Saturday, May 23, 2015

Skanska dwar il-konkos f'Mater Dei: Qabel nikkummentaw għandna bżonn aktar informazzjoni


"Irċevejna ittra mingħand il-Ministru Mizzi. Dan hu proġett li twettaq ħafna snin ilu. Għandna bżonn akar informazzjoni qabel inkunu nistgħu nikkummenaw fuq din il-materja."
Dan sostnieh ma' inewsmalta.com Edvard Lind, il-Kap tal-Kommunikazzjoni tal-grupp Skanska, il-grupp li kien responsabbli mill-bini tal-isptar Mater Dei. inewsmalta.com talbet lill-grupp Skanska biex jikkummenta fuq il-kwistjoni ta' konkrit dgħajjef, li dwaru saret investigazzjoni mill-grupp ARUP. Sa issa għad m'hemm ebda indikazzjoni ta' meta se jibdew il-laqgħat bejn il-gvern u l-grupp Skanska.
Ta' min jgħid li f'konferenza stampa li saret mill-Ministru Konrad Mizzi u s-Segretarju Parlamentari Chris Fearne, intqal li x-xogħlijiet li mistennija jsiru biex jiġi trattat il-konkos inferjuri fl-Isptar Mater Dei se jiswew madwar €35 miljun. Minn din is-somma, €5 miljuni se jkunu meħtieġa għad-Dipartiment tal-Emerġenza filwaqt li €30 miljun se jkunu meħtieġa għal partijiet oħra tal-isptar.
Il-kumpanija multinazzjonali tal-inġinerija ARUP, li kienet tqabbdet tinvestiga dan il-konkrit, kienet ħadet diversi X-Rays ta' strutturi fl-isptar u nstab li l-problema hijamifruxa mal-isptar kollu. Id-durabilità tal-istruttura tinsab f'riskju minħabba l-kwalità tal-konkos. ARUP qed jirrakkomandaw li tittieħed azzjoni fit-tul dwar l-istrutturi tal-isptar u mhux waħda għal żmien qasir.
ARUP żvelaw li għalkemm il-konkos f'Malta kellu jkun magħmul biss minn ġebel tal-qawwi, irriżulta li biex inbena l-isptar Mater Dei, il-konkos tħallat b'ġebel tal-franka. Minn testijiet li saru dan l-aħħar instab li s-saħħa tal-kolonni kellha tkun fil-grad ta' Mpa30, iżda f'diversi testijiet li saru nstab li l-kolonni ma kinux konformi ma' dan. Fil-każ tal-kolonni tal-Emerġenza nstab li s-saħħa tal-kolonni kienet ta' Mpa18. Instab ukoll li fi Block D, fejn hemm is-swali, is-saħħa strutturali minflok Mpa30 hija ta' Mpa 23.
Mit-testijiet ħareġ ukoll li fil-każ tal-istrutturi fid-Dipartiment tal-Emerġenza, fil-parti l-kbira tiegħu l-konkos kien poruż u dan wassal biex kien hemm dgħufija fil-kolonni. Irriżulta li l-kolonni fl-Emerġenza bdew jiddgħajfu b'rata mgħaġġla ħafna u li fil-fatt kienu qed jiddgħajfu d-doppju ta' kolonni simili li kellhom l-istess żmien. Il-Gvern qed jikkunsidra li jieħu azzjoni legali dwar ix-xogħlijiet ħżiena li saru.
Ta' min jgħid li dwar dan kollu l-Gvern kien ħatar inkjesta mmexxija mill-Imħallef Emeritu Philip Sciberras. Din l-inkjesta għandha tkun lesta fi żmien ftit jiem oħra. Minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home