Saturday, May 2, 2015



L-avukati xxukkjati bid-deċiżjoni - il-familjari b'qalbhom maqsuma….

'Moħħi fl-Awstralja…..jien
maqbud hawn bla raġuni'
         -  Alex Vella, il-Kap tar-'Rebels' fl-Awstralja


Imdawwar minn għadd ta' ħbieb tiegħu f'ħanut tat-te fil-Mosta, fosthom persuni li daqs 55 sena ilu kienu miegħu fl-iskola Primarja ta' San Pawl il-Baħar, il-biker Malti Awstraljan Alex Vella iddikjara li "ninsab dispjaċut għad-deċiżjoni tal-Qorti. Moħħi qiegħed fl-Awstralja imma jien qiegħed maqbud hawn. Bla raġuni.  M'għandhom ebda raġuni għax kieku għandhom xi ħaġa ħażina fuqi kienu jtellgħuni l-Qorti u jitfgħuni l-ħabs. Familti qalbha maqsuma. Għalissa m'hemm xejn x'nistgħu nagħmlu. L-avukati tiegħi fil-messaġġi li bagħtuli iddikjaraw li jinsabu xxukkjati. Fil-mument li deher li konna qed nikkonvinċu spiċċajna nitilfu l-kawża. Ma nistax nidħol l-Awstralja. Destinat għal hawn".
L-ORIZZONT ilbieraħ iltaqa' u tkellem ma' Alex Vella fil-Mosta, fejn fis-siegħa li għamilna ħdejh, għadd ta' persuni u ħbieb tiegħu inġabru ħdejh jew ġew ikellmuh.  Xi wħud sar jafhom issa u oħrajn ilu jafhom is-snin u saħansitra jafu l-xulxin mindu kienu tfal.
Bis-soltu ġentilezza tiegħu u kalma, Alex Vella - li integra sew fil-komunità Mostija, jiddikjara li għalkemm il-bibien jidhru kollha magħluqin biex jidħol l-Awstralja u jkompli jgħix ħajtu,  hu u familtu mhux se jaqtgħu qalbhom.
"Hawn min jgħidli li l-mara nista' inġibha hawn. Veru. Imma it-tfal u t-tfal tat-tfal. Il-familja huma dispjaċuti ħafna għad-deċiżjoni tal-Qorti" sostna Alex Vella, li bħas-soltu kien liebes l-ilbies favorit tiegħu dik ta' ġakketta sewda fl-emblema tar-Rebels Motorcycle Club.
"Qiegħed Malta qalbi maqsuma. Jien innoċenti u naf li m'għamilt xejn. Ilni fuq 25 sena li m'għamilt xejn. Li kieku kellhom xi ħaġa fuqi li riedu jżommuha sigrieta kieku l-ħabs tefgħuni. Mela dan jekk hemm xi ħaġa fuqi jieħdu passi fuqi u jtellgħuni l-Qorti u mhux iħalluni noħroġ mill-pajjiż. Din kienet xi ħaġa li saret mill-Gvern li minn dejjem kienu kontrija għax meta tirbaħ fil-Qorti iduru aktar kontrik u meta ma tkunx mill-Awstralja inti hemm ftit għira li ma jeħdux pjaċir bik. Jekk ikollok xi ħaġa tal-flus, fejn jien fittixthom kemm il-darba u rbaħtilhom għal malafami anki lil tal-gazzetti, aktar iduru kontrik".
Alex Vella, il-President tar-Rebels Motorcycle Club tal-Awstralja, kważi sena ilu ġie vaganza qasira f'Malta iżda l-gvern Awstralja kien pront iddeċieda li jirrevokalu l-visa bil-konsegwenza li ma jistax jidħol fl-Awstralja. Dan minkejja li hu kien ilu jgħix hemm 48 sena, iħallas it-taxxi u għandu anke l-familja hemm. 
Uriena korrispondenza mill-avukati tiegħu, li fiha ddikjaraw miegħu li jinsabu ixxukkjat għad-deċiżjoni tal-Qorti Federali li ma laqgħetx it-talbiet ta' Vella biex jerġa' jiddaħħal l-Awstralja.
"Il-kwotazzjoni ta' Mandela……..lili
għamluli l-istess bħal Mandela"
Lil Alex nistaqsuh dwar flokkijiet u maggijiet li nħarġu biex iwasslu messaġġi dwar il-ġlieda tiegħu biex jiddaħħal lura fl-Awstralja, u li fuqhom hemm kwotazzjoni ta' Nelson Mandela.  Il-kwotazzjoni hi dik li tgħid "li tiċħad lin-nies id-drittijiet umani, tkun qed tisfida l-umanità tagħhom".  Nistaqsuh għaliex uża din il-kwotazzjoni u jgħidilna li "użajtha dik għax lili għamluli eżatt bħal Nelson Mandela. Kif għamlu lilu għamlu lili. Il-postijiet huma differenti imma jien ġrali l-istess".
'Ħadd ma għeni minn Malta"….
…..'ma naqtax qalbi'

