Bdiewa kontra l-bini ta' dar tal-anzjani fil-Għargħur
Bdiewa mill-Għargħur, qegħdin joġġezzjonaw bil-qawwa kollha għall-proposta ta' żvilupp biex art agrikola ta' xejn inqas minn 12,000 metru kwadru, tinbidel f'dar għall-anzjani b'għadd ta' faċilitajiet. Din l-art inkwistjoni tinsab f'Tal-Balal fin-Naxxar. Iż-żewġ persuni li jaħdmu art għammiela f'din iż-żona mhux biss qed jesprimu it-tħassib tagħhom imma anke oġġezzjonaw direttament mal-Awtorità tal-Ippjanar. Mhux eskluż li jista' jkun hemm aktar bdiewa li joġġezzjonaw għal dan l-iżvilupp fuq art li tinsab barra miż-żona tal-iżvilupp. Il-bdiewa min-naħa tagħhom qed jagħmluha ċara li dan l-iżvilupp jinsab fuq art li hi barra miż-żona ta' żvilupp u għalhekk tali proposta ta' żvilupp m'għandhiex tkun permessibbli.
Huma qed jenfasizzaw ukoll li l-art li fuqha hi proposta li tinbena din id-dar għall-anzjani, hi art agrikola kultivata, liema art tinħadem mill-istess bdiewa. Huma jirrimarkaw li ilhom jaħdmu din l-art snin sħaħ u minħabba jipproduċu diversi prodotti. Apparti dan, infurmaw lill-Awtorità tal-Ippjanar li fiż-żona hemm l-ilma u dan jintuza minn diversi bdiewa biex ikabbru l-prodotti tagħhom. Il-bdiewa saħqu ukoll li din il-proposta ta' żvilupp jekk tingħata l-permess se tikkawża danni serji lill-ambjent taż-żona. Ta' min jgħid li l-proposta ta' żvilupp apparti l-bini ta' dar għall-anzjani, tikkonsisti ukoll f'pixxina u faċilitajiet anċillari. Resident li jgħix ftit bogħod, f'kuntatt li kien għamel ma' Inewsmalta qalilna li "naħseb li ma nistgħux nibqgħu nitilfu aktar art verġni. Nifhem li dan hu proġett essenzjali għax hawn bżonn djar tal-anzjani. Dan imma m'għandux isir għas-skapitu tal-ambjent".
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home