Sunday, November 6, 2016

Metodi abbużivi fuq priġunieri lokali
    •    Nov 01, 2016 09:15


Rapport mill-Kumitat Kontra t-Tortura tal-Kunsill tal-Ewropa jallega li ħabsin miżmumin f'Monte Carmeli esperjenzaw l-użu ta' 'pepper spray' jew 'CS Gas'
Fost l-allegazzjonijiet li tressqu quddiem il-Kumitat kontra t-Tortura tal-Kunsill tal-Ewropa, fi żjara li delegazzjoni għamlet f'Malta f'Settembru tas-sena 2015, kien hemm li xi pazjenti ddikjaraw li ntuża pepper spray u CS Gas fiċ-ċellel tal-unit forensiku fl-Isptar Monte Carmeli.
Skont l-informazzjoni li ngħatat jidher li dan sar biex jikkontrollaw pazjenti li bdew jirrifjutaw li jieħu kura medika. Il-Kumitat għamilha ċara u ddikjara li hu inaċċettabbli li CS Gas jintuża fuq pazjenti f'kamra tal-isptar sempliċiment biex tingħata l-kura.  Il-Kumitat ta' Kontra t-Tortura tal-Kunsill tal-Ewropa rrimarka li jixtieq konferma mill-awtoritajiet Maltin li CS Gas u Pepper Spray mhux qed jintuża fl-Isptar Monte Carmeli.
Ir-rapport ippubblikat mill-Kumitat ta' Kontra t-Tortura tal-Kunsill tal-Ewropa, ikkritika l-mod ta' kif qed jitmexxew il-units forensiċi fl-Isptar Monte Carmeli u ddikjara li "l-isptar mhux immexxi b'mod tajjeb u li dan qed jaffettwa b'mod negattiv il-kura provduta lill-pazjenti".
 Irrakkomanda li għandu jkun hemm reviżjoni tal-għan u tal-funzjoni tal-unit forensika.  Iddikjara kif hemm pazjent li qed jinżamm f'din it-taqsima u m'għandux problemi mentali, waqt li pazjent ieħor għandu bżonn infermier miegħu l-ħin kollu  biex tiġi żgurata is-sigurtà tiegħu.
Il-Kumitat ta' Kontra t-Tortura irrimarka tifħir għall-Pulizija u kif dawn jitrattaw lill-persuni arrestati, waqt li anke sostniet li kien hemm titjib sostanzjali fejn tidħol id-detenzjoni.  Dwar il-Faċilità Korrettiva ta' Kordin faħħar ir-relazzjonijiet tajbin li hemm bejn l-istaff u priġunieri. 
Serqet mowbajl u spiċċat f'Monte Carmeli
Il-kumitat qal ukoll li ġie infurmat kif żgħażagħ minn Dar Fejda u minn Jeanne Antide kienu qed jitpoġġew b'mod involontarju fl-Isptar Monte Carmeli  u dan minħabba imġiba distruttiva u mhux minħabba diżordni mentali. Fost ir-raġunjiet għaliex żgħażagħ spiċċaw fl-isptar Monte Carmeli kienu ''għax serqu mowbajl'', "qabżet minn tieqa ta' Dar Jeanne Antide".  
Ir-rapport jgħid li kien hemm tifla ta' disa' snin u nofs li kienet riferuta lejn il-YPU u dan minħabba li spiċċat b'tantrum fil-karozza li kienet qed titrasportaha lejn Dar Anġela. Il-kumitat qal li t-tfal m'għandhomx jitpoġġew  f'faċilità ta' kura psikjatrika.
Il-kumitat qal ukoll li d-delegazzjoni ltaqgħet ma' pazjenta femminili li kienet trasferita mill-YPU lejn sala tal-adulti femminali fl-Isptar fejn hi nżammet f'seclusion unit għal diversi ġimgħat minħabba aġir problematiku. Il-Kumitat qal li l-maniġment tal-isptar  adotta politika biex tfal u żgħażagħ  ma jitpoġġewx f'ward tal-adulti.
