Wednesday, May 13, 2015

Rapport b'esperenza xokkanti minn Amnesty International…

"M'għandix familjari biex iħallsuli….
…qaluli mela tingħaqad magħhom fil-mewt"
       - tifel ta' 17-il sena b'rakkont dwar ħabs fil-Libja


"Jien wasalt il-Libja bi vjaġġ minn Niġer lejn Sebħa. Lanqas biss kelli ċans indur il-belt, għax sibt ruħi l-ħabs. It-traffikanti, kif wassluna għaddewna lil grupp iehor. Dawn kienu nies armati. It-traffikanti li ġarrewna minn Agadez fin-Niġer lejn Sebħa kienu 'Tebu', iżda dawk li żammewna f'Sebħa kienu minn tribu differenti. Minn Agadez wassluna permezz ta' karozza. Ittrasferewna f'mini van iżda spiċċajna f'ħabs. Ix-xufier qalilna biex nistaħbew taħt is-seat. Spiċċajna f'ħabs ta' tlett sulari. Kien hemm madwar 40 persuna fih. It-twieqi kienu kollha ssiġillati bil-briks. Kienu jtuna ikel darba biss kuljum u kien ikollna nixorbu ilma mill-vit li kien ikun mielaħ. Jien kont niekol biss ftit ikel, kemm nitrejjaq. Kienu jittorturawna u jisfurzawna inċemplu lill-familjari tagħna biex jibagħtulna l-flus. Kienu jgħidulna li jekk mhux se nħallsu mhux se nitħallew noħorġu. Il-Kap  tal-Ħabs kien ġie ħdejna u qalilna li jrid flus mill-familjari. Hu qalilna biex il-flus jintbagħtu lil ħuh li jinsab il-Ghana. Qalilna li kif jirċievi l-flus jeħilsna. Jien għedtlu li m'għandix familjari għax kollha mietu. Hu weġibni - 'jekk ma tħallasx tingħaqad magħhom fil-mewt. Jien bdejt nibki u bdew isawwtuni b'ċintorin u b'lasta. Kien hemm immigranti oħra li ppruvaw jaqbżu għalija imma anki huma ġew imsawwtin".
Dan kien rakkontat minn tifel ta' 17-il sena mill-Kosta tal-Ivorju lil rappreżentanti ta' Amnesty International. Din l-esperjenza flimkien ma' esperjenzi oħra inġabru  f'rapport li nħareġ minn Amnesty International intitolat "Il-Libja mimlija bi krudeltà".  Dan it-tifel irnexxielu jidħol fi Sqallija s-sena li għaddiet.
Ir-rapport ta' Amnesty International jgħid li f'xi każijiet fejn familji ta' immigranti ma jkunux jistgħu iħallsu, l-immigranti li jkun hemm fil-ħabsijiet jispiċċaw jagħmlu sa sitt xhur maqfulin. Amnesty iddikjarat li kien hemm immigranti li rrappurtaw swat b'lasti tal-linja, b'armi tan-nar, ħadid u anki suġġett għal xokkijiet elettriċi.  Ir-rapport jgħid ukoll li l-immigranti ma kellhomx aċċess għal faċilitajiet sanitarji u kienu jingħataw ftit ikel u ilma.
Riedu lill-familja jħallsu $5000…..
…..finalment ħallas $200

Persuna mis-Somalja, li daħal mil-Libja fi vjaġġ mis-Sudan jirrakkonta l-esperjenza tiegħu fil-belt ta' Ajdabiya, fejn hemm hekk inżamm f'dar mit-traffikanti. Hu jgħid li "f'din id-dar kien hemm madwar 55 persuna. Kollha ta' nazzjonalità differenti. Kien hemm mis-Somalja, mill-Gambja, Niġerjani u Eritreani.  Kienu jtuna platt ta' għaġin u bott żgħir bl-ilma. Kien ikollna norqdu fl-art mingħajr gvieret. Fil-kamra ma kienx hemm twieqi. Ma kienx hemm dawl. Konna nagħmlu l-bżonnijiet naturali fil-bramel għax ma kienx hemm tojlits. Għal tmintax-il ġurnata ma stajtx ninħasel. Kien hemm gwardji li trattawna tajjeb imma oħrajn kienu jsawwtuna bl-armi. Jekk tiftaħ ħalqek jispiċċaw joqtluk. Ħadd ma kien jitkellem. Kienu jgħidulna li se jeħduna direttament l-Italja, dejjem jekk il-familja jħallsuna somma flus. Kien hemm 20 mara fid-dar, fejn il-gwardji kienu jużawhom biex inaddfu. Għall-bidu riedu li l-familja tiegħi tħallas bejn $4,000 u $5,000. Biss ma kellhomx dawk il-flus. Finalment aċċettaw li jieħdu ħafna inqas flus. Finalment inħriġt wara li tħallsu $200.  Spiċċajt f'idejn traffikant iehor li ħadni f'Abu Salim fi Tripli. Ma kellix flus biex inħallas il-vjaġġ u kelli naħdem għalih biex inħallas il-vjaġġ".
Inżammu fid-deżert għal 21 ġurnata
sakemm tħallsu 'l flus

