Thursday, May 28, 2015

Ir-rilokazzjoni ta' Sirjani u Eritrej lejn pajjiżi Ewropej 'hi biss qatra fil-baħar' - Tareke Brhane


Ir-rilokazzjoni ta' Sirjani u Eritrej lejn pajjiżi Ewropej - pjan li tħabbar fl-aħħar sigħat mill-Kummissjoni Ewropea - qed jiġi deskritt minn Tareke Brhane, mill-Kumitat tat-3 ta' Ottubru (kumitat li jfakkar it-traġedja tal-Eritrej f'Ottubru tas-sena 2013) bħala li hu pass fid-direzzjoni t-tajba imma li hu ftit wisq. Hu ddeskrivieh bħala 'qatra fil-baħar'.
Brhane (ritratt) qed jenfasizza li, "Fis-sena 2014 l-immigranti li daħlu l-Italja kienu jammontaw għal 170,000 persuna u għas-sena 2015 qed ikun previst li se jidħlu madwar 200,000 persuna.”
Ilbieraħ il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li se jibdew jiġu rilokati numru ta' Sirjani u Eritrej li jinsabu fil-Greċja u fl-Italja. In-numru totali tal-persuni li se jitqassmu hu ta' 40,000 fis-sentejn li ġejjin.
L-istati membri tal-Unjoni Ewropea se jirċievu s-somma ta €6,000 għal kull refuġjat li jmisshom b'din is-sistema. Għalhekk Malta se tirċievi s-somma kumplessiva ta' €1,752,000. L-ammont ta' refuġjati li se tirċievi Malta jirrappreżenta 0.73% ta' total u se jkunu ġejjin 175 mill-Italja u 117 mill-Greċja.
Dawk kollha li se jkunu rilokati mil-Italja se jmorru kif ġej: 728 fl-Awstrija, 818 fil-Belġju, 343 fil-Bulgarija, 448 fil-Kroazja, 104 f'Ċipru, 797 fir-Repubblika Ċeka, 443 fl'Estonja, 475 fil-Fillandja, 4051 fi Franza, 5258 fil-Ġermanja, 496 fl-Ungerija, 310 fil-Latvja, 302 fil-Litwanja, 221 fil-Lussemburgu, 1228 fl-Olanda, 1595 fil-Portugal, 1023 fir-Rumanija, 471 fis-Slovakkja, 297 fis-Slovenia, 2573 fi Spanja, u 821 fl-Iżvezja.
Dawk li se jkunu rilokati mill-Greċja se jmorru hekk: 485 fl-Awstrija, 546 fil-Belġju, 229 fil-Bulgarija, 299 fil-Kroazja, 69 f'Ċipru, 531 fir-Repubblika Ċeka, 295 fl-Estonja, 317 fil-Fillandja, 2701 fi Franza, 3505 fil-Ġermanja, 331 fl-Ungerija, 207 fil-Latvja, 201 fil-Litwanja, 147 fil-Lussemburgu, 819 fl-Olanda, 1064 fil-Polonja, 680 fil-Portugal, 682 fir-Rumanija, 314 fis-Slovakkja, 198 fis-Slovenja, 1715 fi Spanja u 548 fl-Iżvezja.

 minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home