Sunday, November 6, 2016

It-Tubru ''jingħata l-ħajja'' f'Ħaż-Żabbar
    •    Nov 03, 2016 08:30


Tradizzjoni li nqatgħet minn pajjiżna f'dawn il-jiem li fihom jitfakkru l-persuni li jkunu mietu kienet it-Tubru. Dan kien ikun qisu tebut mgħotti b'ras ta' skeletru tat-tafal fuqu. Din hi tradizzjoni Kattolika peress li l-Knisja Kattolika dejjem emmnet li l-ġisem tal-bniedem hu tempju tal-Ispirtu s-Santu. Matul ix-xahar ta' Novembru, it-tradizzjoni tat-Tubru se terġa' tieħu l-ħajja u dan hekk kif dan intrema' fil-Mużew tas-Santwarju f'Ħaż-Żabbar.


Ta' min jgħid li sa qabel il-Konċilju Vatikan II li ntemm fl-1965 kien jintrama' t-tubru fil-knejjes f’Novembru u anke waqt suffraġju ta’ quddies lejn l-erwieħ matul is-sena. Kienet drawwa li jsiru anniversarji tal-mewt kull sena ħafna drabi mħollija fit-testmenti mill-persuni qabel imutu. 
Ġeneralment il-knejjes kien ikollhom żewġ faldrappi, biex waħda tintrama' waqt il-quddies ta’ suffraġji normali u l-oħra aktar rikka li tintuża f’okkażjonijiet ta’ meta jmut xi Papa jew xi ħadd imlaħħaq fil-ġerarkija tal-knisja. Peress li jixbaħ tebut mgħotti, l-iskop tiegħu kien li jfakkar lill-fidili jitolbu għall-erwieħ. Fuq it-tubru kienet titpoġġa ras ta’ skeletru ta’ bniedem tat-tafal u jekk ikun xi persuna fil-kleru kienu jiżdiedu xi berettin u stola. 


F’kaz li jmut isqof kien jintrama' b’mitra waqt li jekk imut il-papa kien jiżdied trirenju. Kollox kien jitgħatta b’filoxx iswed irqiq. F’każ ta’ persuni importanti kien ukoll jiżdied l-armar u x-xemgħat. Għax-xemgħat kienu jintużaw gandlieri ta’ kulur iswed maħdumin b’sengħa kbira fil-ħadid. Simboli differenti li kienu impinġija fuq l-injam li jfakkru fil-mewt lil min jarahom kienu jiddendlu max-xemgħat. F’każ ta’ mewt ta’ Papa jew Isqof xi drabi kienu jiżdiedu l-armi araldiċi tagħhom.

L-aħħar darba li ntrama' għal mewt ta’ Papa f’Ħaż-Żabbar kien għal-mewt tal-Papa Ġwanni XXIII fl-1963 li tiegħu kienu saru l-armi araldiċi u wkoll tal-Istat tal-Vatikan.
It-tubru kien ukoll jintrama' biex jitfakkru fratelli mejtin mill-fratellanza li fiha kienu jkunu membri. Dan kien isir waqt il-quddies għal ruħ il-fratelli mejta li kull ta’ fratelli mejtin li kienu jsiru matul ix-xahar ta’ Novembru fejn kienu jiżdiedu tpinġijiet fuq l-injam b’simboli marbuta mal-fratellanza mdendla max-xemgħat. L-abiti sagri li jilbes il-qassis kienu jkunu ta’ lewn iswed. Insibu 2 tuniċelli suwed u kappa tal-bellus iswed kif ukoll il-pjaneti li kienu jintlibsu għal waqt il-quddiesa.

Nhar it-2 ta’ Novembru il-quddies kollu jsir għas-suffraġju tal-erwieħ. Ħafna qassisin f’dan il-jum iqaddsu 3 quddisiet u xi uħud għadhom bid-drawwa li jieħdu sehem fi 3 quddisiet matul din il-ġurnata.
It-tubru se jkun armat fil-Mużew tas-Santwarju matul ix-xahar ta’ Novembru. Fil-wirja barra t-tubru armat insibu wkoll is-simboli li kienu jintrabtu max-xemgħat, bandalora antika, u wkoll abiti sagri ta’ lewn iswed li ma għadhomx jintużaw fil-knejjes.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home