Revoka ta' sbuħija mill-FKNK f'każ ta' ħtija fuq kaċċa illegali
Fid-dawl ta' diversi rapporti ta' illegalitajiet li setgħu saru fl-inħawi ta’ Ħaż-Żebbuġ, il-Miżieb, ir-Rabat f'Malta, u Għawdex, f’dawn l-aħħar jiem, il-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK) wissiet li mhux se tħalli attivitajiet illegali minn kriminali. Dan għax minħabba fihom jistgħu jbatu xi konsegwenzi l-kaċċaturi u nassaba ġenwini, li l-parti l-kbira tagħhom huma membri tal-istess FKNK u li huma bla ħtija. Qalet li ''għalhekk, jekk jitressaq xi ħadd il-Qorti b’suspett ta' reat kriminali, bħal sparar fuq tajr protett, l-FKNK minnufih tissospendi s-sħubija ta' dik il-persuna, jekk tinzerta membru tal-istess FKNK, u s-sħubija tiġi revokata għal kollox jekk eventwalment jinsab ħati mill-Qorti. Mingħajr tali sħubija, persuna ma tistax ikollha liċenzja tal-kaċċa u/jew tal-insib." L-FKNK qalet li "bħala r-rappreżentanta tal-kaċċaturi u n-nassaba fuq il-Kumitat Ornis, mhux se toqgħod lura milli tirrakkomanda lill-Ministru dak kollu legali li jkun hemm bżonn biex dawn il-kriminali jitrażżnu darba għal dejjem. Illum, bis-saħħa tar-rieda politika soda tal-Gvern, is-Segretarjat tal-Agrikoltura u Sajd u l-WBRU fi ħdanu, is-sezzjoni tal-ALE tal-pulizija, il-koperazzjoni tal-FKNK u l-maturità tal-kaċċaturi u n-nassaba, fil-gżejjer Maltin għandna l-aktar kaccaturi u nassaba dixxiplinati u l-inqas numru ta' reati konnessi mall-kaċċa u l-insib fl-Ewropa." Enfasizzat li "però, u għalkemm l-ambizzjoni tal-FKNK hi li tibqa' ttejjeb din is-sitwazzjoni, u mhi tiskuża lill-ħadd milli jikkometti xi att kriminali b’konnessjoni mall-kaċċa jew l-insib, kullħadd jista' jifhem li ebda titjib fi kwalunkwe settur ma jista' qatt ikun dejjem linja dritta ’il fuq. Dejjem ikun hemm il-mumenti fejn il-linja titbaxxa ftit (minħabba xi sitwazzjoni jew inċidenti) sa ma terġa' tibda tiela'. It-titjib li sar dawn l-aħħar snin jiżboq bil-kbir dawn l-inċidenti li qed jiġu rrapportati. Ikbar ma jkun in-numru ta' tajr li jkun qiegħed ipassi (u ħadd ma jista' jiċħad li l-passa ta’ tajr protett u rari għall-gżejjer Maltin f’dawn l-aħħar ġranet hija xi ħaġa straordinarja), ovvjament, ikbar ikun il-potenzjal tal-inċidenti. Dawn l-affarijiet huma bbażati fuq persentaġġi u probabbiltajiet. Għalhekk, l-inċidenti ta' din is-sena qed jispikkaw, mhux għax saru ħafna, iżda għax sar ħafna progress fl-osservazzjoni tar-regolamenti relatati. B’hekk, ġejna f'pożizzjoni fejn in-numru ta' dawn l-inċidenti tant sar żgħir, li issa kif ikollok xi cowboy li la jimpurtahx mir-regolamenti u lanqas mill-kaċċaturi, dan joħloq aħbar sensazzjonali. L-unika differenza minn snin oħra, huwa l-fatt li l-Gvern ħabbar il-moratorium fuq il-kaċċa tal-gamiema fir-rebbiegħa tal-2017.
Fl-aħħar, l-FKNK appellat u ħeġġet lill-membri tagħha biex immedjatament jirrapportaw xi osservazzjoni ta’ ksur tar-regolamenti tal-kaċċa u l-insib lill-pulizija billi jċemplu 119, jew lill-WBRU fuq 22926401, jew lill-FKNK fuq 99474503."
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home