Wednesday, May 20, 2015


Wara li kienet ġiet imwissija….

L-ETC kisret l-att dwar Protezzjoni
tad-Data.…teħel multa ta' €300   

Japplika għal sejħiet biex jagħti taħriġ f'korsijiet offruti mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) u għal xi raġuni jew oħra hu jibqa' ma jiġix imsejjaħ biex jagħmel l-intervista għal dak il-post partikolari.  Dan meta hemm obbligu legali biex dawk li jkunu applikaw jingħataw l-informazzjoni sħiħa dwar l-applikazzjoni tagħhom.  Imur quddiem il-Kummissarju tad-Data u dan wara li investiga l-każ, ta twissija lill-Korporazzjoni.  Ġara iżda li wara, dan l-istess individwu u minkejja it-twissija lil ETC, reġa' spiċċa ma jingħatax informazzjoni għal kors iehor li applika għalih. Il-każ reġa' spiċċa quddiem il-Kummissarju għad-Data, fejn dan f'deċiżjoni li ta impona multa ta' €300 lill-ETC.   Hu wissa lill-istess ETC li jekk se tkompli b'dan l-atteġġjament, kienet se teħel multa ta' €30 kuljum għal perjodu li tibqa'  ma tkunx konformi.
Din is-sitwazzjoni għadda minnha Denis Tanti fl-aħħar xhur, fejn wara li kien għamel erba' snin jagħti servizi lil ETC bħala lekċerer fuq korsijiet marbutin mal-anzjani, id-diżabilità u l-kura tat-tfal, hu kien spiċċa twaqqaf f'Lulju tas-sena li għaddiet.
Il-każ imur lura għas-sena 2014, meta f'Lulju ta' dik is-sena Denis Tanti  kein ġie infurmat li kien se jitwaqqaf minn lekċerer fuq diversi korsijiet.  Ġara li wara li kien twaqqaf hu kien issottometta applikazzjoni bix joffri taħriġ mal-ETC. Kien tefa' applikazzjoni f'Awwissu tas-sena u f'Jannar ta' din is-sena.
Fi kliem Denis Tanti stess, il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) fiż-żewġ każijiet naqset milli ssejjaħlu għal intervista. Isostni li hu kien għamel diversi tentattivi biex jikseb informazzjoni ta' fhiex waslet l-applikazzjoni li tefa', iżda raġunijiet qatt ma ingħata.
Il-każ tiegħu spiċċa quddiem il-Kummissarju għad-Data, fejn dan f'ittra li bagħat fis-26 ta' Janar ta' din is-sena,  kien wissa lill-ETC biex tipprovdi l-informazzjoni kollha lil Tanti.  Kien wissa li jekk dan ma jsirx jimponi l-multi.
Ġara iżda li l-ETC ma tatx l-informazzjoni lil Tanti dwar l-applikazzjoni li hu tefa' f'Jannar ta' din is-sena.  Dwar dan il-każ, il-Kummissarju tad-Data  impona multa ta' €300 fuq l-ETC.
Saviour Cachia, il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data fid-deċiżjoni tiegħu qal li "minkejja it-twissijiet li għamilna qabel, l-ETC għal darba naqset li tipprovdi informazzjoni lil dan l-individwu u dan bi ksur tal-Artiklu 21".











0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home