Żvolta ġdida fil-każ ta' Rakhat Aliyev…..mistennija tintalab investigazzjoni ġdida….
Jgħibu 13-il paġna mid-djarju
personali ta' Rakhat Aliyev
Il-każ marbut mal-mewt misterjuża ta' l-eks diplomatiku Każaki Rakhat Aliyev - li għamel żmien jgħix f'pajjiżna, kellu żvolta ġdida fl-aħħar jiem. L-iżviluppi l-ġodda huma dwar id-djarju li kien iżomm Aliyev u li fih kien qed jikteb l-istrateġija u notamenti oħra marbutin mal-każ tiegħu. Id-djarju - għal Aliyev kien xi ħaġa personali ħafna tant li lanqas l-avukati tiegħu ma kellhom aċċess għalih. Meta nstab mejjet fiċ-ċella, id-djarju kien ġie konfiskat u fl-aħħar jiem wara talba li saret ingħata lill-avukati tiegħu. Biss instab li minn dan id-djarju hemm xejn inqas minn 13-il paġna nieqsa.
Fl-aħħar jiem kien hawn f'pajjiżna l-avukat Eric Gemeiner, fejn f'kummenti li ta' lil L-ORIZZONT iddikjara li "tlabna id-djarju u dan ingħatalna. Sibna li hemm 13-il paġna neqsin. Dan iqajjem ħafna mistoqsijiet. Meta naqsu dawn il-paġni? Min huma n-nies li kellhom aċċess għad-djarju wara li ttieħed miċ-ċella? Għaliex naqsu dawn il-paġni? X'kien fihom?".
L-avukat Gemeiner sostna li "jidher li qabel bdiet l-investigazzjoni dwar il-mewt ta' Aliyev, daħlu xejn inqas minn disa' persuni fiċ-ċella. Hemm possibilità għolja, li kien x-xena tad-delitt ma kinitx konservata. Se nkunu qed nitolbu li jsiru l-investigazzjonijiet kollha neċessarji marbutin ma' l-għibien ta' paġni minn dan id-djarju. Dak id-djarju lanqas lili ma ried itih Rakhat. Kien iqisu bħala xi ħaġa privata u fih kien jikteb l-emozzjonijiet u jħejji l-istrateġija għall-ġuri".
Mistoqsi minn L-ORIZZONT dwar f'hix waslet l-investigazzjoni ġdida li kienet intalbet b'rabta mal-mewt ta' Rakhat Aliyev f'ħabs fl-Awstrija, qalilna li sa issa din għadha ma tlestietx.
Ta' min jgħid li fl-aħħar jiem kien hemm ukoll żviluppi fil-każ marbut mal-ġuri li għaddejjin żewġ ċittadini mill-Każakstan dwar il-qtil ta' żewġ bankiera fil-Każakstan, qtil li dwar kien akkużat ukoll Aliyev. F'digriet qawwi li ngħata mill-Qorti Awstrijakka dwar il-proċeduri li għaddejja Vadim Koshlyak u Alner Mussayev dwar il-qtil ta' żewġ managers ta' bank fil-Każakstan fis-sena 2007, l-Imħallef Andreas Bohm ta' indikazzjoni li jista jkun hemm possibilità ta' frame up mis-Servizz Sigriet tal-Każakstan kontra Aliyev. Aliyev kien instab mejjet f'ċirkostanzi misterjużi u ġurnata biss qabel bdew proċeduri legali, f'ħabs fi Vjenna. Fid-digriet qawwi tiegħu, li permezz tiegħu Kashlyak u Mussayev ingħataw ħelsien mill-arrest, jgħid li "hemm indikazzjonijiet konsiderevoli li ż-żewġ bankiera inqatlu mis-servizz sigriet tal-Każakstan u li l-ħtif tagħhom u finalment il-qtil kien maħdum bl-għan li jkun eliminat Aliyev u persuni qrib tiegħu".
Minn L-ORIZZONT
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home