Sunday, November 6, 2016

Sabutaġġ ''aktarx improbabbli''
 
  
  It-tiġrif tal-ajruplan Metroliner Mark III u l-ewwel indaġini
B'esperti forensiċi mill-Istitut għar-Riċerka Kriminali (IRCGN) jibdew l-indaġini tagħhom f'Malta b'rabta mat-tiġrif tal-ajruplan Fairchild Metroliner III li wassal għal mewt ta' ħames persuni Franċiżi, kollox qed jindika li għalkemm kollox għadu miftuħ u m'hemm ebda deċiżjoni, il-possibilità ta' sabutaġġ fuq l-ajruplan qed titqies bħala li ''hi improbabbli''.  Mill-ewwel stħarriġ li sar f'żoni fejn kien jinżamm l-ajruplan fl-ajruport ġew analizzati fosthom is-sigurtà f'park 2 fejn spiss kien ikun l-ajruplan. Kollox qed jindika li s-sigurtà stretta li hemm f'dawn il-postijiet, qed tindika li l-kwistjoni ta' sabutaġġ hi improbabbli għalkemm sa issa għadha mhix qed tkun eskluża kompletament.
"Qatt ma tista' teskludiha totalment fi stadju bikri bħal dan, imma hemm sigurtà kbira fl-ajruport u f'dik iż-żona", qalulna sorsi qrib l-avjazzjoni li tkellmu magħna.

Il-fdalijiet tal-ajruplan jidher li sejrin Franza
Intant waqt li xejn mhu ċar dwar l-investigazzjonijiet li qed isiru fejn inħaret inkjesta fi Franza u oħra f'Malta. Sorsi qrib is-settur tal-avjazzjoni spjegawlna li l-pajjiż fejn isir l-inċident hu obbligat li jagħmel l-inkjesta. Biss peress li l-ajruplan hu barrani, kien mistenni li jiġu f'pajjiżna esperti barranin. 
Jidher li wara li jintemmu l-proċeduri inizjali tal-inkjesta f'Malta, jista' jkun li l-awtoritajiet Franċiżi jagħmlu talba biex il-fdalijiet jittieħdu fi Franza għal aktar stħarriġ.  
Tobba militari Franċiżi identifikaw l-katavri
Intant fl-aħħar jiem fost sigurtà kbira il-katavri ta' dawk li mietu fit-tiġrif tal-ajruplan kienu identifikati minn tobba militari Franċiżi li jinsabu f'pajjiżna. 
inewsmalta.com hu infurmat li fl-aħħar sigħat waslu f'pajjiżna tim ta' esperti forensiċi mill-Istitut għar-Riċerka Kriminali tal-Armata Franċiża (IRCGN).
Dawn l-esperti fl-aħħar sigħat kienu fiż-żona fejn bħalissa jinsab l-ajruplan, żona kontrollata mill-armata Maltija, fejn bdew janalizzaw il-fdalijiet.
Hekk kif mhux eskluż li l-istess esperti forensiċi jerġgħu jmorru fiż-żona fejn seħħ il-kraxx fl-ajruport, jidher li l-investigazzjonijiet se jkomplu fi Franza.
Ġurnalisti Franċiżi li tkellmu ma' inewsmalta.com spjegaw in-nuqqas ta' informazzjoni li qed tingħata mill-awtoritajiet Franċiżi fejn id-Direttorat għas-Sigurtà Esterna qed joqgħod lura milli jikkummenta jew jagħti informazzjoni. Filfatt l-istess direttorat informa ġurnalisti li kkuntattjawh biex isir kuntatt mad-Dipartiment ta' Difiża. Dan id-Dipartiment qed jgħid biss li qed jagħmel investigazzjoni interna.
Ritratt: ANDREA SACCO BALDACCHINO


0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home