Wednesday, September 7, 2016

32 sena ilu: Splużjoni fuq patrol boat toqtol ħames suldati u żewġ pulizija

Bħal-lum 32 sena, kienet seħħet it-traġedja abbord il-patrol boat C23 li fuqha mietu ħames suldati u żewġ pulizija. Huma kienu qed iġorru xi logħob tan-nar biex jintrema' f'post fil-baħar meta seħħet splużjoni. Dak il-ħin il-patrol boat kienet ftit 'ilbarra mill-ponta tal-Qala f'Għawdex. Bħas-soltu dan l-anniversarju se jitfakkar b'quddiesa fil-bażi marittima.

Ta' min jgħid li l-Patrol Boat C23 ftit xhur ilu kienet għamlet l-aħħar vjaġġ tagħha meta ttieħdet lejn il-bażi marittima f’Xatt it-Tiben minn Sa Maison, fejn kienet stazzjonata għal dawn l-aħħar erba’ snin. Hi tpoġġiet f'post appost biex tkun qed tinżamm bħala memorja tat-traġedja.

Ta’ min isemmi li wara li kienet intemmet l-inkjesta dwar it-traġedja, il-Patrol Boat C23 kienet issewwiet u ddaħħlet lura fis-servizz.
Fil-fatt, baqgħet topera sas-sena 2011.

L-isplużjoni abbord il-Patrol Boat C23 seħħet żewġ mili ‘l barra mill-Ponta tal-Qala f’Għawdex nhar is-7 ta’ Settembru, 1984, meta dik li kellha tkun biċċa xogħol normali għal dawn is-suldati u l-pulizija bħala parti mid-dmirijiet tagħhom, intemmet fi traġedja. Infatti, dawn kienu qed iġorru kwantit ta’ splussiv li kienu qabdu l-Pulizija mingħand nies li jkunu jaħdmu logħob tan-nar illegalment biex jarmuh f’post apposta ‘l barra fil-baħar. Din kienet operazzjoni ta’ rutina li bħalha dak iż-żmien kienu jsir regolarment.

F’ħin minnhom, seħħet l-isplużjoni li fiha tilfu ħajjithom dawk kollha li kienu abbord għajr wieħed. Dawk li mietu kienu l-Bumbardier Joseph Pace ta’ 36 sena minn Santa Venera, Gunner William Simpson ta’ 36 sena minn Ħal Lija, Private Anthony Vella ta’ 20 sena minn Għajnsielem, s-Surġent tal-Pulizija Salvu Muscat ta’ 30 sena minn Birkirkara u l-Kuntistabbli Joseph Hare ta’ 24 sena minn Tas-Sliema.

Il-katavri tal-Bumbardier Francis Borg ta’ 36 sena mill-Ħamrun u Private Anthony Farrugia ta’ 27 sena miż-Żejtun kienu baqgħu ma nstabux. L-uniku wieħed li salva kien Private Emmanuel Montesin, ta’ 21 sena minn Raħal Ġdid, li ttella’ għal fuq ħelikopter tat-Task Force u ttieħed l-Isptar Craig għall-kura.

Sajjied li dakinhar kien qed jistad fuq il-moll, kien irrakkonta hekk ma' L-ORIZZONT:
 “Smajt splużjoni ġejja minn fuq il-baħar u meta ħarist ilmaħt daħna kbira. Jiena ħsibt li s-suldati kienu splodew xi bombi u ma tajtx kas.” Din l-istess splużjoni li sema’ dan is-sajjied wara rriżultat li kienet waħda mill-akbar traġedji minn wara l-gwerra ‘l hawn.

Għal xi ħin wara l-isplużjoni ħadd minn dawk li raw l-isplużjoni ma basru x’kien ġara għalkemm jidher li kien hemm xi ħadd li ħaseb ħażin u mar ċempel lill-Pulizija.

Il-Pulizija għarrfu mill-ewwel lit-Task Force li minnufih bagħtu ħelikopter biex jaraw x’kien ġara eżatt. Ix-xena li ra l-bdot tal-ħelikopter u l-għaddasa li kellu miegħu kienet waħda li tkexkex.




0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home