Wednesday, September 21, 2016

Wara jiem ta' battibekki provdut trasport lil tfal f'inċertezza jekk kinux sejrin skola jew le

Wara li Inewsmalta qajjem il-każ ta' żewġ itfal aħwa li kienu jinsabu f'inċertezza sħiħa dwar jekk jibdewx is-sena skolastika, issa qed isir magħruf li nstabet soluzzjoni. Wara jiem ta' battibekki u telefonati li ma wasslu għal imkien, wara r-rapport tagħna instabet soluzzjoni u ġie offrut trasport lil dawn it-tfal. B'hekk minn Ħaż-Żebbuġ huma se jkunu ipprovduti bi trasport lejn l-iskola fil-Mosta għat-tifla u fin-Naxxar għat-tifel. L-omm ingħatat konċessjoni ukoll li ma tixtrix l-uniformi ta' din l-iskola għal din is-sena, peress li kif jitlestew il-proċeduri tal-Qorti it-tfal ikunu jistgħu jibdew fl-iskola l-ġdida li hi eqreb lejn id-dar fejn qed jgħixu issa.
L-omm, Concetta rringrazzjat lill-awtoritajiet konċernati li wara li deher ir-rapport bagħtu għaliha u nstabet soluzzjoni.
Ir-rapport ta' Inewsmalta kien jgħid li kien jonqos biss sebat ijiem biex l-iskejjel tagħna jiftħu l-bibien tagħhom mill-ġdid għas-sena skolastika li ġejja iżda żewġt aħwa Maltin, jinsabu f'nofs kwistjoni minħabba li l-omm talbet li jkunu trasferiti lejn kulleġġ ġdid. Minħabba li missier it-tfal hu persuna barranija li kien deportat, dawn it-tfal jinsabu f'inċertezza kbira u kienu għadhom bla skola minħabba li l-Kulleġġ għadu m'aċċettax l-applikazzjoni ta' dawn it-tfal minħabba li m'hemmx il-firma tal-missier.  It-tfal, Aadan u Amal (użaqjna isem fittizju biex nipproteġu l-identità tagħhom), huma diżillużi għal aħħar li minħabba din il-kwistjoni ma jafux meta u fejn se jmorru skola.
L-omm, Concetta, meta tkellmet ma' Inewsmalta kienet qaltilna li "ninsab inkwetata immens. Ktibt lill-iskola bl-avukata tiegħi u xorta ma ġewx aċċettati fil-kulleġġ il-ġdid.  Qed ngħidulhom li bdejna bi proċeduri l-Qorti u xorta ma aċċettawx l-applikazzjoni għax iridu l-firma tal-missier. Dan kien ġie deportat lejn pajjiżu. Min se jara li uliedi verament jieħdu dak li hu dritt tagħhom, id-dritt tal-edukazzjoni".
Inewsmalta stħarreġ fuq din il-kwistjoni, li kienet ilha għaddejja għal diversi ġimgħat.  Il-kwistjoni tmur lura għal ftit xhur, u dan hekk kif l-omm iddeċidiet li ma tibqax tgħix fin-naħa ta' fuq ta' Malta imma tmur tgħix f'Ħaż-Żebbuġ. Dawn it-tfal wieħed ta' 11-il sena u l-oħra ta' 14-il sena kienu jattendu fi skola tal-Gvern fin-Naxxar u l-Mosta rispettivament. Minħabba li l-omm bidlet ir-residenza, hi talbet biex it-tfal ikunu trasferiti. It-talba għat-trasferiment saret biex l-omm tnaqqas l-iskariġġ peress li taħdem u biex huma jkunu viċin fejn joqogħdu. Jidher li b'rabta mat-trasferiment intalbu għadd ta' dokumenti mingħand l-omm fosthom dokumenti tal-Qorti marbutin tal-kustodja. L-omm marret għand l-avukata tagħha u din bditilha proċeduri fil-Qorti.  
Il-Ministeru jwieġeb
Intant wara r-rapport ta' Inewsmalta, il-Ministeru wieġeb li "nixtiequ nserrħu ras il-pubbliku li d-dritt għall-edukazzjoni ta' kwalità għal kull ċittadin mingħajr ebda diskriminazzjoni hu  l-qofol tal-missjoni tagħha.  F'dan il-kuntest tajjeb ikun iċċarat li ż-żewġ studenti li ġew imsemmija fl-artiklu miġjub fuq il-faċċata ta' Inewsmalta kienu għadhom u se jibqgħu jkunu reġistrati fl-iskejjel tal-istat li diġa kienu jattendu fihom. Għaldaqstant id-dritt għall-edukazzjoni ta' dawn l-istudenti, bħal ta' kull ċittadin ieħor, hu mħares".
Il-Ministeru qal li "il-kumplessità legali li nħolqot tirrigwardja biss it-trasferiment mitlub mill-omm biex l-istudenti jimxu minn skola għal oħra.  Il-liġi eżistenti timplika li deċiżjonijiet ta' dan it-tip jittieħdu biss fuq talba dikjarata b'mod formali miż-żewġ ġenituri jew kustodji legali. Skont ma' ġie dikjarat mill-omm, dan mhux possibbli minħabba n-nuqqas ta' aċċessibilità għal wieħed mill-ġenituri.  Hekk kif il-kulleġġ fehem li seta' kien hemm ċirkostanzi ġenwini lura f'Marzu li għadda, spjega lill-omm kif setgħet tegħleb dan l-ostakolu b'mod legali billi titlob appoġġ tal-qorti li wara li teżamina l-każ tkun tista' tikkunsidra jekk tagħti id-dritt lil omm li tkun tista' tieħu deżiżjonijiet ta' din ix-xorta waħidha".
Enfasizza li "għaldaqstant, waqt li esprimi n-nuqqas ta' qbil li sitwazzjoni sensittivi bħal dawn jiġu esposti u diskussi b'mod pubbliku, il-Ministeru jirrijafferma li ż-żewġ studenti msemmija għandhom is-serħan il-moħħ li qatt ma kien hemm l-iċken dubjhu dwar l-opportunità għat-tkomplija tal-edukazzjoni formali tagħhom, li sakemm  il-qorti toħroġ id-deċiżjoni tagħha se tkun qed tkompli fl-iskejjel marbuta mal-kulleġġ li fih l-istudenti kienu jattendu.  Tajjeb wieħed iżid li l-Ministeru tant hu konxju ta' sitwazzjonijiet legali kumplessi li ġieli jxekklu l-edukazzjoni tal-ulied f'ċirkostanzi diversi, li fl-abbozzi proposti tal-Att dwar l-Edukazzjoni li bħalissa huma għall-konsultazzjoni pubblika ħoloq provediment legali biex dawn ikunu jistgħu jiġu indirizzati barra l-qrati. Hu kompletament skorrett l-impressjoni li ngħatat li l-Gvern qed iċaħħad lil dawn iż-żewġ studenti milli jieħdu l-edukazzjoni tagħhom".

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home