Tuesday, September 13, 2016

Newman Otas ... l-isem tat-tarbija li twieldet abbord bastiment viċin Malta

L-isem li ngħatat it-tarbija li twieldet nhar it-Tnejn filgħodu abbord bastiment ta' Medecins Sans Frontieres f'ibħra internazzjonali imma viċin ħafna ta' Malta hu ''Newman Otas''.  Wara li twieled, il-voluntieri qajmu l-mistoqsija ta' x'kien se jiġri minn din it-tarbija li kieku twieldet 24 siegħa qabel, li jfisser li kienet tkun għadha fuq id-dinghi b'ilma u fjuwil fil-qiegħ.
Dan kien it-tieni wild abbord il-bastiment Aquarius.
It-tarbija twieldet it-Tnejn filgħodu  f'ibħra internazzjonali qrib ħafna ta' Malta. It-twelid seħħ 24 siegħa biss wara li l-missier, l-omm u żewġt itfal tagħhom ta' 5 u 7 snin  ġew salvati.
Volontieri ma naqsux li jistaqsu x'kien se jiġri lil din it-tarbija li kieku twieldet 24 siegħa qabel.  Faith, omm it-tarbija meta tkellmet mal-volontieri qalet li "kont qed nibża' ħafna fuq id-dinghy. Kont qiegħda fl-art tad-dinghy ma' nisa oħra u tfal. Stajt inħoss it-tarbija tiċċaqlaq u bdejt nibża' li se jkolli nwelled fuq id-dinghy."
Sophie Beau, Kap Eżekuttiv ta' SOS Mediterranean ikkummentat fuq dan it-twelid u qalet li "din il-ġimgħa bdiet b'aħbarijiet tajbin.
L-emozzjonijiet kienu qawwijin fost it-tim tagħna bit-twelid ta' dan it-tifel. Dawn huma mumenti ta' ferħ li aħna nilqgħuhom b'sodisfazzjon kbir, għax kellna wisq traġedji fil-ġimgħat ta' qabel". 
Jonquil Nicholl, il-qabla abbord il-bastiment ta' Medecins Sans Frontieres (MSF) iddeskrivew il-kundizzjonijiet tat-twelid bħala ''ordinarji'' imma li saru f'kundizzjonijiet estremi. "X'kien se jiġri li kieku din it-tarbija twieldet 24 siegħa qabel fuq dinghy li ma kienx tajjeb biex ibaħħar, b'ilma baħar imħallat mal-fjuwil abbord. F'dinghy li fuqu lanqas biss setgħu jiċċaqilqu. Kif dan jista' jseħħ fis-sena 2016?".
Ritratt: L-omm, il-missier u it-tfal l-oħra abbord

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home