Thursday, September 22, 2016

Aġġornat: Il-każ tal-allegazzjonijiet dwar LSA Għawdxija ...

Kważi 2,000 firma f'petizzjoni għal qrati aktar sensittivi

Risposta mill-Ministeru għall-Ġustizzja:
B'reazzjoni għal konferenza stampa tal-Unjin tal-Għalliema (MUT) il-Ministeru għall-Ġustizzja wieġeb li fil-qasam tal-ġustizzja kien hemm titjib imma dan ma jfissirx li 'wasalna fil-qasam tal-ġustizzja".

Il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali  qal li "l-Ministeru irid jagħmilha ċara li l-ġudikatura titħalla tagħmel xogħolha b'awtonomija sħiħa u għalhekk la jindaħal u lanqas jiddiskuti l-mertu tal-kawżi individwali.  Biss ikun tajjeb li jiġu ippreċiżati l-fatti.  L-ewwelnett, fil-każ imsemmi mill-MUT, il-kawża tħalliet għas-sentenza fis-27 ta' Ottubru tas-sena 2015 wara numru ta' seduti allokati  kemm għall-prosekuzzjoni u kemm għad-difiża biex fihom jinġiebu l-provi u jsir il-kontro eżami.  Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, tat is-sentenza tagħha fid-19 ta' Novembru 2015, jiġifieri 23 ġurnata biss wara. Kif għandu kull dritt li jagħmel f'awtonomija sħiħa, l-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza nhar l-10 ta' Diċembru 2015.  L-appell ġie assenjat biex ikun deċiż fi żmien 13-il xahar minn mindu nbeda, jiġifieri nhar l-20 ta' Jannar 2017.  B'mod ġenerali, ir-riforma fil-qasam tal-ġustizzja qed tħalli r-riżultati f'termini ta' effiċjenza, kif anke stqarret il-Kummissjoni Ewropea nnifisha. Statistika uffiċjali għall-ewwel sitt xhur turi kif, fil-kamp kriminali, l-'clearance rate' kompliet tiżdied minn 104 fil-mija għal 106 fil-mija meta mqabbel mal-ewwel sitt xhur tas-sena ta' qabel li jfisser li qed ikomplu jinqtgħu aktar kawżi milli jidħlu.  Id-dewmien naqas, l-istess kif naqas il-'backog' bi kważi 100 kawża".
Il-Ministeru qal ukoll li "fil-kamp ċivili, fl-ewwel sitt xhur tas-sena l-'clearance rate' kompliet tiżdied minn 117 fil-mija għal 127 fil-mija fl-istess perjodu.  Id-dewmien ukoll naqas, l-istess kif naqas il-'backlog' b'903 kawżi.  Ma jfissirx li wasalna. Il-Gvern hu determinat li  jkompli jaħdem biex b'enerġija bla preċedent, dan is-settur  ikompli jimxi 'l quddiem".
\

Aktar Qabel:
 Il-każ tal-LSA Għawdxija, li fil-konfront tagħha saru allegazzjonijiet serji tant li affettwawlha ħafna saħħitha u li ilha snin tistenna li ssir ġustizzja, kien wassal biex l-Unjin tal-Għalliema (MUT) tibda tiġbor petizzjon. L-għan tal-petizzjoni hu biex ikun hemm riforma fil-qrati biex dawn ikunu aktar sensittivi. Il-każ ta' Karen Merċieċa ilu jkaxkar ħames snin u minkejja li ngħatat sentenza mill-Qorti fejn il-każ ma ġiex pruvat, sar appell u dan ġie differit diversi drabi.
Il-petizzjoni, li ġiet iffirmata minn kważi 2,000 persuna, se tiġi ppreżentata lill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi llum f'nofsinhar.  F'konferenza stampa li sejħet l-MUT hi tat dettalji dwar din il-petizzjoni u l-għan tagħha.  Il-petizzjoni qed titlob biex ikun hemm riforma fil-qrati biex każijiet sensittivi ikunu deċiżi f'ħin raġonevoli. 
Dwar il-każ ta' l-LSA Karen Merċieċa l-Qorti kienet qalet li "meta wieħed iqis kollox mhix konvinta dwar il-provi mressqa mill-Prosekuzzjoni. Qalet li għalhekk il-Prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova l-każ tagħha."

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home