"Insew x'jisimna waqt li ngħixu ħajja
iebsa f'kontejner"
Nisa Somali bi stejjer ta' qsim il-qalb. Waħda kellha taħrab għax
kienu se jħaġġruha. Oħra ħarbet għax kienet tibża li se tispiċċa
tinqatel waqt li tkun qed tfittex l-ikel għat-tfal. Ħarbu. Qasmu
d-deżert, spiċċaw maqfulin f'ħabsijiet fil-Libja u qasmu l-Mediterran.
Spiċċaw f'Malta. Għal bidu ħasbu li l-vjaġġ kien intemm imma kienu ferm
żbaljati.
F'pajjiżna spiċċaw japplikaw għal protezzjoni iżda għal darba darbtejn
din ġiet miċħuda. Spiċċaw, fi kliemhom stess, f'sitwazzjoni differenti
min nisa oħra bħalhom. Spiċċaw imlaqqmin bħala 'li mhux aċċettati'.
Imma x-xewqa li jaslu u li jkomplu bil-vjaġġ biex xi darba jerġħu jibdew
jgħixu f'ħajja fejn igawdu d-drittijiet umani, wasslithom biex dawn
in-nisa mhux aċċettati jingħaqdu aktar bejniethom. Jiffurmaw komunità.
Jgħinu lil xulxin. Jaqsmu kollox ma' xulxin. Bis-saħħa ta' xulxin
għadhom jittamaw li jakkwistaw id-dokuemnti u li finalment itemmu
l-vjaġġ u finalment ikollhom protezzjoni - kelma iebsa li meta ssaqsihom
xi tfisser jgħidulek li 'tkun parti minn komunità. Fejn tagħti u
taqla".
Dawn in-nisa Somali irrakkontaw l-esperjenzi tagħhom fi proġett li
tħejja mis-Servizz tal-Ġiżwiti għar-Refuġjati. Dawn in-nisa li ġew
intervistati huma kollha kemm huma persuni li applikaw għall-protezzjoni
f'Malta iżda l-applikazzjoni tagħhom ma intlaqgħetx xi wħud anki ma
intlaqax l-appell li għamlu.
Il-ħarbiet……
"Jien omm ta' ħamest itfal. Tlift lir-raġel fil-kunflitt fis-Somalja.
Ma kellhi l-ebda appoġġ. Ippruvajt inrabbi lit-tfal tiegħi imma ma
stajtx. Ħafna drabi ma kienx ikolli ikel xi ntihom. Xi drabi kont
intihom ħobż u filgħaxija intihom xi ħaġa oħra żgħira. Ħajti kienet
hekk il-ħin kollu. Ma kelli lil ħadd min jgħinni. Ma stajtx inmur
naħdem imkien. Imma it-tfal kienu jistennew li npoġġi l-ikel madwar
il-medja imma ikel ma kellix. Fl-istess ħin il-ħajja kienet qed issir
aktar perikoluża. Meta kont qed inkun infittex għall-ikel kont nibża li
mhux se nirritorna lejn id-dar. Kont nibża li se ninqatel. Kien hemm
ġlied kontinwu. Jien ġejja minn post fejn hemm żewġ tribujiet kontra
xulxin u kien hemm ukoll l-Al Shabaab. Rajt nies imutu quddiem
għajnejja. Il-ġlied kien ikun kuljum. Rajt iġsma ta' nies li nafhom
fit-triq. Iddeċidejt li nitlaq. Mort l-Etjopja. Ma kellix dokumenti u
għalhekk kelli nistaħba mill-pulizija. Qsamt il-fruntiera b'mod
illegali u dħalt fis-Sudan. Hemmhekk ingħaqadt ma' grupp ta' immigranti
u ddecidejna li naqsmu u d-deżert flimkien. Għamilt xahrejn hemm bi
ftit li xejn ikel u ilma. Konna ngħixu f'għar. Wasalna Sebħa fil-Libja
fejn spiċċajna ma' raġel. Kull min jaqsam il-fruntiera jiltaqa' ma' dan
ir-raġel. Hu beda jitlob għal flus. Min ma jobdix ikun kundannat jibqa'
hemm. Kien isawwatna u jittorturana. Dan ir-raġel kien ukoll jieħu
kull mara li togħġbu. Domna tlett xhur biex ħallasna u minn hemm
ittrasferewna lejn Tripli. Fi Tripli spiċċajna il-ħabs għal tlett xhur u
finalment ħarġuni għax kont marida. Finalment wasalna hawn".
Immigranta oħra tgħid li "jien kont ngħix f'belt fis-Somalja. Darba
wara nofsinhar ġew tlett irġiel minn milizja u stuprawni. Kien hemm
ġlied bejn l-Al Shabaab u grupp iehor dakinhar. L-ahbar li jien kont
stuprata xterdet mal-inħawi. Irritornajt wara xahrejn lejn id-dar
tagħna. Persuni minn Al Shabaab u qaluli li inti kont stuprata
ikkommettejt adulterju. Iddikjaraw li kelli niġi mħaġġra bħala kastig.
Ma kontx se nkunu l-ewwel waħda. Anki t-tifla tal-ġar tagħna kienet
imħaġġra. Ma ridux li jien jiġrili l-istess u ħarrbuni biex ma jiġrilix
l-istess".
