Il-baħar Mediterran mimli tonn… il-kwota qbadnieha f'ġurnata'
- Charlie Azzopardi
"Baħar mimli bit-tonn. Bħala kumpanija fi Spanja qbadna l-kwota tat-tonn mal-ewwel ġurnata. F'Kalabrija qbadna l-kwota tat-tonn fi żmien jumejn. Minn Malta, il-kwota tat-tonn qbadnieha f'ġurnata wkoll - dan dejjem fejn jidħlu l-purse seiners. Din turi li l-passi ta' konservazzjoni li kienu ttieħdu mis-sena 2009 'l quddiem taw il-frott tagħhom. Nista' ngħidlek li anke t-tonn li jinqabad mis-sajjieda bis-sunnara qed ikun ferm akbar minn dak li kien jinqabad ftit tas-snin ilu."
Dawn kienu l-kummenti li għaddielna Charles Azzopardi, Direttur tal-kumpanija Azzopardi Fisheries, kumpanija li hi ewlenija fl-iżvilupp tal-irziezet tat-tonn f'Malta. Charles Azzopardi tkellem magħna dwar il-mod kif il-kwoti tat-tonn mill-purse seiners fil-Mediterran inqabdu mal-ewwel ftit jiem - xi ħaġa li qed titqies bħala pożittiva ħafna minn dawn il-kumpaniji.
Charlie Azzopardi qalilna li, "Bħala kumpanija nista' ngħidlek li fejn qed noperaw fi Spanja qbadna l-kwota tat-tonn mal-ewwel ġurnata. Il-baħar hu mimli bit-tonn. Fil-Kalabrija qbadna l-kwota f'jumejn. Fin-nofsinhar ta' Malta l-kwota qbadnieha f'ġurnata. Id-dgħajjes tas-sajd li kienu qed jistadu għat-tonn diġà marru lura pajjiżhom. Dak li ġara kien li l-pjani ta' konservazzjoni li kienu saru fis-sena 2009 ħallew il-frott u llum hemm ħafna aktar ħut fil-baħar. Il-ħut ingħata ċans jikber u r-riżultat hu li kellna abbundanza ta' tonn. Nista' ngħid li anki l-ħut bis-sunnara nqabad akbar mis-soltu. Fil-fatt fejn fis-sena 2008 l-medja tal-tal-piż kienet tkun ta' 160 kilo, din is-sena l-medja tal-piż kien ta' 195 kilo."
Charles Azzopardi żied jgħid li, "Kien hemm sajjieda li fis-snin l-imgħoddija batew. Konna qed neqirdu lilna nfusna. Illum għandna sitwazzjoni fejn ċerti sajjieda jistgħu jagħżlu li ma jmorrux jistadu, imma jikkummerċjalizzaw il-kwota."
Mistoqsi dwar il-kontrolli li hemm fil-qbid, qalilna li, "Nista' nsemmilek x'kien qed jiġri fin-nofsinhar ta' Malta. Meta qbadna l-ħut kien hemm bastiment tal-qawwa navali Franċiż, ieħor tal-qawwa navali Taljana u l-patrol boat Maltija. Meta nagħmlu l-qabda, jinżlu l-bugħaddasa jiċċekkjaw il-qabda. Fuq it-tonn hemm kontroll kbir."
Hu spiega li nhar il-Ħamis se jaslu l-gaġeġ f'Malta bit-tonn li nqabad min-nofsinhar ta' Malta. Dawk maqbudin fi Spanja se jaslu fl-aħħar ta' Ġunju u t-tonn li nqabad fl-Italja se jasal Malta fil-25 ta' Ġunju. Dan it-tonn jitpoġġa fil-gaġeġ u jiġi mitmugħ għal erba' xhur biex imbagħad ikun proċessat f'Novembru u jinbiegħ fil-Ġappun.
L-istaġun għas-sajd tat-tonn suppost jagħlaq fl-24 ta' Ġunju iżda l-kumpaniji diġà qabdu l-kwoti tagħhom. Kien fis-sena 2006 li l-Organizazzjoni Internazzjonali għall-Konservazzoni tat-Tonn (ICCAT) adottat pjan ta' 15-il sena biex it-tonn jirkupra fil-popolazzjoni tiegħu. Dan hekk kif minn studji li bdew isiru beda jidher biċ-ċar li l-popolazzjoni tiegħu kienet qed tonqos u li dan ma kienx qed jingħata żmien jikber.
Fis-sena 2010 u s-sena 2012 ittieħdu miżuri ġodda biex jinfurzaw immaniġġjar aktar sostenibbli tat-tonn. F'Novembru tas-sena li għaddiet, l-ICCAT iddeċidiet li l-kwota tat-tonn tiżdied b'20 fil-mija fuq tliet snin. Il-kwota Ewropea telgħet minn 7,938 tunnellata għal 9,372 tunnellata din is-sena. Minn L-ORIZZONT
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home