Il-park ta' Wied il-Għajn….periklu, xogħol
ħażin u nuqqas ta' aċċessibblità
Dan l-aħħar smajna b'rapporti u anke xxandru ritratti tal-park tal-familja f'Wied il-Għajn, liema rapporti u ritratti kienu jindikaw li hemm telqa' f'dan il-post. Imma fi kliem għadd ta' familji, is-sitwazzjoni hi ferm differenti minn hekk. L-ORIZZONT mar ukoll fuq il-post fejn stajna naraw li llum dan il-post hu ħafna aktar sigur għat-tfal u l-familji li jmorru fih u fuq kollox ħafna aktar aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità, għax meta infetaħ bil-għaġġla ftit qabel l-elezzjoni li għaddiet la kien hemm ċertifikazzjoni ta' saħħa u sigurtà u riedu jsiru xogħlijiet biex ikun ċertifikat u approvat mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità.
Il-kwistjoni tqajmet fil-ħin tal-mistoqsijiet fil-Parlament b'mistoqsija mid-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, bil-Ministru Leo Brincat mhux biss iwieġeb fid-dettal iżda anke jpoġġi rapport dettaljat ta' kif imxew l-affarijiet f'dan il-park u d-differenza bejn meta infetaħ bl-għaġġla u llum.
F'Diċembru 2013 inħarġu ċ-ċertifikati
ta' saħħa u sigurtà u aċċessibilità
Ir-rapport li sar mill-Family Park Management Unit (FPMU) jgħid li "l-FPMU ħa dan il-park f'idejh f'Settembru tas-sena 2013. Dakinhar l-impjegati kienu ħamsa. Illum l-impjegati fil-park huma disa', li jinkludu manager, Assistant Technical Officer, skrivan, erba' bdiewa u żewġ ħaddiema manwali".
Ir-rapport li "l-ewwel prijoritajiet għall-FPMU kienu li jkun hemm aċċessibilità u ċertifikazzjoni ta' saħħa u sigurtà. Bl-għan li jkun aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità, saru diversi xogħlijiet fosthom rikostruzzjoni ta' rampa għal 'multipurpose area', titjib fl-aċċess għar-'Rock Climbing Area', stallazzjoni ta' sinjali neqsin, l-entratura għall-Agri Centre saret aċċessibbli, sar titjib fil-passaġġi, tnaqqas l-għoli tal-'handrail' fil-passaġġi. Saru ukoll xogħlijiet konnessi ma' ċertifikazzjoni ta' saħħa u sigurtà fosthom 'barriers' u 'fence', inbnew mill-ġdid ħitan tas-sejjieħ li kienu perikolużi, xi ħitan tas-sejjieħ saru aktar għoljin għax kienu baxxi wisq, saret grada tal-ġadid fuq xaft perikoluż ħdejn iż-żona fejn hem il-kjosk, xogħlijiet fuq is-sistema tal-elettriku u li finalment inħareġ iċ-ċertifikazzjoni tagħha, protezzjoni lil cables tal-elettriku, il-lasti tal-piċċ 'five a side' inksew b'materjal protettiv, tneħħew boldijiet mill-kmamar tal-injam u ġie rranġat l-apparat tal-logħob li kien imkisser".
Ir-rapport jgħid li "fit-30 ta' Diċembru tas-sena 2013, il-park kien ċertifikat bħala li hu aċċessibbli u li kellu ċ-ċertifikazzjoni ta' saħħa u sigurtà".
Jenfasizza li "problema serja oħra li kellha tiġi trattata kienet dik ta' struttura fil-funtana tal-ilma li spiċċat waqgħet ftit ġimgħat biss wara li kienet kummissjonata. Is-sitwazzjoni kienet trattata u ż-żona kollha ġiet irranġata u d-disinn ġie approvat mill-MEPA. L-ewwel xita fix-xitwa tas-sena 2013 wasslet biex xi ħitan tas-sejjieħ li kien hemm iġġarrfu minħabba xogħol ħażin u dawn kellhom jinbnew mill-ġdid. L-agħar każ kien il-ħajt tas-sejjjieħ għoli ħdejn id-dog park".
Ir-rapport ikompli jgħid li "saru pajpjijiet tal-irrigazzjoni, u ġew installata meters tal-ilma u dan biex ma jkunx hemm ħela ta' ilma. Sar turf artifiċjali fiż-żona tal-ġinnastika, waqt li fid-dog park l-art ġiet imvellata biex ma jinżammx ilma tax-xita. Fiż-żona fejn jinżammu iż-żwiemel saru ilqugħ protettivi mix-xemx, waqt li l-faċilitajiet sanitarji li kien hemm barra l-park, ġew rilokati fiċ-ċentru tal-istess park. Il-park ma kellu ebda faċilitajiet sanitarji u sar proġett biex ikun hemm latrini pubbliċi".
Jissemma' ukoll vandaliżmu fuq sinjali fil-park u jingħad li hu minnu li kien hemm xi sinjali imkissrin u dan kien minħabba vandaliżmu. Minn investigazzjoni li saret irriżulta li l-materjal tas-sinjali kien dgħajjef u issa qed tiġi kunsidrata l-possibilità li jsiru sinjali minn materjal aktar robust".
