Monday, May 25, 2015

Meinie Nicolai

L-emozzjoni tal-immigranti malli jiġu salvati - 'bikja', 'tgħanniqa' jew 'bewsa lill-bastiment'


Xhur bla irqad b'mod trankwill. Xhur ta' vjaġġar minn pajjiż għal iehor xi drabi snin. Ħin twil bejn sema u ilma ippakkjati f'dgħajsa. F'ċertu każijiet imxarrbin għasra bil-mewġ. F'każijiet oħrajn maħruqin bix-xemx. Xi wħud kienu sa nofs qaddhom fl-ilma għax id-dgħajsa kienet qed tagħmel l-ilma. 
Quddiem dawn ir-realtajiet, inewsmalta.com għamel kuntatt ma' volontarji li qed jaħdmu ma' Medecins Sans Frontieres abbord il-bastiment Argos u tkellimna magħhom dwar l-emozzjonijiet ta' dawn il-persuni fil-mument li jkunu salvati.  Meinie Nicolai, infermiera li qiegħda abbord l-MSF 'Argos' tgħidilna bla tlaqlieq li "hemm emozzjonijiet diversi. Jinfexxu f'bikja. Oħrajn jitgħannqu. Ibusu il-bastiment kif jitilgħu fuqu. Kant ta' ferħ u tbissima kif jaraw l-Italja fuq ix-xefaq. Emozzjonijiet qawwijin".
Meinie Nicolai, hi infermiera li qiegħda abbord l-MSF 'Argos' - bastiment immexxi minn Medecins Sans Frontieres u li qiegħed f'ħidma biex isalva immigranti fil-Mediterran. Menie hi l-President ta' MSF tal-Belġju u tad-Direttorat Operazzjonali fi Brussel.
Meta tkellmet ma' inewsmalta.com qaltilna li "wara li jkunu salvati, jħossuhom grati għal dak li jkun sar. Kellna ammont ta' tfal li salvajna. Il-kundizzjoni tagħhom kienet pjuttost tajba.  Imma l-impatt ta' ivvjaġġar twil u skabruż ikun jinħass fihom. Anki fost l-irġiel u n-nisa tara l-għejja li jkunu qed isofru minnha".
Nistaqsuha fuq l-emozzjonijiet ta' meta minn fuq id-dgħajsa li jkunu telqu biha mil-Libja jitilgħu għal fuq il-bastiment Argos. Meinie tgħidilna li "emozzjonijiet qawwija. Ivarjaw. Kellna każijiet fejn dawk salvati kif telgħu abbord il-bastiment Bourbon Argos infexxew f'bikja.  Kellek oħrajn jibdew jitgħannqu ma' familjari u ħbieb tagħhom  hekk kif jirfsu fuq id-dgħajjsa. Tara nies li fil-mument li jirfsu fuq il-bastiment tagħna jieqfu u jbusuh.  Mumenti emozzjonali. Tara it-tbatija li għaddew minnha. It-tensjoni li kienu fiha - li jafu li jistgħu ma jaslux l-art.  Ikollok oħrajn li bl-għejja jispiċċaw reqdin wara li jkunu ġew salvati.  Hemm l-emozzjoni ta' meta jaraw l-art minn fuq il-bastiment salvat. Ħafna minnhom għamlu xhur jivvjaġġaw f'perikli kontinwi. Kif jaraw l-art Taljana fuq ix-xefaq jibdew jitolbu, ikantaw bil-ferħ u jirringrazzjawna li salvanihom. Fl-art imbagħad għamlu sessjoni ta' talb flimkien".
L-aħħar salvataġġ ta' immigranti li wettqu kien dak ta' 477 immigrant, b'ħafna minnhom ikunu mis-Somalja, Eritrea u Bangladesh.   Fost dawn kien hemm xi każijiet urġenti u serji, fosthom mara li kellha żewġ iswaba mgħaffġin. F'dak is-salvataġġ saru madwar 100 konsulta medika.

'Qed niktiblek biex nirringrazzjak' - l-ittra ta' Golleh
Tispikka l-ittra ta' Golleh, immigrant mill-Gambja u li llum jinsab fiċ-ċentru ta' Pozzallo, liema ittra inkitbet biex jirringrazzja lil ħaddiema ta' Medecins Sans Frontieres għax-xogħol tagħhom. 
Lil waħda mill-psikoloġisti fiċ-ċentru ta' Pozzallo, Golleh ma jonqosx li jgħidilha li "mindu miet missieri fis-sena 2011, intom kont l-ewwel  persuna  li ħadt ħsiebi".  Kien dakinhar stess li Golleh, poġġa bilqiegħda għall-ftit ħin għal kwiet u kiteb ittra lit-tabiba li tatu l-ewwel kura hemm kif tniżżel f'Pozzallo.
L-ittra tgħid li "Anna, irrid nirringrazzja lilek u lin-nies ta' Pozzallo - it-tobba b'mod partikolari. Illum kienet il-ġurnata li jien iltqajt maż-żija li ġiet tarani.  Kuntent ħafna.  Qed nikteb din l-ittra biex nirringrazzjakom. Rajt ir-rispett li urejtu lejn il-bniedem.  Tajtu l-kura f'waqtha lil min kien ma jiflaħx. Għamiltu dan bi tbissima. Ridtuna li nkunu tajbin u nieħdu saħħitna mill-ġdid. Għal dan nirringrazzjak u nitlob għalik".
Meta niżel f'Pozzallo Golleh kien qed ibati minn uġiegħ f'żaqqu.  It-tabiba wara li eżaminatu rat li kellu infezzjoni u li għal xhur sħaħ ma kinitx trattata. Kors ta' antibiotiċi wassal biex hu beda jħossu ħafna aħjar. Il-vjaġġi u dak li ra ma wiċċu wassluh biex dawn ħallew marka fuq l-istat mentali.  Hu beda jingħata appoġġ minn żewġ psikoloġisti.
Golleh kien jgħix fil-Gambja ma' ġenituri adottivi.  Mietu ħabta u sabta u hu ġie mċaħħad mill-wirt. Spiċċa emarġinat. Jgħix waħdu u fil-faqar. Iddeċieda li jitlaq mill-Gambja. Telaq lejn is-Senegal fejn għamel ħames xhur  u minn hemm mar il-Mawritanja fejn għamel madwar sena qabel beda l-vjaġġ lejn il-Libja. Ma kellux 500 Dinar Libjan biex iħallas il-vjaġġ lejn il-Libja u minħabba dan kellu jagħmel xogħol sfurzat biex iħallas għall-vjaġġ.  Kienu ġimgħat li fi kliem u stess 'kien imsawwat u bl-azzarini ippuntati lejh". Finalment spiċċa l-Libja u fuq dgħajsa bid-direzzjoni lejn l-Ewropa. Minn inewsmalta.com

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home