Malta kważi l-aħħar fl-integrazzjoni ta' immigranti…
…..skejjel bla appoġġ
'Tfal ta' immigranti qed jispiċċaw jaqgħu lura jew joħorġu mis-sistema edukattiva Maltija. Dan minħabba politika dgħajfa ta' aċċess għall-edukazzjoni. M'hemm ebda appoġġ għal tfal ta' immigranti fl-aċċess għal taħriġ vokazzjonali jew għal edukazzjoni għola M'hemm ebda ċentri speċjalizzati biex janalizzaw tfal ta' immigranti li jkunu għadhom se jidħlu fis-sistema edukattiva u biex jiġu mgħejjunin jagħżlu l-aktar skola u l-livell adattat għalihom".
Dawn huma parti mill-konklużjonijiet ta' sħtarriġ dwar Malta u s-sistema edukattiva għal tfal immigranti, liema konklużjonijiet inħarġu mill-Migrant Policy Index. F'dan ir-rapport Malta ġiet klassfikata fit-32 post minn 38 pajjiż Ewropew fil-qasam tal-edukazzjoni. Minn 38 pajjiż Ewropew f'dik li hi integrazzjoni ta' immigranti, Malta ġiet klassifikata fit-33 post. Malta tejbet ftit il-pożizzjoni tagħha għax fis-sena 2011 kienet ġiet klassifikata fis-37 post. Ingħad li fl-aħħar seba' snin, l-integrazzjoni f'Malta baqgħet waħda restrittiva. Jingħad ukoll li bħalissa għaddejja ħidma dwar politika ta' integrazzjoni u din għandha twassal biex is-sitwazzjoni titjieb.
Dwar l-edukazzjoni, ir-rapport jgħid li "waqt li l-istudenti huma mistennija li jiġu edukati f'ambjent b'diversi lingwi u kulturi, l-iskejjel f'Malta ftit li xejn jirċievu għajnuna immirata biex jindirizzaw il-bżonnijiet speċifiċi u l-opportunitajiet li tfal ta' immigranti iġibu fil-klassijiet. Malta qed toffri biss proġett adhoc għal ftit gruppi jew skejjel".
Ir-rapport isostni li "l-iskejjel f'Malta għandhom appoġġ dgħajjef biex jilħqu l-aspetattivi għolja għal tfal immigranti. Il-pożizzjoni ta' Malta turi li l-appoġġ fi skejjel Maltin hu ħafna aktar dgħajjef minn dak ta' pajjiżi oħra. Wara li l-għalliema f'Malta jingħataw taħriġ bażiku qabel jidħlu fis-servizz, huma ma jingħataw l-ebda appoġġ sistematiku biex jidentifikaw u jindirizzaw bżonnijiet speċjali għal tfal immigranti. Ħafna pajjiżi jiggarantixxu appoġġ żejjed għal tfal ta' immigranti u dan biex jakkwistaw għarfien fil-ħiliet ta' kommunikazzjoni".
L-istħarriġ jiddikjara ukoll "li l-iskejjel Maltin qed jonqsu fuq il-multikulturaliżmu u l-multilingwiżmu fil-klassijiet fejn m'hemmx appoġġ għal integrazzjoni soċjali. L-appoġġ għal skejjel biex jimplimentaw edukazzjoni interkulturali huma pjuttost dgħajfin f'Malta".
L-istħarriġ juri li "immigranti f'Malta ma jibbenefikawx minn politika komprensiva ta' detenzjoni fl-oqsma kollha tas-soċjetà Maltija. Prinċipji ta' trattament ugwali huma importanti u jinsabu neqsin minn politika ta' integrazzjoni f'Malta. Residenti ordinarji li mhux Ewropej f'Malta għandhom ċans inqas li jingħaqdu mal-familja tagħhom jew ikunu residenti fuq bażi ta' tul ta' żmien bi drittijiet ugwali daqs ir-residenti. Li jittawwal il-proċess ta' ri unjoni mal-familji tagħhom iwassal għal dewmien fl-integrazzjoni. B'dewmien għal residenza fuq tul ta' żmien, ċittadini li mhux Ewropewj qed jiġu imċaħħdin minn drittijiet u opportunitajiet li huma jistgħu jużaw biex itejbu l-integrazzjoni tagħhom". Minn L-ORIZZONT
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home