Dwar id-detenzjoni……'hemmhekk - qisek annimal f'gaġġa'
Waħda minn nisa Somali tiddikjara li "meta ġejt hawn fil-bidu kont
kuntenta. Bdejt niftakar f'pajjiżi. Ftakar fid-deżert u fil-baħar li
jien għaddejt minnhom. Bdejt ngħid għall-inqas issa m'iniex
fil-periklu. biss bdejt nara li nies li kienu waslu qabli kienu għadhom
fid-detenzjoni. Irrealizzajt li hemm xi ħaġa ħażina. Rajt li din mhix
normali. Illum dejjem naħseb. Nispiċċa b'uġieħ ta' ras. Stennejt li
wara din it-tbatija ħajti se tkun aħjar u b'inqas tbatija. Naf li
s-sitwazzjoni llum hi differenti".
Somala oħra tiddikjara li "meta ġejt fid-detenzjoni kont ixxukkjata.
Qatt ma immaġinajt li kont se nispiċċa imsakkra. Għalija id-detenzjoni
hi post fejn m'hemmx aċċess għal ħajja. M'għandek ebda kontroll. Il-bieb
jiftaħulek xi ħadd. Xi drabi jtuk ikel li inti ma tkunx trid. Meta
kont nisma' l-bieb jinfetaħ kont nieħu xokk. Dejjem kont nibża minn xi
ħaġa ħażina".
Waħda mill-mistoqsijiet li jagħmlu dawn in-nisa hi dik ta' 'għaliex kull meta nittieħdu l-isptar nittieħdu b'idejna marbutin?".
Somala oħra issostni li "raJt immigranti li kienu fid-detenzjoni
jippruvaw jagħmlu suwiċidju billi ppruvaw jitgħallqu jew jixorbu
ix-shampoo".
"Il-proċess ta' ażil…dan hu eżami"
Waħda mis-Somali issostni li "jien għidt il-verita fuq ħafna affarijiet
fl-intervista li għamluli. Imma ħbejt ukoll ħafna affarijiet li ġraw
f'ħajti. Ma kontx naf li dak li għaddejt minnu jista' jagħmel
differenza għall-futur tiegħi. Meta wasalna bdejt ngħid l-istejjer
tiegħi iżda xi persuni fid-detenzjoni qaluli biex ma ngħidx kollox għax
l-applikazzjoni tkun rifjutata. Bdejt nibża. L-interpretu tiegħi kien
raġel Somalu u jien ma kellix kuraġġ ngħidlu kollox".
Rakkont iehor jgħid li "meta rrifjutaw it-talba tiegħi, jien ħassejt
li huma ma rawx l-istorja tiegħi b'mod tajjeb. Ħassejt li ma kontx
trattata bħala persuna umana. Hi inumana li żżomm lil xi ħadd maqful
għal 18 il-xahar".
Il-ħajja f'kontejner hi iebsa wisq
Waħda mill-ommijiet Somali tgħid li "l-ħajja tagħna hi f'kontejner. fih insajru, naħslu l-ħwejjeġ, norqdu u nagħmlu kollox".
Rakkont iehor jgħid li "f'Ħal Far hemm problema ta' sigurtà. Il-post
mhux sigur. Xi drabi bil-lejl naraw irġiel li jidħlu fil-kmamar. Darba
bdejna nwerżqu u ngħajtu u dawn ħarbu. Darba tfajnielhom kontejner
bl-ikel. Dejjem niċċekkjaw il-kamra biex niżguraw li m'hemm ħadd".
Dwar il-kundizzjonijiet fiċ-ċentru miftuħ isostnu li "t-tojlits huma
bogħod ħafna mill-kontejners tagħna. Bil-lejl jekk ikollna bżonn
nmorru t-tojlit, ikollna nqajmu lil xi ħadd biex ma nmorrux waħidna.
Ġieli morna erba' jew ħames persuni flimkien. Tojlits u xowers hemm ftit
wisq. Ħafna drabi ikunu maħmuġin għax użati minn ħafna nies. Ituna
biss 97 Ewro fix-xahar. Dawn mhux biżżejjed biex ngħixu.. Lanqas għandna
flus biżżejjed biex naqbdu tal-linja biex inmoru nitgħallmu l-Ingliż".
Dawn in-nisa jiddikjaraw li "insew isimna. Jirreferu għalina bħala
'dawk mhux aċċettati'. Għandna bżonn dokument. Peress li
l-applikazzjoni ta' protezzjoni ġiet rifjutata m'għandna l-ebda
dokumenti. Għandna bżonn protezzjoni biex ikollna id-drittijiet bażiċi
tagħna u biex inkunu nistgħu inkomplu b'ħajjitna. Bla dokument
nispiċċaw maqbudin fiċ-ċentru miftuħ u ma nistgħux nagħmlu pjani.
Bħalissa il-futur tagħna hu żero. M'għandna xejn u ma nistgħu nagħmlu
xejn. Ma nistgħu inmorru imkien. Dokument jista' jtina protezzjoni.
Il-protezjoni għalina tfisser sigurtà. Li ma nintbagħtux lura
f'pajjiżna. Tfisser kenn. Imma protezzjoni tfisser li aħna parti minn
komunitża fejn nistgħu ngħixu mill-ġdid".
Omm mis-Somalja tgħid li "qegħdin inbatu għax hemm nisa oħra Somali li kienu
fl-istess dgħajsa magħna li ngħataw protezzjoni. Dawk għandhom aktar
drittijiet. Għandhom aktar appoġġ u qed jaħdmu. Jrreferu għalina bħala
'dak li ma ġewx aċċettati". Minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home