Sunday, November 6, 2016

"Imħassbin mill-kundizzjoni tal-bini" - Maltin li jgħixu f'żoni milqutin mit-terremot
    •    Ott 31, 2016 09:15


  "Imħassbin mill-kundizzjoni tal-bini. Fl-aħħar jiem esperjenzajna wisq theżżiż. X'se tagħmel tibqa' tgħix hawn meta għandek bini li minn barra jidher li hu sew imma jista' jkun li hu mheżżeż miċ-ċaqlieq tal-art. Titħasseb u tkun bejn ħalltejn jekk tiġix lura lejn Malta jew tibqax hemm. Nista' ngħidlek li theżżiż inħass sew.  Il-qraba f'Malta mħassbin għalina". Dawn kienu l-kummenti li għadditilna familja Maltija li tgħix qrib sew taż-żona fejn fl-aħħar jiem intlaqtet minn diversi terremoti fiċ-ċentru tal-Italja fosthom Maċerata.  Familja oħra, li kienet tgħix qrib fejn seħħ it-terremot ta' Awwissu li għadda, u li ħassew ukoll dan it-theżżiż mistennija tiġi lura lejn Malta fl-aħħar jiem. Hu kkalkulat li din iż-żona fl-aħħar xhur esperjenzat xejn inqas minn 1,000 theżżiża, ħafna minnhom ikunu żgħar ħafna.
F'kumment li għadditilna Ruth Ferriggi, li tgħix madwar 100 kilometru bogħod mill-epiċentru tat-terremot, qaltilna li "tħossok impotenti meta id-dar tibda tiċċaqlaq. Jaqbdek paniku imma tibqa' issummat. Il-linfa fil-kamra bdiet tiċċaqlaq u l-affarijiet fil-kamra u l-għamara instemgħu iċekċku. It-tifel ta' 8 snin  ħassu u qam mis-sodda imbeżża. It-terremot dam mhux ħażin. Kienu sekondi li dehru qishom mhu se jgħaddu qatt. Mill-ewwel ħsibna li fejn sar iġġarraf il-bini". 
Spjegatilna li "ħafna nies ħarġu bil-piġama barra. Ċemplulna anke nies minn Napli biex jaraw hux kollox sew". 
Marion Pulvano Guelfi qaltilna li "mit-terremoti tal-aħħar xhur jien dan biss ħassejt. Kien qawwi ħafna."
Tgħidilna li "r-raġel tiegħi dejjem ħasshom it-theżżiżiet tal-aħħar xhur. Is-sensazzjoni kienet qisha xi ħadd qabadli s-siġġu u beda jċaqilqu. Fil-fatt dak il-ħin għidt lir-raġel iħallili s-siġġu imma mhux hu kien. Imbagħad ħsibt li kien se jħossni ħażin. Dan għax inti tħoss taħtek u madwarek jiċċaqlaq. Imbagħad indunajna li l-linfa fil-kamra l-oħra kienet qed titbandal u affarijiet imdendla mal-ħajt ukoll! Hemmhekk indunajna li terremot. Ħassejt taħti jogħla u jiċċaqlaq qisha għaddiet mewġa minn taħtna. Dam ftit sekondi mhux ħażin".
Tkompli tgħidilna li "lanqas biss qomt minn fuq is-siġġu bil-biża. Ikollok is-sensazzjoni li taf li f'dak li qed jiġri m'għandekx kontroll. 
Intant il-Maltin kollha li jgħixu fiż-żona ġew ikkuntattjati mill-Ambaxxata Maltija f'Ruma. L-Ambaxxata infurmat li l-metro f'Ruma kienet magħluqa b'mod temporanju u dan biex isiru l-ispezzjonijiet neċessarji.  Hi ħeġġet lill-Maltin fl-Italja biex jinfurmaw lil qrabathom li jinsabu tajbin.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home