Monday, May 4, 2015

Ritratt: Ġużeppi Muscat il-Beżuż - miġbud mill-fotografu Roger Azzopardi

'It-tfal tagħna mhux se jkunu rgħajja…..
….jien ma nħeġġiġhomx"
       - Ġużeppi Muscat, il-Beżbuża

"Ara tan-nagħaġ".   "Ilni żmien ma nara wieħed bin-nagħaġ".  Dawn ikunu l-kummenti li ġieli jesprimu tfal u ġenituri - li jkunu qed iduru u jammiraw is-sbuħija fl-irdumijiet ta' Ħad-Dingli, għad-dehra ta' Ġużeppi Muscat, raħħal tan-nagħaġ minn Ħad-Dinġli. Ġużeppi magħruf sew fost id-Dingli u jsibuh bħala 'il-Beżbuża'.
L-ORIZZONT ilbieraħ tkellem ma' Ġużeppi waqt li kien qed jieħu sehem f'wirja agrarja fil-Buskett. F'din il-wirja Ġużeppi ma naqasx li juri it-teknika ta' kif iġġiżż in-nagħaġ, xi ħapa li ġibdet lejha folla mdaqqsa li segwiet dan il-proċess.
Ġużeppi hu wieħed mill-imħuħ wara din il-wirja, li qabel kienet issir fuq l-irdumijiet ta' Ħad-Dingli. Meta tkellem magħna qalilna li "r-raħħala naqsu ħafna.  Din il-wrija konna nagħmluha fuq l-irdum ta' Ħad Dingli. Ippruvajna nagħmluha hawn għax hemm kien ikun ir-riħ u hawn ġol-Buskett ma jinħassx. Qed issir hawn anki minħabba x-xemx".
Nistaqsuh dwar il-mod kif naqsu r-raħħala u rgħajja tan-ngħaġ f'pajjiżna. Ma tistax ma tistaqsiehx dwar il-futur tar-rgħajja f'pajjiżna.
Ġużeppi jgħidilna li "dwar il-futur tagħna ngħid li  aħna forsi nibqgħu sakemm iħalluna. It-tfal tagħna mhux se jkunu bħalna. Ta' ħadd mir-raħħala. Nara mit-tfal tiegħi u minn ta' hija li ukoll hu bin-nagħaġ u l-mogħoż".
"Jiddispjaċik li din it-tradizzjoni bil-mod il-mod qed tgħid minn pajjiżna u donnu il-futur tagħha mhux daqstant sabiħ?".  Għal din il-mistoqsija Ġużeppi Muscat jiddikjara bla tlaqlieq li "jien ma nħeġġiġhomx  jibqgħu bħala rgħajja. It-tfal tagħna u t-tfal tagħhom mhux imdorrijin bħali. Dawn fihom rabta ma ngħidlekx kemm. Ħadd u mhux, bil-lejl u bi nhar, sajf u xitwa. Ġieli nkunu ħerġin se nmorru tieġ nispiċċa l-aħħar wieħed għax dejjem insib x'nagħmel u ninqabad b'xi ħaġa".
Nistaqsuh dwar ir-rabta li qed isemmi u jgħidilna li "trid tagħlef bilfors, taħleb bilfors tnaddiflhom bil-fors. Bħal tarbija. In-nagħaġ daqs tarbija fihom xogħol. Ma tistax tafdahom".
"Illum għandi 72 sena. NgĦidlek li ilni 70 sena marbut ma' dan ix-xogħol. Kont inmur bil-pram ma' ommijiet u missieri. Ommi u missieri u anki n-nannu kienu rgħajja", jgħidilna Ġużeppi. Minn L-ORIZZONT

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home