Friday, May 22, 2015


Wara li kien intqal li l-inkjesta tlestiet.....


L-inkjesta fuq il-konkos tal-Isptar Mater Dei
titlesta l-ġimgħa d-dieħla…se titpoġġa fil-Parlament


L-inkjesta li kienet qed titmexxa mill-Imħallef Emeritu Philip Sciberras dwar ir-responsabbilitajiet kriminali u ċivili fil-każ marbut mal-konkrit ta' kwalità inferjuri fl-Isptar Mater Dei, se tkun lesta b'mod definit il-ġimgħa dieħla.  Dan iddikjarah il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa fuq mistoqsija ta' L-ORIZZONT, f'konferenza stampa li fiha ħabbar konklużjonijiet ta' rapport minn kumpanija ta' inġiniera dwar testijiet li għamlu fuq il-konkrit tal-isptar. 
Quddiem il-fatt li l-Ministru Mizzi qal li se jkun qed jistenna ir-rapport ta' inkjesta biex ikun jista' jikkummenta fuq responsabbilità kriminali u ċivili fuq dan il-każ, L-ORIZZONT staqsa dwar il-fatt li lura għal l-aħħar ta' Frar li għadda, fi tweġiba Parlamenetari kien intqal li l-bord ta' inkjesta kien lesta ix-xogħol tiegħu u kien qed iħejji ir-rapport finali. Mistoqsi jekk finalment il-bord lestiex ix-xogħol tiegħu, il-Ministru Mizzi qalilna li l-bord kellu joqgħod jistenna lil Dr. Louis Galea peress li dan kien imsiefer u ma setax ikun Malta. Qal li finalment fil-vaganzi tal-Għid, Dr. Galea kien f'Malta u dan  kien intervistat mill-bord.  Il-Ministru ħabbar li l-ġimgħa d-dieħla ir-rapport ikun lest.
Quddiem il-fatt li kienu saru talbiet biex dan il-każ ikun diskuss quddiem il-Kumitat Parlamentari għas-Saħħa, is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne, meta mistoqsi minn L-ORIZZONT jekk din il-materja hix se tkun diskussa fil-kumitat qalilna li l-kumitat għandu jiddiskuti dan il-każ u li r-raport tal-inkjesta li se jkun f'idejn il-gvern fil-ġranet li ġejjin se jitpoġġa quddiem il-Parlament.

Partijiet tal-Mater Dei se jkunu 'rinfurzati'….
..espert qatt ma ra konkrit daqshekk inferjuri