Il-Pulizija jitrattaw tajjeb lil dawk arrestati
Ir-rapport jitkellem dwar l-infurzar tal-liġi u qal li mill-istħarriġ li għamel jidher li l-Pulizija b'mod ġenerali jitrattaw tajjeb lil dawk arrestati.  Qalet li ma irċeviet l-ebda allegazzjonijiet ta' trattament ħażin.  Irrimarkat iżda li l-awtoritajiet għandhom jiżguraw li dawk arrestati jew miżmumin għandu jkollhom aċċess għal avukat waqt li jkunu fil-kustodja tal-Pulizija. Spjegat li għandhom jittieħdu passi biex l-informazzjoni tinżamm aħjar fl-Għases tal-Pulizija.
Saħqet li għandu jkun żgurat li dawk il-persuni li jkun hemm bżonn jagħmlu aktar minn sitt sigħat arrestati, dawn għandhom ikunu trasferiti lejn il-Kwartieri Ġenerali  tal-Furjana.
Ir-rapport jgħid li għalkemm il-kundizzjonijiet materjali fid-detenzjoni fl-għases b'mod ġenerali huma adekwati, instabu xi defiċjenzi fosthom nuqqas ta' aċċess għall-ilma tax-xorb, ventilazzjoni u dawl fqir.  Iċ-ċellel fil-lock up ta' Għawdex instabu li huma żgħar biex wieħed jorqod fihom. Il-kumitat irrakkomanda ukoll li persuni li jkunu detenuti għal aktar minn 24 siegħa fil-kustodja tal-Pulizija, għandu jkollhom aċċess għall-arja ta' barra.  Ir-rapport irrakkomanda ukoll li jkun hemm it-twaqqif ta' sistema indipendenti ta' monitoraġġ għall-faċilitajiet tad-detenzjoni tal-Pulizija.
Tħassib dwar ġlied regolari bejn migranti żgħażagħ f'Dar il-Liedna
Dwar id-detenzjoni tal-immigranti ir-rapport qal li nnota b'mod pożittiv li ftit persuni kienu miżmumin fid-detenzjoni meta saret iż-żjara. Qal li b'inqas nies jagħmilha aktar faċli li jiżgura li dawk li jkunu detenuti jkunu miżmumin f'kundizzjonijiet diċenti. Il-kumitat qal li għandu jkun hemm reviżjoni fid-detenzjoni tal-immigranti.  Il-kumitat talab li għandu jkun hemm titjib fil-kundizzjonijiet fil-barracks ta' Ħal Safi. 
Dwar Dar il-Liedna, li hu ċentru miftuħ għal żgħażagħ, il-kumitat esprima it-tħassib tiegħu għal ġlied regolari bejn l-istess residenti.
Il-kumitat żar ukoll il-faċilità korrettiva ta' Kordin u qal li d-delegazzjoni  osservat li b'mod ġenerali hemm relazzjonijiet tajbin bejn il-ħaddiema u l-priġunieri. Qalet li ma kienx hemm allegazzjonijiet ta' trattament ħażin minn ħaddiema fil-faċilità. Qalet li meta żaret il-ħabs kien hemm persuni transgender  u wieħed intersex li kienu qed jinżammu f'diviżjonijiet tal-irġiel. Ippropona li dawn jitpoġġew f'diviżjonijiet  skont kif huma jidentifikaw lilhom infushom.   
Il-kumitat sostna li kien hemm xi tibdil  fuq il-kundizzjonijiet materjali u xi diviżjonijiet ingħalqu.  Waqt li qal li dan hu pożittiv, qal ukoll li kien hemm diviżjonijiet  li kellhom kundizzjonijiet fqar.  Fost dawn kien hemm Diviżjoni II, Diviżjoni III u Diviżjoni 13.  Irrimarka li ċ-ċellel kienu sħan, maħmuġin, b'nuqqas ta' ventilazzjoni, tojlits ma jiffunzjonawx sew u bi priġunieri ma jkollhomx aċċess dirett għall-ilma tax-xorb.  Il-kumitat irrakkomanda li għandhom jittieħdu passi biex dawn in-nuqqasijiet jiġu rranġati.
