Thursday, May 28, 2015

Dalwaqt jibda r-restawr fuq il-Casino Notabile…sa Ottubru għandu jkun lest


Fl-aħħar jiem tlestew l-aħħar preparamenti konnessi mal-binja storika tal-Casino Notabile fit-telgħa tas-Saqqajja fir-Rabat - binja li taqa' taħt il-Kunsill Lokali tal-Imdina. Saru spezzjonijiet minn ġewwa u anke ittieħdu ritratti, u issa hu imminenti li jinbdew ix-xogħlijiet.
Sorsi ikkonfermaw ma' inewsmalta.com li, "Ir-restawr se jinbeda b'mod imminenti għax sa Ottubru li ġej irid ikun lest." Dwar din il-binja storika, il-kunsill lokali tal-Imdina kienet ħareġ tender għal proposti dwar x'jista' jsir fiha, fejn fost affarijiet oħra din se tintuża għal esebizzjonijiet.
Iż-żmien u l-elementi  għamlu diversi ħsarat f'din il-binja. Il-ħsara tant kienet kbira li feġġew konsenturi kbar fl-iskultura u kellhom isiru puntali u wara 'scaffolding' biex iżommu l-istrutturi f'posthom. Minkejja li għaddew is-snin, fondi għar-restawr kienu baqgħu ma nstabux. Iżda mbagħad, bis-saħħa ta' diskussjonijiet li saru bejn is-Segretarju Parlamentari Ian Borg u s-Sindku tal-Imdina, Peter Sant Manduca, instabu fondi għaliha biex tiġi restawrata.
Snin ilu, lura fis-sena 2009, il-kunsill lokali tal-Imdina kien għamel  studji  biex jara x’tip ta’ intervent għandu jsir fuq din il-binja u dan bil-għan li din ma tiġġarrafx.  Rapport ta’ perit kien jgħid li l-binja tista’ tiġġarraf b’sempliċiment maltempata qawwija.
Jidher biċ-ċar li r-restawr ma jridx isir biss fuq l-is­trut­tura imma jrid ikun mill-pe­da­menti, l-istess kif ġara fuq is-swar li hemm ftit bogħod. Il-problema tal-Casino Notabile tidher li hi ġejja mill-pedament, fejn hemm anke għajn taħtu u għalhekk is-sitwazzjoni hi meqjusa bħala 'delikata'.
Matul is-snin kien hemm diversi proposti dwar għal xiex jista’ jintuża u anke dwar minn fejn se jinġieb il-finanzjament. Kien hemm anke min kien lest li jgħin fl-ispiża tar-restawr, iżda għal raġunijiet li għadhom mhux magħrufin il-bini kien tħalla mitluq.
Ta’ min jgħid li kien hemm żmien meta kien hemm kumitat għat-tmexxija tal-Casino No­tabile. Meta kien hemm Arthur Barbaro Sant bħala segretarju ta’ dan il-kumitat, dan kien jinfetaħ kul­jum biex b’hekk jinżamm “ħaj”. Fih kienu jsiru anke attivitajiet soċjali. Kien hemm żmien meta l-eks-Ministru tal-Edukazzjoni u Kultura Ugo Mifsud Bonniċi, illum President Emeritus, kien laqa’ t-talba tal-kumitat biex isir restawr tal-bini.
Ir-restawr kien sar, iżda wara li għadda ftit taż-żmien il-kuntratt tal-kirja li kien hemm ma ġiex imġedded. Kien issemma li kien se jieħdu f’idejh il-Kunsill Lokali tar-Rabat, biex jagħmlu ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani. Kien issemma wkoll li se jsir kafetterija. Biss minn dan kollu ma sar xejn.
Il-Casino Notabile, li kien iddisinjat mill-Perit Webster Paul­son, inbena fis-sena 1887 u l-għan tiegħu kien speċifikament għal dawk meqjusin bħala “tal-klassi għolja” li kienu jgħixu fir-Rabat u l-Imdina. Il-Casino Notabile kien mibni fuq għajn tal-ħasselin, li għadha hemm sal-lum, għalkemm l-ilma nixef.
L-istorja tal-Casino Notabile tibda fi żmien l-Imperu Ingliż (1800), meta bdiet ukoll bidla fl-arkitettura. Kien iż-żmien li beda dieħel l-istil neoklassiku u strutturi gotiċi. L-Imperu Ingliż ried li juri l-preżenza tiegħu f’Malta u dan anke billi jinbena bini f’dan l-istil. Waħda minn dawn il-binjiet hi proprju l-Casino Notabile fit-telgħa tas-Saqqajja. Minn inewsmalta.com

1 Comments:

At September 14, 2021 at 6:29 AM , Blogger dsdsa said...

Thanks for your information, it was really very helpfull..
ยูฟ่าเบท

 

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home