Diżrispett lejn in-nies
tan-nofsinhar
- il-Ministru Leo Brincat
Intant il-Ministru Leo Brincat fit-tweġiba tiegħu għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li "wieħed kien jistenna li l-Onor. Interpellant kien se jibbaża ruħu fuq il-fatti u mhux jistrieħ fuq ritratti mingħajr data, kif dehru riċentement fil-ġurnal tal-partit tiegħu stess ftit jiem qabel ma saret l-interpellanza. Qed nieħu gost li l-Onor. Interpellant f'daqqa waħda qed juri li qalbu taħarqu għan-nies tan-Nofsinhar ta' Malta, meta sa ftit jiem ilu biss, il-Mexxej tal-istess Partit tiegħu u l-Viċi Kap kollega tiegħu, taw x'jifhmu li ma għandniex nibqgħu nirreferu għan-nofsinhar u għat-tramuntana ta' pajjiżna, tant li l-Onor. De Marco kien qal li “aħna lkoll Maltin u dawn l-attentati tal-Prim Ministru li jdaħħal distinzjoni bejn in-nies tan-naħa ta’ fuq u tas-South mhix aċċettabbli u bla sens filwaqt li din id-distinzjoni hija xi ħaġa ta’ stmerrija ..........”
Leo Brincat tenna li "l-Onor. kollega spiss allega li aħna qed nuru jew urejna diżrispett lejn in-nies tan-nofsinhar, nixtieq ġentilment infakkru li d-diżrispett lejn in-nies tan-Nofsinhar ta' Malta ntwera mill-Amminstrazzjoni Nazzjonalista li ġiet sfiduċjata fl-Elezzjoni Ġenerali tas-sena 2013 wara li rriżulta, b'mod konkret, li daħqet sfaċċatament bin-nies fuq diversi kwistjonijiet u f'għadd ta' okkażjonijiet, fosthom dawk dwar il-park tal-Familja. Każ tipiku ta’ diżrispett intwera meta l-Gvern ta’ qabel kien għażel li jinawgura l-istess Park litteralment lejliet l-elezzjoni ġenerali għall-skopijiet purament elettorali, meta kien għad hemm ħafna xoghlijiet mhux kompluti, u meta lanqas kellhom id-diċenza li jaraw li jkun hemm il-miżuri ta' saħħa u sigurtà fil-post għal dawk li jżuruh jew jieħdu ħsieb l-aċċess għall-persuni b’diżabbiltà".
Il-Ministru Brincat sostna li "daqstant ieħor intwera diżrispett lejn in-nies tan-nofsinhar meta minħabba l-ferneżija elettorali l-Gvern li l-Onor. Interpellant kien jagħmel parti minnu, qabbad u għadda t-tmexxija tal-park lid-Direttorat tal-Parks b'sempliċi telefonata mingħajr ma kienu attrezzati għal dan, mingħajr ma ndenja ruħu jaħtar maniġment tim kif għamlet din l-amministrazzjoni filwaqt li flok alloka fondi għall-bżonnijiet tal-park, għażel li juża fondi kapitali oriġinarjament maħsuba għall-operat tal-WasteServ ħafna drabi permezz ta' ordnijiet diretti fejn l-approvazzjoni tal-Finanzi nkisbet wara li saru l-ordnijiet diretti. Kien ta’ diżrispett għan-nies tan-nofsinhar li jiftħilhom park tal-familja bħal dan fejn struttura tal-ilma tant kienet mibnija ħażin li wara ftit sfrundat".
Il-Ministru Brincat sostna li "kien ta’ diżrispett għal min iħallas it-taxxi meta rriżulta li ħafna mill-infiq żejjed kien ġej mill-fatt li kien hemm bosta tibdiliet 'ad hoc' fl-aħħar minuta, għall-pjani li kienu diġà ġew approvati dwar il-proġett. Konferma li dan it-tberbiq kollu u li x-xogħol sar bl-għaġla għal skopijiet purament elettorali, joħroġ mill-fatt li l-proġett ġie inawgurat mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien nhar l-24 ta’ Frar 2013, jiem biss qabel l-Elezzjoni Ġenerali. U dan meta nhar l-inawgurazzjoni l-proġett kien għadu mhux lest u kien għad hemm żvilupp għaddej, b'ħafna makkinarju kbir b'periklu għall-viżitaturi fil-park u b’nuqqas ta’ għadd ġmielu ta' ċertifikazzjonijiet. Ir-rapport tal-Management Efficiency Unit (MEU) datat Ġunju 2013 u ppubblikat 21 ta’ Lulju 2013 jistqarr li d-dipendenza qawwija fuq varjazzjonijiet u direct orders kellha impatt sproporzjonat fuq l-infiq ippjanat. Jidher li l-Onor Interpellant għadu ma xtarrx jew ma feliex sew dan ir-rapport, għaldaqstant nissuġġerilu jagħmel dan. Eżempju tipiku li joħroġ mill-istess rapport ikun iċ-ċentru tal-viżitaturi li ġie jiswa €700,000 - nofs miljun ewro aktar milli ppjanat. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond informazzjoni mgħoddija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti flimkien mad-Direttur tal-Park u l-FPMU, is-sitwazzjoni attwali fil-park mhix fi stat ta’ abbandun kif irrapportat fl-istess sezzjoni partikolari tal-midja dan l-aħħar. Dan għaliex il-programm ta’ manutenzjoni u ż-żamma tal-Park ta’ Wied il-Għajn qed jiġu kontinwament indirizzati, dan minkejja diffikultajiet li jeżistu minħabba deċiżjonijiet ħżiena li ttieħdu fil-passat. Mill-kummenti pożittivi tal-pubbliku, illi riċentement attenda bi ħġaru fil-Park tal-Familja għall-attivitajiet li kien hemm, jidher ċar li altru illi m’hemmx diżrispett lejn ir-residenti tan-Nofsinhar ta’ Malta li qed jallega dwaru l-Onor. Interpellant".
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home