Missier id-disinjatur tal-Mini midfun f'Malta
Ir-rabta li l-karozza 'Mini' għandha ma' Malta, liema karozza għal xi snin kienet 'tingħaqad' f'Malta eżattament fis-sit fejn illum hemm l-istamperija tal-gvern fil-Marsa, se tkompli tissaħħaħ permezz ta' 'skoperta' li saret dan l-aħħar. Minn riċerka li saret minn dilettant kbir ta' mini f'Malta, Pablo Vassallo (ritratt), instab li missier id-disinjatur tal-Mini jinsab midfun proprju f'Malta. Hu miet f'Malta, wara li kien ġie evakwat flimkien mal-mara u ibnu (dak li ddisinja l-Mini) mit-Turkija lejn Malta. F'Malta missieru marad u għalkemm ħasbu li kien se jfiq, hu baqa' sejjer lura sakemm miet hawn u ndifen fiċ-ċimiterju f'Ta' Braxia.
Pablo Vassallo meta tkellem magħna qalilna li, "Kont qrajt ktieb riċerkat dwar Alex Issigonis, id-disinjatur tal-Mini. F'moħħi beda jberren il-ħsieb li missieru seta' kien midfun hawn, la kien miet waqt li kien f'pajjiżna. Bdejt infittex u meta għamilt kuntatt mar-reġistratur tal-imwiet, u tajthom l-isem u s-sena, ikkonfermawli li dan kien midfun hawn. Mort iċ-Ċimiterju tal-Addolorata biex nara jafux xi dettalji. Finalment sibtu fiċ-ċimiterju f'Ta' Braxia."
Pablo żied jgħid li, "Din is-sejba għalina hi xi ħaġa kbira. Dan għax l-ebda karozza li teżisti hawn Malta m'għandha storja bħall-Mini - karozza żgħira li baqgħet tinħabb. Il-fatt li nstab il-qabar ta' missieru narah bħala li sibna xi ħaġa ta' għożża li hi importanti anki għall-istorja ta' Malta."
Il-Ħadd 'tal-Mini' se jmorru fuq il-qabar tiegħu
Dan id-dettall ġie skopert ftit tal-jiem ilu, eżattament ftit jiem bogħod mill-anniversarju tad-data tal-mewt ta' missier id-disinjatur tal-Mini. Għal din l-okkażjoni, id-dilettanti tal-Mini nhar il-Ħadd li ġej se jiltaqgħu fil-Marsa u minn hemm se jsuqu l-karozzi Mini flimkien lejn iċ-ċimiterju f'Ta' Braxia f'Tal-Pietà. Hemmhekk se ssir ċerimonja ta' tifkira.
Pablo rrakkontalna li, "Alec Issigonis, id-disinjatur, twieled fl-1906. Missieru kien Constantine ta' dixxendenza Griega, u ommu kienet ta' dixxendenza Ġermaniża. Matul l-ewwel gwerra dinjija, li kien ġara kien li l-familja kellha titlaq mill-belt ta' Smirna - illum Izmir fit-Turkija. Dawn spiċċaw refuġjati - kellhom jaħarbu minn pajjiżhom u ħallew warajhom dak kollu li kellhom. Missieru Constantine Issigonis miet f'Malta minħabba mard. Dan nafu minn riċerka li saret u li kienet ippubblikata fi ktieb minn Gillian Bardsley bit-titlu 'Alec Issigonis'. Jien kont xtrajt il-ktieb xi snin ilu, u wara li skopejt dwar il-mewt tiegħu, irnexxieli nsib fejn kien midfun. Ibnu ma tantx kien dam Malta għax ommu bagħtitu l-Ingilterra, fejn kompla fuq il-linja ta' missieru li kien inġinier."
Pablo kompla jgħid li, "Sir Alec kien il-moħħ wara d-disinn tal-vetturi famużi Ingliżi, bħal Morris Minor, Austin Farina, Wolsely, Austin Cambridge u ħafna oħrajn li fosthom hemm il-Mini, li għalina d-dilettanti ta' din il karozza hija l-għożża tagħna. Għalkemm il-Mini għalqet kważi 56 sena mill-ewwel produzzjoni tagħha, għadha l-aktar karozza li nbiegħet fl-industrija tal-vetturi Ingliżi. Jien ċert li hawn ħafna dilettanti tal-Mini madwar id-dinja li ma kienux jafu dwar dan. Għalhekk nixtieq li naqsam dan it-tagħrif mad-dilettanti kollha lokali u anke barra minn Malta. Sir Alec Issigonis miet fl-1988 u baqa' ġuvni."
Pablo jgħidilna li mill-istorja ta' Sir Alec u l-miġja ta' familtu f'Malta joħroġ li dawn għamlu xi żmien Lazzarett u dan minħabba li fi Smirna kien hemm epidemija ta' mard infettiv. Jgħid li kien hemm minn dawn ir-refuġjati li lmentaw li mhumiex jingħataw ikel biżżejjed u spiċċaw b'min imur f'lukanda u xi djar viċin. Meta Sir Alec ġie f'pajjiżna kellu 16-il sena."
'Lanqas jekk ituni blokka bini ma nitlaq il-Mini minn idejja'
Lil Pablo staqsejnieh minn fejn nibtet din l-imħabba u fissazzjoni fuq il-Mini. Bid-daħka qalilna li, "Jien kont għadni żgħir meta f'Malta kien hawn l-Ingliżi u l-Mini kienet popolari immens. Hawn ħafna f'Malta li xi darba jew oħra kellhom qraba li kellhom Mini. Il-Mini kienet tiġi mgħaqqda f'Malta bejn is-sena 1974 u l-1982. Darba kien hemm appartament li kien żvojta u kienu qaluli biex inmur ngħin innaddfuh. Naddafna l-ġnien u hemm sibt karozza Mini żgħira.
"Iġġennint fuqha. Flus biex nixtri Mini ma kellix. Kont dejjem nittama li nixtriha. Kien hawn ħafna fanatiċi fuq il-Mini. Kien hemm wieħed Frans Schembri li kien se jsiefer lejn l-Awstralja u kien se jbigħ il-Mini li kellhom. Ried Lm550. Jien kont sifirt l-Alġerija b'xogħol ta' electrician. Hemmhekk kelli tliet darbiet aktar paga. Għamilt xahrejn flok tliet xhur u meta ġejt staqsejt jekk dik il-Mini għadhiex għall-bejgħ. Kont xtrajtha. Ħlift li norbotha ma' qalbi u lanqas jekk ituni blokka bini u l-ebda figura ta' flus mhi se tikkonvinċini. Kellna minn Malta Minis li nbiegħu sa €27,000 ir-Renju Unit."
Il-welding tal-Mini f'Malta kien fost l-aktar b'saħħtu
Pablo Vassallo spjegalna kif ġew Malta persuni minn Oxford li kienu qed jagħmlu riċerki dwar il-Mini. Dawn sabu li l-welding li kien jintuża f'Malta fuq il-Mini kien fost l-aktar materjal robust u li l-Minis li nħadmu Malta kienu fost l-aktar b'saħħithom. "Mini minn hawn Malta ma tispiċċa qatt għax saru b'welding b'saħħtu ħafna," enfasizza Pablo Vassallo. Minn L-ORIZZONT
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home