Tuesday, May 26, 2015




Abdu - ritratt MSF
'Ma rridux indejqu lill-Ewropej... imma m'għandniex għażla'

"Fil-Libja kont maħtuf kemm-il darba. F'każ minnhom anki tefgħuni f'post fid-deżert. Il-vjaġġ bid-dgħajsa mil-Libja hu kwistjoni ta' ħajja jew mewt. Tkun fuq dgħajsa żgħira mingħajr sigurtà. Kont naf li nista' faċilment immut mgħarraq. Imma għidt lili nnifsi li għandi nitlaq. Ma kellix għażla. Għidt jekk Alla jridni ngħix, insalva. Ma rridux indejqu lill-Ewropej, imma m'għandniex għażla. Nirriskjaw ħajjitna għall-familja tagħna."
Dan hu dak li sostna Abdu (ritratt), immigrant ta' 34 sena mill-Gambja li f'nofs Mejju ta' din is-sena ġie salvat mill-bastiment Phoenix, li hu mmexxi mill-Migrant Offshore Aid Station (MOAS) u mill-Medecins Sans Frontieres (MSF). Abdu qasam l-esperjenza tiegħu mal-volontieri ta' MSF.
Abdu jgħid li, "Il-vjaġġ lejn il-Libja ħadli ħames xhur u nofs. Ivvjaġġajt f'diversi pajjiżi fosthom is-Senegal, Mali, Burkina Faso, Niger u l-Alġerija. Tlaqt mill-Gambja għax jien ridt il-flus biex ngħajjex il-familja. Fil-Gambja m'hemmx xogħol. Qabel daħlt il-Libja waqaft għal xi żmien fl-Alġerija. Ħdimt u qlajt il-flus biex inkompli bil-vjaġġ. Fl-Alġerija s-sitwazzjoni hi aħjar minn dik fil-Libja. Hemmhekk tista' taħdem, tagħmel il-flus u jekk ikollok id-dokumenti ħadd ma jitfgħek fil-ħabs bla raġuni ta' xejn. Biss kelli ħija l-Libja u ridt li nsibu biex nagħmlu l-vjaġġ lejn l-Ewropa flimkien".
Ikompli jgħid li, "Mort il-Libja u hemmhekk rajt li faċilment jattakkawk u jisirquk. Fil-Libja ma tistax timxi f'ċerti ħinijiet jew tmur fejn trid. Ikun hemm persuni li jippretendu li huma pulizija jew membri tal-armata. Dawn jaħtfuk u jeħdulek flusek. Jekk ma jkollox flus tispiċċa taqla' xebgħa sew. Fil-Libja lili ħatfuni diversi drabi. Darba minnhom kont sejjer niltaqa' ma' ħabib tiegħi li kien għadu kif wasal il-Libja. Ġew xi persuni, tefgħuni f'karozza u saqu għal ammont twil ta' ħin. Ħaduli kulma kelli. Abbandunawni fid-deżert. Kont fortunat li kien hemm xi persuni li kienu għaddejjin minn hemm u għenuni nsib it-triq lura."
Abdu jgħid ukoll li, "Ħija hu iżgħar minnu u għalhekk jien kont responsabbli tiegħu. Kull meta kien ikollna bżonn inġibu xi ħaġa minn barra kont noħroġ jien u hu joqgħod ġewwa biex ikun sigur. Kien minħabba f'hekk li ġejt maħtuf kemm-il darba. Qafluni fi djar u mhux f'ħabsijiet jew kampijiet. Dawn ikunu djar mimlijin irġiel u nisa armati b'armi tan-nar u skieken. Anki t-tfal ikunu armati. Jeħdulek il-flus u jsawtuk. Kuljum isaqsuk għal aktar flus. Jekk ma jkollokx flus xi ttihom ma tkunx ta' valur għalihom. Jien kont fortunat li kont naf nies li kienu lesti jħallsu biex ninħareġ minn hemm."
Abdu rrakkonta lill-MSF li, "Iltqajt ma' dawk li jorganizzaw il-vjaġġi permezz tal-ħbieb tiegħi. Ħallast $1,700. Il-vjaġġ ġie pospost darbtejn. Nirringrazzja 'l Alla li ġejt salvat. Meta rajt id-dgħajsa li ġiet issalvana l-ewwel ħsieb tiegħu mar fuq il-familja u fuq Alla."  Minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home