Ġeneraturi fuq is-saqaf tal-Katidral tal-Imdina għax qed ikollhom qtugħ tal-elettriku!
Dawk il-persuni li kienu qed isegwu mill-qrib il-mod ta' kif kienet qed tiżvolġi l-kwistjoni ta' proposta ta' ġeneraturi fuq il-bejt tal-Katidral tal-Imdina, ma setgħux jemmnu lil għajnejhom meta qraw x'inkiteb dwar ir-raġuni għaliex saret il-proposta tal-ġeneraturi. Fir-rapport tal-uffiċjal inkarigat, li approva l-proposta u għalhekk fuq is-saqaf ta' din il-binja skedata fi Grad 1 se jkun hemm 2 ġeneraturi, intqal li 'dawn il-ġeneraturi huma intenzjonati li jiżguraw li ma jkunx hemm qtugħ ta' provvista ta' dawl għal funzjonijiet li jkunu qed isiru fil-Katidral, li fil-preżent qed ikun affettwat minn qtugħ frekwenti fil-provvista tal-elettriku".
Resident li tkellem magħna qalilna li "ma stajtx nemmen ir-raġuni li ngħatat. Jien nista' ngħidlek li kważi insejt meta l-aħħar li inqata' id-dawl. Kif dawn qed jgħidu li qed jinqata' b'mod frekwenti." L-istess resident qalilna li "meta għandek binja bħal din skedata, kif tista' tagħmel ġeneraturi fuq il-bejt, bir-riskji kollha li dawn iġibu. Possibbli ma setax jinstab post ieħor? Tajjeb li forsi l-Kapitlu tal-Katidral jispeċifika għal liema attivitajiet qed jirreferi hux dawk reliġjużi, li m'humiex ħafna jew funzjonijiet privati marbutin ma' tiġijiet li jsiru". Irid jingħad li wara li s-Sovrantendenza għall-Patrimonju Kulturali kienet talbet aktar informazzjoni u esprimiet ċerti tħassib, wara li ngħatat aktar informazzjoni, aċċettat il-proposta. Fost dettalji li kienu talbu kien hemm dawk ta' x'tip ta' ġeneraturi se jintużaw u s-sigurtà tagħhom u anke dwar kif se jgħaddu s-servizzi.Ta' min jgħid li l-Imdina tpoġġiet fuq il-lista biex dan il-post ikun meqjus bħala Wirt Storiku Dinji tal-UNESCO u għalhekk hu importanti li l-veduti tal-Imdina jibqgħu intatti.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home