Il-ħruxijiet tal-gwerra fis-Sirja minn għajnejn tifla Fiha tmien persuni. Fiha hemm tlett itfal. Tnejn iħarsu mbikkmin u wieħed jibki. Mara tidher mal-art bi tliet tikek suwed ġo żaqqha u b'żewġ linji ħomor twal ħerġin minnha. Maġenbha tifel żgħir jibki. Fuq ix-xelluq ta' din il-mara hemm erba' persuni - żewġt itfal u żewġ ommijiet. Il-ħarsa ta' wiċċhom turik li huma mbikkmin. Saħansitra għandhom linji ma' għajnejhom li jindikaw id-dmugħ. Fin-naħa t'isfel tat-tpinġija mbagħad issib żewġ persuni oħra. Lebsin qalziet aħdar u flokk isfar. F'idejhom għandhom l-armi. Imma, kuntrarjament għall-persuni l-oħra, dawn għandhom daħka kbira fuq fommhom. Għajr żewġ sħabiet u x-xemx, ma ssib ebda dettall ieħor f'din it-tpinġija.
Tpinġija li malli tiġi f'idejk ma tistax ma tixxukkjakx. Jekk tħares lejha u tifliha sew tista' tibda tifhem x'hemm warajha. Tistaqsi minn kien li pinġieha u t-tweġiba ma tkunx wisq differenti minn dak li tkun qed taħseb. Kienet tpinġija ta' tifla Sirjana, liema tpinġija saret waqt li din it-tifla qed tieħu l-edukazzjoni f'Malta. It-tifla ġiet f'pajjiżna wara vjaġġ iebes u skabruż flimkien mal-ġenituri tagħha biex ħarbu mill-gwerra fis-Sirja.
Quddiem dak impinġi ma tistax ma ssirx il-mistoqsija lil din it-tifla ta' x'qed tirrappreżenta. Dak impinġi hu storja li t-tifla ratha sseħħ quddiem għajnejha fil-villaġġ fejn kienet tgħix fis-Sirja.
L-istorja wara t-tpinġija hi dik li kien hemm grupp ta' nies armati jiġġerrew u dawn marru fil-villaġġ fejn kienet tgħix din it-tifla. Xi nies armati riedu tifel biex jeħduh magħhom. Kif wieħed jistenna, l-omm irreżistiet dan bil-qawwa kollha. Li ġara wara kien li dawk in-nies armati sparaw fuqha u qatluha.
It-tifla ħasset li kellha tpinġi wkoll il-mod kif żvolġiet is-sitwazzjoni wara l-qtil, fejn is-suldati telqu lura jidħku.
Dak espress minn din it-tifla jurik li għalkemm f'pajjiżna dawn it-tfal m'għandhomx vuċi u forsi jinsabu xi ftit jew wisq iżolati, huma għandhom il-kuluri u l-lapsijiet biex joħorġu l-emozzjonijiet tagħhom. Minn dak espress, jidher biċ-ċar li din it-tifla għandha bżonn għajnuna psikoloġika biex toħroġ mit-trawma li tinsab fiha, xi ħaġa li l-awtoritajiet edukattivi ħadu ħsieb b'mod immedjat.
Apparti din it-tifla, f'pajjiżna hawn għadd ta' tfal oħra Sirjani. Nitkellmu ma' għalliema li għandhom kuntatt ma' dawn it-tfal u jgħidulna bl-istejjer li jirrakkontaw iċ-ċkejknin. Waħda mill-għalliema tgħallmet mill-ewwel il-kliem 'Assalamu Alaykum'. Din tfisser il-paċi miegħek. Kliem li waħda minn dawn it-tfal Sirjani kienet tgħid ta' kuljum lis-suldati li jkun hemm f'checkpoint li kienet tgħaddi minnu kull filgħodu qabel ma tmur l-iskola. F'diskursata magħha ssemmilek il-ħelikopters u l-mod kif id-djar kienu jiġu attakkati fil-post fejn kienu jgħixu fis-Sirja.
Bil-gwerra Sirjana issa ilha għaddejja għal aktar minn erba' snin, fl-aħħar sigħat ġie rappurtat mill-Osservatorju Sirjan għad-Drittijiet tal-Bniedem li f'din il-gwerra mietu mal-230,000 persuna. Fost dawn hemm kważi 70,000 persuna ċivili li minnhom 11,493 huma tfal u 7,371 huma nisa. Minn Inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home