Bid-Direttur tal-kumpanija internazzjonali ARUP, Andrew Harrison - li għandu 20 sena esperenza f'inġinerija mekkanika jiddikjara li qatt ma ltaqa' ma' każ fejn konkrit f'bini pubbliku ikun f'livelli inferjuri bħal dak f'partijiet mill-Isptar Mater Dei,  hu mistenni li fi żmien qasir jibdew diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-kuntrattur Skanska dwar dak li ġie stabbiliet minn investigazzjoni teknika mill-kumpanija ARUP fl-Isptar Mater Dei. Mhux magħruf meta se jibdew dawn il-laqgħat, għalkemm il-Gvern hekk kif kellu ir-rapport f'idejn informa lil Skanska u talab laqgħa urġenti.  Bil-Ministru Konrad Mizzi jgħid li l-gvern qed iħalli l-għażliet kollha miftuħin inkluż dawk ta' azzjonijiet legali biex jiġu irkuprati madwar 35 miljun Ewro, f'miżuri korrettivi li se jkollhom jittieħdu f'partijiet tal-bini tal-isptar.  Andrew Harrison, iddeskriva l-fatt ta' konkos inferjuri bħala li 'kienet sorpriża' u li kienet ta' diżappunt kbir għal dawk involuti.
Ta' min jgħid li meta faqqgħet din il-kontroversja, l-eks Ministru  Nazzjonalista Tonio Fenech kien iddikjara li l-istrutturi fl-Isptar Mater Dei qatt ma kienu iddisinjati biex fuqhom isir bini addizzjoni.  Hu kien iddikjara ukoll li Skanska kienet irrifjutat li tibni aktar minn żewġ sulari u dan minħabba raġunijiet ta' sigurtà. 
Ilbieraħ wara nofsinhar saret konferenza stampa li fiha kien hemm rappreżentanti tal-kumpanija ARUP li għamlu l-investigazzjonijiet u l-Ministru Konrad Mizzi u s-Segretarju Parlamentari Chris Fearne, f'liema konferenza stampa tħabbru dettalji ta' dak li ħareġ mill-investigazzjoni teknika. 
L-emerġenza u l-binja kollha
tas-swali b'konkrit inferjuri
Mir-rapport tekniku jirriżulta li ż-żoni tal-Isptar Mater Dei li fihom konkrit inferjuri huma dawk tad-Dipartiment tal-Emeġenza u l-blokk kollha tas-swali li hi msejħa 'blokk D'. Filfatt, fir-rigward tad-Dipartiment tal-Emerġenza instab li l-konkrit flok 30MPa kien ta' 18MPa, waqt li fi Blokk D kien ta' 23MPa flok 30 MPa.  Mir-rapport joħroġ li f'żoni oħra tal-isptar, il-konkrit  kien jilħaq konformi mar-rekwiżiti.  Fil-fatt Blokk A instab li l-konkrit kellu saħħa ta' 29MPa, fi Blokk B kien ta' 27MPa, fi Blokk C kien ta' 35 MPa, fi Blokk E 37 MPa u fil-kamra mortwarja kien ta' 42 MPa.  Fil-każi kollha, is-saħħa tal-konkrit skont ir-rekwiżi kellha tkun 30 MPa.  Fir-rigward tal-isptar tal-onkolġija is-sitwazzjoni hi konformi mar-rekwiżiti.
Miżuri korrettivi…..
….rinfurzar u ħitan biex joħoloq stabbilità
Fir-rapport tekniku hemm diversi  rakkomandazzjoni korrettivi biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-konkos inferjuri.  Fost l-azzjonijiet li jissmmew hemm dak li jkun hemm rinfurzar tal-'plant rooms' kif ukoll li jkun hemm ħitan li joffru aktar stabbilità.  Miżuri oħra korrettivi huma dak ta' rranġar fil-kolonni tal-konkrit.
Hu mistenni li dawn l-azzjonijiet korrettivi jibdew jiġu attwati mis-sena d-dieħla.
Laqgħa urġenti
ma' Skanska
Il-Ministru għas-Saħħa, Konrad Mizzi fil-konferenza stampa semma' li talab laqgħa urġenti ma' Skanska wara li investigazzjoni teknika minn kumpanija internazzjonali dwar il-konkrit fl-isptar Mater ikkonfermat kwalità inferjuri ta' konkos ill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt f'xi żoni fl-isptar.  Skanska kien il-kuntrattur ewlieni involut fil-bini tal-Isptar Mater Dei.  Il-gvern iddikjara li se jirrimedja għal dan b'xogħlijiet korrettivi li mistennija jiswew madwar €35 miljun u anke qed jikkunsidra azzjonijiet legali.
Fil-konferenza stampa issemma' li x-xogħlijiet li mistennija jsiru biex jiġi trattat il-konkos inferjuri fl-Isptar Mater Dei se jiswew madwar €35 miljun. Minn din is-somma, €5 miljuni se jkunu meħtieġa għad-Dipartiment tal-Emerġenza filwaqt li €30 miljun se jkunu meħtieġa għal partijiet oħra tal-isptar.
Il-kumpanija multinazzjonali tal-inġinerija ARUP, li kienet tqabbdet tinvestiga dan il-konkrit, kienet ħadet diversi X-Rays ta' strutturi fl-isptar u nstab li l-problema hi mifruxa mal-isptar kollu.    ARUP żvelaw li għalkemm il-konkos f'Malta kellu jkun magħmul biss minn ġebel tal-qawwi, irriżulta li biex inbena l-isptar Mater Dei, il-konkos tħallat b'ġebel tal-franka. Mit-testijiet ħareġ ukoll li fil-każ tal-istrutturi fid-Dipartiment tal-Emerġenza, fil-parti l-kbira tiegħu l-konkos kien poruż u dan wassal biex kien hemm dgħufija fil-kolonni. Irriżulta li l-kolonni fl-Emerġenza bdew jiddgħajfu b'rata mgħaġġla ħafna u li fil-fatt kienu qed jiddgħajfu d-doppju ta' kolonni simili li kellhom l-istess żmien.
Instab ukoll li f'każ ta' attività siżmika instab li partijiet tal-isptar mhux konformi mal-ispeċifikazzjonijiet li kien hemm.
Minn L-ORIZZONT

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home