Nistaqsuh dwar jekk irċeviex għajnuna minn Malta, iżda hu bla tlaqlieq jgħidilna li "ħadd ma għeni minn Malta. Ħadd ma daħal fiha".  Jiddikjara li hu qed iħalli f'idejn l-avukati tiegħu, għalkemm isostni li mhux se jaqta' qalbu.
Il-biker Malti Awstraljan, issa ilu xejn inqas minn għaxar xhur maqbud f'pajjiżna hekk kif il-gvern Awstraljan f'Ġunju tas-sena li għaddiet kien irrevokalu l-visa.
Fl-aħħar jiem il-gvern Awstraljan rebaħ il-każ tiegħu kontra Vella fil-Qorti Federali fl-Awstralja.  Issa hemm stennija dwar x'se jkunu l-passi ġodda li se jieħu Vella.
 Alex Vella kien ddikjara  ftit sigħat wara li ġiet kanċellata l-visa li “ħallewni noħroġ mill-Awstralja u għalquli l-bieb. Din hi logħba li l-awtoritajiet Awstraljani ilhom jilagħbu mie­għi. Din hi daqqa minn wara. Jien se niġġieled bil-qawwa kollha. Ġratli darbtejn oħra, waħda minnhom seba’ snin ilu u kelli wkoll niġi lejn Malta. Waqqfuli l-Visa bla raġuni ta’ xejn. Għamlu hekk għax jafu li hu diffiċli għalija li minn hawn niġġieled il-każ”.
Meta tkellem ma' L-ORIZZONT,  spjegalna kif għal darb’oħra l-awtoritajiet Awstraljani ddeċidew li jit­rattawh b’mod inġust meta sten­newh joħroġ mill-Awstralja u meta raw li sar dan, irrevokaw­lu l-Visa. “M’għandhomx raġuni għaliex jagħmlu dan. Din hi xi ħaġa li ilhom jagħmluha miegħi,” kien qalilna Alex Vella li llum għandu 61 sena.
Hu isostni li "ilni min mindu kont żgħir bit-timbru jiġri miegħi fl-Aws­t­ralja. Ta’ spiss inkun segwit mill-Pulizija. Ipinġuni bħala xi ‘gangster’ għax dilettant tal-muturi. Meta mort fil-post fejn tgħix il-mara, il-Pulizija kienu jiġu warajja u jistaqsuni fejn sej­jer u x’qed nagħmel hemm­hekk. Jien kont dejjem fil-mira tal-Pulizija. Anki nkunu ma’ grupp kbir ta’ nies jew miexi fit-triq, subgħajhom jippontawh lejja. Għamluli investigazzjoni biex jaraw minn fejn ġibt il-flus. Kienu kkonfiskawli kollox. Irbaħt diversi kawżi lill-Pulizija u mezzi tal-midja minħabba li kie­­nu jiktbu fuqi u jgħidu li għandi ‘karattru ħażin’. Issa ftit tal-jiem ilu, spiċċajt ma ridux iġedduli l-Visa biex nidħol l-Awstralja wara li mort għal żjara qasira fil-Ġappun. Qabel tlaqt qaluli li mhux se jkolli problemi għax il-Visa kienet tiskadi waqt li nkun il-Ġappun u qaluli li mill-ambaxxata fil-Ġappun stajt nirranġa. L-istorja sibtha diffe­ren­ti. Il-Pulizija jridu jpattuhieli, tal-każi li rbaħtilhom. Mill-Ġap­pun kelli niġi lura Malta għax li kieku mort l-Awstralja kont nitqies bħala immigrant irregolari.”  ’Il bogħod mill-art li fiha ħadem u rabba l-familja tiegħu, Alex Vella, iġġieled bil-qawwa kollha biex terġa’ tinħariġlu l-Visa.
L-ORIZZONTstaqsih għaliex wara 40 sena m’għandux ċittadinanza Awstraljana u jekk    qattx applika għaliha. Alex Vella b’daħka fuq fommu jiddikjara li “jien mort l-Awstralja meta kelli 13-il sena. Kont naħdem tliet xogħlijiet kuljum. Kont naqla’ l-flus. Dejjem kont inġedded il-Visa. Kemm il-mara kif ukoll it-tfal għandhom din iċ-ċittadi­nan­za. Hawnhekk jien dejjem ivvotajt fl-elezzjonijiet u ħallast it-taxxi. Ftit tas-snin ilu kont iddeċidejt li naplika għaċ-ċittadinanza Awstraljana. Taf x’qaluli dakinhar? Għandek sebat ijiem ċans biex titlaq mill-Awstralja. Ħadt il-każ quddiem il-Qorti u rbaħtu. Bqajt dejjem inġedded il-Visa. Ma ridux jagħmluni ċittadin Awstraljan, minħabba li dejjem iġibu l-iskuża tal-‘karatt­ru’.
