Monday, May 11, 2015




Fruntiera miftuħa fil-Libja...jidħlu mal-1,000 persuna kull ġimgħa


F'ħafna dibattiti li jsiru dwar l-immigrazzjoni inkluż dawk fost istituzzjonijiet Ewropej, spiss nisimgħu fuq il-bżonn li jkun hemm kontroll fuq il-kosta Libjana - il-kosta li minnha jitilqu l-immigranti.  Min isemmi t-tkissir tad-dgħajjes, u min isemmi miżuri oħra fuq l-art biex jinqabdu t-traffikanti jew fid-djar fejn qed ikunu jinżammu l-istess immigranti. Din ġabet diskussjoni ta' kif se jintgħarfu d-dgħajjes li jużaw it-traffikanti minn dik tas-sajjieda Libjani. Għal ħafna Libjani il-problema hi ferm aktar kumplessa minn hekk. it-Torċa tkellmet ma' Saleh, persuna li jgħix fin-nofsinhar tal-Libja u li jaf sew kif qed titmexxa l-fruntiera man-Niger.
Saleh jiddikjara magħna bla tlaqlieq li "kull ġimgħa nikkalkula li jidħlu mal-1,000 persuna. Uħud mgħobbijin fi trakkijiet u oħrajn f'vannijiet. Fin-nofsinhar il-fruntieri jitmexxew mit-Tobou fuq naħa u mit-Touregs fuq naħa oħra. Riżorsi m'hemmx. Intalbet għajnuna kemm il-darba, iżda qatt ma waslet. Is-sitwazzjoni fin-naħa ta' fuq tal-Libja hi problematika u għalhekk diffiċli biex jagħtu kas x'qed jiġri hawn. L-enfasi fil-fruntiera tan-nofsinhar hi fuq kontroll ta' drogi, armi u alkohol. Traffikar iehor jibqa' għaddej", jiddikjara Saleh.

Kummerċ ta' ikel u nies qed jitħalla jgħaddi
Saleh ma jonqosx li juri t-tħassib ta' nies f'Sebħa li tinsab fin-nofsinhar tal-Libja. Jgħidilna li "kemm it-Tobou li jikkontrollaw il-fruntiera mas-Sudan u parti minn dik tan-Niger kif ukoll it-Tuaregs li jikkontrollaw il-parti l-oħra, qed iħallu persuni li huma qrib il-kommunitajiet etniċi tagħhom jidħlu fil-Libja. Jibqgħu telgħin sa Sebħa u finalment lejn Tripli. Aħna f'Sebħa imħassbin għax nistgħu nispiċċaw minorità. It-Touregs ma jgħixux hawn biss imma għandhom kommunitajeit sħaħ fin-Niger, il-Mali u l-Burkina Faso. M'għandniex problema mat-Tuaregs u t-Toubou. Imma biex il-fruntiera tkun sigurà ma jistax ikun li tibqa' tiġi kkontrollata minnhom".
Dwar it-Toubou jgħidilna li "dawn għandhom l-għeruq tagħhom fiċ-Ċad. Fin-nofsinhar tal-Libja hemm kommunitajiet sħaħ u issibhom ukoll fin-Niger u f'xi partijiet tas-Sudan.  Fil-fruntieri man-nofsinhar ir-riżorsi huma limitati. Ma jistgħux joqgħodu ifittxu f'kull trakk li jidħol. Qed issir enfasi fuq drogi u armi. Ikel, u persuni kif ukoll oġġetti oħra li jidħlu mill-fruntiera qed jitħallew jiġu negozjati. Hemm persuni involuti fil-fruntiera li ma jitħallsux ta' xogħolhom. Dawn iridu jġibu l-flus minn fuq dan il-kummerċ. Hu fatt li l-ġid li jiġi ġġenerat mit-Toubou hu ġej mit-traffikar", iddikjara Saleh.
Nistaqsuh min huma dawn in-nies li qegħdin involuti fil-kontroll ta' fruntieri u ma jitħallsux.  Jgħidilna "dawn huma it-Thuwars.  Persuni li ġġildu kontra r-reġim erba' snin ilu. Is-suldati jieħdu l-paga, imma Thuwars le".
Saleh jgħidilna li "l-immigranti li jiġu hawn jgħidulek ċar u tond, kif daħlu mill-fruntiera tan-Niger u ħadd ma talbhom dokumenti. Jgħidulek konna f'vann jew fi trakk u għabbewna f'iehor u bqajna deħlin.  Ovvjament hemm prezz għal dan. Mhux kulħadd l-istess imma bejn wieħed u iehor biex minn Niger jew mill-Mali tiddaħħal il-Libja iħallsu bejn $1,400 u $1,600.  Ma' dawn trid iżżid pagament iehor li jvarja minn $300 għal $400 - li huma ħlasijiet li jsiru lit-Toubou fil-fruntiera. Ħafna minn dawn il-vjaġġi lejn il-fruntiera mal-Libja jitilqu minn Madama li hi fin-Niger".

'Qatt ma jidħlu bihom fil-belt….iħalluhom kilometri bogħod'
Saleh jgħidilna li "l-immigranti jagħmlu ftit xhur f'Sebħa. Jaħdmu sakemm ikollhom ftit aktar flus biex ikomplu bil-vjaġġ. Meta jkunu qed jinġabu minn mal-fruntiera tan-Niger ma jidħlux bihom fil-belt. Iħalluhom ftit kilometri bogħod fid-deżert. Minn hemm jimxu lejn il-belt.  Ġieli lejn Sebħa u drabi oħra lejn Ubari. Ġieli spiċċaw jgħinuhom in-nies tal-post għax ma jkollhomx ilma u ikel".
Nistaqsuh fuq dak li jirrakkontaw l-immigranti fosthom trattament ħażin. Saleh jiddikjara li "meta jgħidu hekk ikunu qed jirreferu għal dak li għaddew minnu fi Tripli jew fin-naħa ta' fuq tal-Libja.  Fi Tripli u bliet oħra mal-kosta hemm ħafna xogħol għall-immigranti. Fin-nofsinhar ħafna inqas.  Imma hawnhekk aħna nifhmuhom ħafna iżjed lil Afrikani, milli dawk li jgħixu fin-naħa ta' fuq tal-Libja".

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home