Mir-rapport joħroġ li kien hemm grupp ta' xejn inqas minn 80 immigrant li inżammu għal 21 ġurnata fid-deżert sakemm tħallsu flus mill-familjari tagħhom biex jitkompla l-vjaġġ.
Persuna mis-Somalja, meta tkellmet mar-rappreżentanti ta' Amnesty, iddikjarat li "lili talbuni nħallas $4,800. Jien ma stajtx inħallas dawk il-flus.  Huma imbagħad naqqsu is-somma bin-nofs. Imma anki din kienet somma kbira li l-familja tiegħi ma setgħetx tħallas. Konna fid-deżert ħdejn il-fruntiera mas-Sudan. It-traffikanti kellhom trakk li kien fih l-ilma u kienu jtuna minnu kuljum.  Konna norqdu barra. Bla kutri. Jien kont nuża ġakketta li kelli bħala gverta u ż-żarbun bħala imħadda. F'dan il-grupp konna 18 mis-Somalja. Wara 21 ġurnata, il-familja tiegħi bagħtet il-flus f'Khartoum - il-kapitali tas-Sudan. Meta it-traffikanti irċevew telefonata li l-flus waslu ħallewni nkompli bil-vjaġġ".
Ir-rapport jgħid li dawk li ma jkunux jistgħu iħallsu l-flus, jispiċċaw sfruttati u jkunu sfurzati jagħmlu xogħol għat-traffikanti bla ħlas fosthom inaddfu d-djar, jaħslu l-karozza u jaħdmu fl-irziezet.  Ir-rapport jitratta ukoll każijiet fejn immigranti spiċċaw inqatlu wara li sparawlhom.  Dan sar għax ippruvaw jaħarbu.
Rabtu lir-raġel m'arblu fid-deżert….
…stupraw lil martu quddiemu

F'sezzjoni oħra tar-rapport titkellem mara Niġerjana li ħarbet mil-Libja f'Awwissu tas-sena 2014. Hi sostniet li "wasalna f'Sebħa lejn l-aħħar ta' Diċembru tas-sena 2012. Wasalna għall-ħabta tat-8.30 ta' filgħaxija.  Ma konniex nafu fejn kellna nmorru u konna qed nistennew li jiġborna ħabib tagħna.  Biss kien hemm gang ta' ħames żgħażagħ, li waqqfu quddiemna u sfurzaw lili u lir-raġel nidħlu fil-karozza tagħhom. Ħaduna f'post il-barra mill-belt fid-deżert. Lir-raġel rabtulu idejh u saqajh ma' arblu u lili stuprawni quddiemu. B'kollox kienu ħdax. Ħamsa li ħatfuna u wara ingħaqdu sitt oħra magħhom.   Ftit siegħat wara reġgħu tefgħuna minn fejn ħatfuna. Serqulna l-flus kollha. Kien hemm raġel Niġerjan li ħadna għandu. Minn hemm ċempilna mill-ġdid lil ħabib tagħna u ġie għalina".
Skjavi tas-sess biex ikomplu
bil-vjaġġ

Othman, jgħid li "t-traffikanti kienu jimxu tajjeb miegħi. Imma hu kien iħobb lin-nisa. Jien naf li kien juża tlett nisa Eritreani.  Hu kien jistuprahom u kont narahom jibku.  Ġrat minn ta' l-inqas darbtejn. Xi nisa ma kienx ikollhom flus biex iħallsu biex ikomplu bil-vjaġġ u għalhekk kienu jaċċettaw li jorqdu mal-immigranti. Għamilna xi żmien miżmumin fid-deżert. In-nisa kienu jorqdu fit-tined. L-irġiel kienu jorqdu barra.  Bil-lejl it-traffikant kien jgħajjat l-isem ta' mara li jrid. Jekk hi tirrifjuta li toħroġ, hu jisfurzaha u jgħidilha - 'jien irrid ngħinek. Irrid intik il-flus. Se nħallik tivvjaġġa lejn l-Ewropa bla ma tħallas".  Wara li rajniha ssir diversi drabi quddiemna din il-ħaġa, konna ddeċidejna li nipproteġu lil dawn in-nisa. Ma konniex norqdu bil-lejl biex nipproteġu it-tinda".
Bi tmien xhur tqala…..
…tinqatel f'ħabs Libjan