 Tkellimna miegħu dwar il-kwistjonijiet mal-Pulizija, li għal xi żmien kienu jispiċċaw ukoll fil-ġurnali Awstraljani. “Il-Pulizija minn dejjem kienu jiġru warajja għax kont ‘biker’ – inħobb il-muturi, dan hu l-pas­satemp tiegħi. Kienu għamlu investigazzjoni biex jaraw minn fejn ġibt il-flus u l-prop­r­je­tà li għandi. Fil-Qorti wrejt­hom kif għamilt għaxar snin sħaħ, naħdem bi tliet xogħlijiet. Mhux faċli tagħmilha din. Kont ingħatajt kumpens ta’ tliet inċidenti li kelli. Dawn kienu jammontaw għal somma sos­tanz­jali ta’ flus u investejt fil-proprjetà, li krejtha. Il-flus li għandi ħdimt u batejt għalihom. Il-Pulizija kienu ġew u kkon­fiskawli kważi kollox. Irbaħ­tilhom kollox lura.” 
“Mort mat-tifel peress li t-tifel ‘boxer’ u kien se jkollu ġlieda hemm. Meta tlaqt mill-ajruport ta’ Sydney, kont għidtilhom li l-Visa kienet se tiskadi. Tkellimt mal-ufficjali tal-ajruport u dawn qaluli li ma kienx se jkun hemm problemi għax stajt nagħmel dik li jsejħulha ‘uplift appro-val’. Lil dawn l-uffiċjali tlab­thom iniżżlu isimhom u kunjomhom. Meta mort fl-Ambax­xata tal-Awstralja fil-Ġappun, minn hemmhekk ma sibtx għaj­nuna. Ma ridux jagħmlu l-‘uplift approval’. Tkellimt mal-avukat tiegħi u qalli li din kie­net sitwazzjoni serja u aħjar jekk niġi lejn Malta, għax jekk immur l-Awstralja kont se niġi ddikjarat immigrant irregolari. Mill-Ġappun tlaqt lejn il-Ġer­man­ja u wara ġejt Malta. Il-’biker’ enfasizza li “rrid ngħid li din hi vendikazzjoni tal-Pulizija fuqi. Jafu li rbaħtilhom diversi każi u issa jridu jaqbdu miegħi fuq il-kwistjoni tal-Visa. Mill-aj­ruport ta’ Sydney idderiġewni ħa­żin u ngħid li għamlu dan apposta.” 
Wara li taqra dak li ġieli ntqal fuqu fl-Awstralja bir-raġun tis­taq­si min hu dan Alex Vella. Qalilna li “kemm ilni niġi Malta qatt ma kelli nkwiet mal-Puli­zija. Jien immur kull ġimgħa l-klabb tal-Maltin fil-Ħamrun u anke ngħanni xi ftit hemmhekk. Nieħdu pjaċir flimkien. Tlaqt minn Malta ta’ 13-il sena. Konna ngħixu f’għar fil-Manikata u lanqas elettriku ma kellna. Kont naħdem inġorr l-ilma għal 30ċ kuljum. Kont mort l-Awstralja u bdejt nibni l-futur tiegħi hemm.” Fl-Awstralja kien anke rebaħ il-“Maltese Light heavyweight”. Illum għandu għadd ta’ proprjetajiet fl-Awstralja flim­kien ma’ għadd ta’ muturi u karozzi lussużi.
"X'se jiġri fil-klabb tar-Rebels?
….se jeleġġu lil xi ħadd iehor"
 
Alex Vella jitkellem b'passjoni dwar il-klabb tar-Rebels Motorcycle fl-Awstralja, li hu wieħed mill-akbar klabbs tal-bikers f'dan il-kontinent. Dan hu klabb li għandu għadd ta' fergħat f'għadd ta' pajjiżi oħra fosthom f'Malta stess. Dwar it-tmexxija tal-klabb, Alex Vella jgħidilna li jistenna li fi żmien qasir, ir-Rebels Motorcycle Club ikollu tmexxija ġdida.  Minn L-ORIZZONT

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home