Esperti Forensiċi mill-IRCGN janalizzaw il-fdal fit-Technopark
Fost sigurtà kbira il-katavri ta' dawk li mietu fil-kraxx tal-ajruplan Fairchild Metroliner, li kienu żewġ eks piloti tal-Armata Franċiża u tlett persuni tekniċi tad-Direttorat għas-Sigurtà Esterna, kienu identifikati minn tobba militari Franċiżi li jinsabu f'pajjiżna. Kampjuni mill-iġsma se jintbagħtu ukoll fi Franza għal aktar testijiet, inewsmalta.com hi infurmata li fl-aħħar sigħat waslu f'pajjiżna tim ta' esperti forensiċi mill-Istitut għar-Riċerka Kriminali tal-Armata Franċiża (IRCGN). Dawn l-esperti fl-aħħar sigħat kienu fiż-żona fejn bħalissa jinsab l-ajruplan, żona kontrollata mill-armata Maltija, fejn bdew janalizzaw il-fdalijiet. L-ajruplan jinsab f'binja fit-technopark tal-Mosta.
Hekk kif mhux eskluż li l-istess esperti forensiċi jerġgħu jmorru fiż-żona fejn seħħ il-kraxx fl-ajruport, jidher li l-investigazzjonijiet se jkomplu fi Franza. Wara li inewsmalta.com ippubblikat l-isem tal-bdot, hekk kif jidher li f'Malta kellu diversi ħbieb, kollox qed jindika li tlett ismijiet tal-persuni tekniċi aktarx jibqgħu mistura u dan biex ikunu protetti l-familjari tagħhom minħabba ix-xogħol li dawn kienu jagħmlu. Ġurnalisti Franċiżi li tkellmu ma' inewsmalta.com spjegaw in-nuqqas ta' informazzjoni li qed tingħata mill-awtoritajiet Franċiżi fejn id-Direttorat għas-Sigurtà Esterna qed joqgħod lura milli jikkummenta jew jagħti informazzjoni. Filfatt l-istess direttorat informa ġurnalisti li kkuntattjawh biex isir kuntatt mad-Dipartiment ta' Difiża. Dan id-Dipartiment qed jgħid biss li qed jagħmel investigazzjoni interna.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home