Friday, May 22, 2015



Il-gvern kommess li wara deċiżjonijiet legali
 l-assi ta' Gaddafi jgħaddu għand il-gvern Libjan

Il-gvern hu kommess li wara deċiżjonijiet legali dwar l-assi tal-familja Gaddafi li jinsabu ffriżati f'Malta, dawn jgħaddu għand il-Gvern Libjan.  Fl-aħħar jiem inbdew proċeduri mill-Gvern Libjan biex ikunu rkuprati assi tal-familja Gaddafi f'Malta, b'mod partikolari fondi ta' Mutassim Gaddafi li kien inqatel f'Sirte fis-sena 2011.
Wara li l-ġurnal Wall Street Journal ħabbar dawn il-proċeduri legali, il-Bank of Valletta fi stqarrija li ħareġ ilbieraħ qal li, "Il-BOV kategorikament jiċħad li hu parti fil-proċeduri legali li jikkonċernaw dan il-każ.  Il-Bank of Valletta, jikkonferma li hu qatt ma żvela jew se jiżvela informazzjoni dwar il-klijenti tiegħu lill-mezzi ta' kommunikazzjoni jew lill-pubbliku. Il-Bank of Valletta dejjem mexa u se jkompli jimxi strettament mad-direttivi tan-Nazzjonijiet Uniti elevanti għal dan il-każ".
Dwar dan il-każ, kien ixxandar rapport fit-TORĊA fejn ingħad li l-assi finanzjarji tal-familja Gaddafi f’Malta, liema assi jammontaw għal madwar €86 miljun, minkejja li kien ntalbu mill-awtoritajiet Libjani għalissa se jibqgħu miżmumin f’Malta.
Il-Gvern Malti dejjem insista li ma jistax ikun hemm “data preċiża” ta’ meta dawn l-assi se jkunu rilaxxati u dan għaliex biex jiġu rilaxxati hemm bżonn li l-awtoritajiet Libjani jagħmlu talba quddiem Qorti Maltija, jew inkella jsir proċess ġudizzjarju fil-Libja. Malta, mill-banda l-oħra, kienet irrilaxxat madwar €300 miljun li kienu jappartjenu lil diversi entitajiet Libjani.
Mistoqsi dwar l-assi f’Malta tal-familja Gaddafi jew ta’ kumpaniji mmexxijin minnhom, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kien qal lit-TORĊA li: “Il-Gvern ta’ Malta jibqa’ jsostni l-impenn sħiħ tiegħu li jiżgura li l-assi ffriżati f’Malta taħt ir-reġim ta’ sanzjonijiet tal-Ġnus Magħquda fuq il-Libja jiġu rilaxxati mingħajr dewmien lir-rappreżentanti leġittimi tal-poplu Libjan.”
Mistoqsi dwar jekk hemmx xi data ta’ meta l-assi finanzjarji ma jibqgħux miżmumin, il-Ministeru qal li: “Ma jista’ jkun hemm ebda data ffissata u dan għax ma jiddependix biss mill-Gvern Malti. Jinħtieġ li l-awtoritajiet Libjani jagħmu talba quddiem il-Qorti Maltija biex din tiġġudika li l-assi tal-familja Gaddafi kienu assi misruqa mill-poplu Libjan. Inkella jrid isir proċess ġudizzjarju fil-Libja stess u wara dan issir talba għall-għajnuna ġudizzjarja mill-awtoritajiet Maltin biex il-Qorti Maltija tirrikonoxxi u tinforza t-talba Libjana biex l-assi jinħelsu.”
Meta l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kien mistoqsi jekk kienx hemm talbiet biex l-assi finanzjarji miżmumin ma jibqgħux iffriżati, il-Ministeru qal li:  “Iva, hu minnu li l-Gvern Libjan talab biex l-assi tal-familja Gaddafi li ġew iffriżati f’Malta jinħelsu u l-Gvern spjega fid-dettall x’għandu jsir. Il-Gvern Malti qed jassisti b’mod attiv biex jgħin lill-Gvern Libjan jilħaq il-miri tiegħu.”
Minn L-ORIZZONT

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home