Mara Niġerjana li tat ix-xhieda tagħha qalet li "jien għamilt xahrejn f'ħabs fil-Libja. Kien ħabs tan-nisa imma l-gwardji kienu irġiel.  Kien hemm nisa mit-Tuneżija, Gambja, Ghana, Kamerun, is-Somalja u n-Niġerja.  Kienu jsawwtuna bil-kanni fuq daharna. Anki nisa tqal kienu jsawwtuhom. Bil-lejl kienu jiġu fil-kamra tagħna u jippruvaw jorqdu hemm.  Xi nisa kienu jiġu stuprati. Kien hemm  mara li ħarġet tqila wara li kienet stuprata. Jien ħadd ma messni għax kont tqila. Sofrejt ħafna fil-ħabs. Waħda minn nisa li kienet tqila mietet hemm. Ħadu l-katavru tagħha u ma nafux eżattament x'għamlu bih. Lil din laqtuha fuq l-istonku. Kellha tminn xhur tqala u mietet.  Matul il-ġurnata kienu joħorġuna mill-kmamar biex inaddfu u nsajru. Kienu anke joqogħdu jaqbulna sidirna waqt li qed naħdmu. Jekk ngħajtu jsawwtuna".
Warrbuh fil-villaġġ għax
kien pożittiv għall-HIV

Samuel, immigrant mir-Niġerja li llum qed jgħix fi Sqallija jirrakkonta l-esperjenza tiegħu. "Kien f'Diċembru tas-sena 2013, meta jien mort nagħti d-demm fi sptar u sirt naf li kont ittestjat pożittiv għall-HIV. Fil-villaġġ tiegħi saru jafu b'dan, u ħajti inbidlet mil-lejl għan-nhar.  Ħajti tiddependi minn ħanut żgħir li kelli.  In-nies waqfu jiġu jixtru. Ħadd ma ried li jkun assoċjat miegħi. Ma ridux ikellmuni. Esperjenza orribbli. Ridt nagħmel suwiċidju. Mort l-isptar u ingħatajt mediċina għal tlett xhur. Ma stajtx nibqa' ngħix hemm. Tlaqt lejn il-Libja.  F'Misallatah sibt xogħol bħala welder. Fil-Libja mort l-isptar biex ituni l-mediċina. It-tabib qalli biex nistenna iżda flok ġie bil-mediċina ġew il-Pulizija u arrestawni".
Ir-rapport jagħmel għadd ta' rakkomandazzjonijiet fosthom li kull azzjoni indirizzata lejn traffikanti għandha ssir skont miżuri legali ta' infurzar gwidati minn standards għad-drittijiet umani u li ma jikkontribwixxux  biex immigranti jispiċċaw maqbudin fil-Libja.  Jirrakkomanda ukoll li jiġi żgurat li abbużi ta' drittijiet umani u vjolazzjonijiet  tal-liġi umanitarja internazzjonali ikunu indirizzati bħala parti minn djalogu politiku immirat li jtemm il-kunflitt.  Ir-rapport jirrakkomanda ukoll li dak li huma miżmumin sempliċiment fuq l-istatus ta' immigrazzjoni, nazzjonalità, razza jew reliġjon, jinħelsu.






1 Comments:

At February 28, 2016 at 11:46 PM , Blogger Unknown said...

Bongu,
Dan huwa li jinforma lill-pubbliku li s-Sinjura Mabel Hernandez, sellief self privat ikollu jiftaħ opportunità finanzjarju għal kulħadd fil-bżonn ta 'xi għajnuna finanzjarja. Aħna jagħtu self ta '2% rata ta' imgħax li individwi, ditti u kumpanniji taħt termini u l-kundizzjoni ċari u li jinftiehmu. kuntatt magħna llum permezz ta 'e-mail fuq: (mabelhernandezloan@gmail.com)

 

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home