Fotografu jaqta' xewqa ta' 25 sena... Fl-aħħar se jiltaqa' mat-“tifla tar-ritratt”
25 sena ilu, waqt iż-żjara f'Malta tal-Papa Ġwanni Pawlu II, fl-inħawi tal-Pjazza ta' San Pawl, ir-Rabat, fotografu ġibed ritratt (fuq) u nduna b'dak li kien juri wara li żviluppah: tifla innoċenti msaħħra bil-miġja tal-Papa. Minn dakinhar nibtet xewqa f'dan il-fotografu li jsir jaf min hi dik it-tifla.Għadda ż-żmien u x-xewqa baqgħet dejjem hemm. Kien fl-aħħar jiem li finalment tentattiv mill-fotografu wassal biex inqatgħet ix-xewqa tiegħu. Dan hekk kif daħallu messaġġ li kien jgħidlu 'dik jien'. Fi kliemu stess meta kkuntattjat minn inewsmalta.com, qalilna li, "Kuntent li fl-aħħar qtajt xewqti. Issa se niltaqa' ma' din il-persuna biex ngħaddilha ir-ritratt.”
Il-fotografu Ray Debattista meta kkuntattjat qalilna li, "Din l-istorja ġrat f'ħakka t'għajn. Rajt lit-tifla, ġbidt ir-ritratt, għadda l-Papa Ġwanni Pawlu II minn quddiemna u kulħadd telaq għal triqtu. Ftit ġranet wara ħadt il-film biex niżviluppah, għax dak iż-żmien ma kinux jeżistu digital cameras u mobiles bil-camera. Malli ġbart ir-ritratti, dan partikolari qabad eżatt dak li xtaqt meta għafast ix-shutter tal-camera. Tifla innoċenti. Imsaħħra b'dak li kien qed iseħħ madwarha. Dak il-ħin għedt li xi darba nsir naf min hi din it-tifla u ngħaddilha r-ritratt.”
“Minn żmien għall-iehor ir-ritratt ġie f'idi. Il-mara tiegħi, li kienet miegħi meta ħadt ir-ritratt, kienet taf bix-xewqa tiegħi. Xi sitt snin ilu kont ħadt sehem f'wirja tal-fotografija organizzata għall-ħaddiema tal-kumpanija fejn naħdem. Ma kellix dubju li dan ir-ritratt kien se jkun wieħed minn dawk esebiti minni. Dak iż-żmien reġa' għaddieli minn moħħi l-ħsieb li nibgħat ir-ritratt lill-gazzetti lokali u nagħmel appell biex tinstab it-tifla. Imma dakinhar m'għamilt xejn u r-ritratt reġa' sab ruħu ma' ritratti oħra li kienu għal qalbi.”
"Ftit jiem ilu, filgħodu, kont qed insegwi programm fuq TVM qabel ma ħriġt għax-xoghol u rajt silta minn filmat tal-miġja tal-Papa 25 sena ilu. Dak il-ħin għidt. 'Issa l'waqt.' Filgħaxija, kif wasalt mix-xogħol, ġbidt ritratt tar-ritratt oriġinali bil-mobile, ktibt l-appell, urejtu lil marti Lucienne, u bit-tbissima tagħha qaltli, 'Wasal il-mument, Ray.' Malli bgħatt il-post fuq Facebook ħriġt, għax kelli qadja.”
“L-istorja u r-ritratt ħolqu interess kbir, u fi ftit sigħat it-tifla 'misterjuża' nstabet. Ikkomunikajt ma' Ms Muscat fuq Facebook u issa għandna niltaqgħu biex insiru nafu lil xulxin u ngħaddilha r-ritratt. Qatt f'mitt sena ma bsart li din l-istorja kienet se toħloq daqshekk interess. Issa kuntent li sa fl-aħħar qtajt xewqti,” temm jgħid Ray. Minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home