Il-kumitat laqa' b'mod pożittiv il-fatt li 80 fil-mija tal-popolazzjoni tal-ħabs kienet offruta xogħol u edukazzjoni. Il-kumitat sejjaħ biex il-politika dwar l-għomor il-ħabs tkun riveduta fosthom biex dawk b'sentenza ta' għomor il-ħabs ikollhom il-possibilità li japplikaw għal ħruġ kundizzjonat.
Dwar il-kura għas-saħħa, il-kumitat qal li hemm kordinazzjoni insuffiċjenti fejn jirrigwarda servizzi għas-saħħa, fejn m'hemm ebda strateġija għal dak li jissejjaħ 'self harm' (jiġifieri meta persuni jagħmlu feriti huma stess fuq ġisimhom) u li l-amministazzjoni ta' mediċina psychotropic ma kinitx sigura. Il-kumitat irrakkomanda li għandu jkun hemm kunfidenzjalità medika garantita u li l-uffiċjali tal-ħabs ikollhom aċċess għal rekords mediċi. Il-kumitat semma' ukoll li għandu jkun hemm sistema komprensiva ta' prevenzjoni mis-suwiċidju.

Il-kumitat tratta ukoll il-YOURS - is-sezzjoni tal-priġunieri żgħażagħ, u qal li għalkemm l-atmosfera hi tajba, kien hemm xi inċidenti żgħar ta' vjolenza bejn il-priġunieri. Il-kumitat irrimarka li l-priġunieri żgħażagħ  ma kinux provduti minn programm sħiħ ta' attivitajiet barra ċ-ċella, ma hemmx programmi biex jgħinu lil żgħażagħ jippreparaw għad-dħul mill-ġdid fis-soċjetà.  Il-kumitat talab li għandhom jittieħdu azzjonijiet  biex jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet.
Infermier wieħed biss speċjalizzat f'kura psikjatrika
Dwar it-taqsima forensika fl-Isptar Monte Carmeli, il-kumitat qal li t-taqsima forensika tan-nisa u l-irġiel ma kinux qed jitmexxew tajjeb  u li dawn kien qed ikollhom impatt fuq il-pazjenti. Il-kumitat irrakkomanda reviżjoni kompleta tal-funzjoni u l-għan tal-unit forensika. Semma' l-bżonn li jkun hemm investiment fir-reklutaġġ u fit-taħriġ ta' infermiera kwalifikata biex tagħmel xogħol fis-servizz forensiku psikjatriku. Qal li kien hemm infermier wieħed biss li ien speċjalizzat f'kura psikjatrika.
Il-kumitat irrimarka li "l-ambjent ġenerali hu wieħed ta' ħabs u li ma kien hemm ebda pjan ta' kura individwalizzati.
Il-kumitat irrakkomanda li l-pazjenti kollha jkollhom sodda bi spazju għalihom fejn iżommu l-affarijiet personali tagħhom.  Li l-pazjenti jkollhom aċċess għall-ilma u li kmamar ta' 8.5 metru kwadru m'għandhom jintużaw biex jakkomodaw aktar minn pazjent wieħed. 
Spjegaw li irċevew ilmenti dwar il-kwalità tal-ikel fejn xi pazjenti qalu li huma kienu qed iwarrbu dan l-ikel u joqogħdu fuq ikel li jġibulhom il-qrata. Il-kumitat irrakkomanda li l-menu fil-unit forensika ikun tas-superviżjoni ta' persuna kwalifika fid-dieta.
Il-kumitat ikkritika ukoll il-fatt li kien hemm tifla li tpoġġiet f'ward tan-nisa u qal li t-tfal qatt m'għandhom jitpoġġew f'wards tal-kbar.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home