biss jinvolvi miljuni kbar ta’ ewro blackmarket, imma anke jaffetwa s-sigurtà ta’ kull Malti u kull abitant tax-Schengen area b’mod mill-aktar dirett.
“
"Għalhekk Alleanza Bidla titlob lill-midja 'tagħna lkoll' biex tieqaf milli tibqa’ tqarraq bil-qarrejja tagħha stess li issa qed jindunaw li gvern tagħhom stess qed jigbdillhom fuq diversi affarjiet u minflokk jipproteġi lil min jista’ joħroġ il-fatti, qiegħda minflok tgħin biex min irid jitkellem bil-fatti u mhux biss bil-kliem jiġi mbeżża’ u mhedded. Id-dokumenti msemmija juru l-verità hi kif qed ngħidu aħna u mhux kif qed jiġi mpinġi mill-uffiċċju tal-Prim Ministru u mill-midja kkontrollata minn 'tagħna lkoll'.”


Ritratt: L-Ambaxxatur Malti għal-Libja Mannie Galea

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home