Tbatija kbira - iqabbdu dijżil biex insaħħnu - jieklu l-fdalijiet tal-ikel..
Għomor fuq il-baħar…… ….bdew b'inċident
ta' għarqa ta' bastiment
Għomorhom fuq il-baħar. Bdew minn meta kellhom biss ħmistax-il sena, b'avventura wara l-oħra uħud tajbin u oħrajn mhux daqshekk tajbin. Tbatija kbira, kemm f'dak li hu ikel, il-kwalità tax-xogħol u kundizzjonijiet ta' akkomodazzjoni fuq il-vapur kif ukoll biex jgħixu fuq l-ewwel bastiment li imbarkaw fuqu, liema bastiment spiċċa għereq. Ħafna drabi il-baħħar kien ikollu jgħix f'kundizzjonijiet kważi inumani fuq bastimenti u f'kundizzjonijiet iebsa tat-temp fejn ġieli biex taffew il-kesħa kienu jqabbdu ċraret imxarrbin fid-dijżil fil-gabina tagħhom. 'Temmen li ġieli kont niekol il-fdal tal-ikel li kien jifdal fil-borom u dixxijiet li jkun sajjar il-kok għall-ufficċjali?' L-ikel ma kienx l-istess għall-uffiċjali u l-ekwipaġġ. Lill-ekwipaġġ iż-żibel u loqom kienu jitimgħuna, qalillna Emanuel Grech.
L-ORIZZONT fl-aħħar jiem iltaqa' ma' Alfred u ma' Emmanuel, żewġ baħrin li għamlu għomorhom fuq il-baħar. Imma żewġ baħrin li bdew il-karriera tagħhom fuq il-baħar b'inċident ikrah li wassal biex bastiment spiċċa għereq. Din kienet l-avventura ta' erba' baħħara mill-Isla, Emanuel (Leli) Grech, Alfred (freddy) Christina u l-aħwa Emanuel (Leli) u Joseph (Joey) Galea.
Il-bastiment li kienu fuqu kien jismu 'Stassa' u għereq ilbarra minn Stornoway fl-iskozja. Ftit tal-jiem ilu, eżattament fil-15 ta' Lulju, din l-għarqa għalqet 49 sena.
Bdejna nfittxu x-xogħol…..u
qalulna li jridu erba' 'deck boys'
Emanuel Grech jirrakkontalna li "konna d-Dwana fejn kien hemm l-uffiċċju tan-National Union of Seamen u fejn ta' kull filgħodu mit-Tnejn sal-Ġimgħa kienu jinġabru il-baħħara jistennew li jinqala' xi xogħol fuq xi bastiment biex jimbarkaw fuqu. Sirna nafu li riedu erba' 'Able Bodied Seamen (AB’s)" iżda peress li il-baħħara merkantili Maltin dejjem ippreferew jimbarkaw fuq bastimenti Ingliżi, aħna ngħidulhom tal-bandiera ħamra jew bastimenti tar-Royal Fleet Auxiliary (RFA) u peress li ma sabux AB’s ħadu u ingaġġaw lilna bħala deck boys. Morna bħala deck boys bla esperjenza ta' xejn. Deck Boy ikun għadu tifel u jitla' fuq il-baħar biex jitgħallem is-sengħa tax-xogħol fuq il-gverta (Deck) biex eventwalment wara disa' xhur esperjenza fuq vapur, kont tapplika għand ix-Shipping Master biex joħroġlok dak li ngħidulu il- Ktieb tal-baħar (Seaman’s Discharges Book) u wara sentejn esperjenza jagħmel eżami biex iġib iċ-ċertifikat ta' 'Able Bodied Seaman (AB)'. Dak iż-żmien meta timbarka ma' dawn il-kumpaniji il-paga kienet £20 fix-xahar. Konna Deck boys iżda kien ikollna nagħmlu kwalunkwe xogħol li jqabbadna il-kaptan, anki fl-engine room lejl u nhar. Ma kienx hemm ħin".
Jgħidulna li 'kull tifel li ried jaħdem fuq il-baħar, kien jew jidħol it-tarzna mal-ħaddiema u jitla' abbord, jew imur ix-xatt tal-belt ħdejn l-uffiċċju tan-National Union of Seamen li aħna konna nsejħulu id-dwana u nistennew forsi xi kaptan ta' xi bastiment fil-port jew xi aġent jitlob xi nies biex jimbarkaw jew induru l-aġenti. Jekk ma jkollokx karta jew ktieb tal-baħar kien diffiċli biex timbarka fuq l-ewwel bastiment. Kull żgħażugħ ikun irid li jakkwista din il-karta li turi li għandek 9 xhur esperjenza fuq il- baħar".
Dawn l-erba' baħħara Sengleani kienu bdew jaħdmu mal-kumpanija tal-vapuri Griega Kolakis u imbarkaw abbord il-bastiment “Stassa”. Alfred Christina qalilna li "din il-kumpanija kienet bdiet b'jott li kien jisma “Stasa”. Din kienet imsemmija għall-mara tas-sid. Kellna tbatija kbira għax bla esperjenza, ma' nies ta' nazzjonalitajiet differenti. Il-bastiment kienet f'kundizzjoni ħażina ħafna."
"Konna tfal. Fuq li “Stassa” kellna nuqqas ta' ikel, apparti ix-xogħol iebes u siegħat twal li konna imġiegħlin naħdmu. Għall l-ekwipaġġ l-ikel kien ikun jikkonsisti f'sardin jew għaġin filwaqt li l-kaptan u il-fizzjali kienu jieklu ikel tajjeb bħal-laħam, tiġieġ u ikel iehor. “Jien barra l-għassa fit-tmun u ix-xogħol tiegħi fuq il-gverta kont ngħin lill-kokijiet, naħsel u innaddaf d-dixxijiet, borom, il-platti u l-art tal-Galley (Kcina). Temmen li dak li kien jifdal fid-dixx kont nieklu fosthom ħobż niexef"?, jgħidilna Emanuel Grech.
Ikompli jgħid li 't-tbatija kienet għax ma kellniex esperenza ta' deck hands. Xogħlna kien li niftħu l-istivi, nerfgħu id-derka, u kull xogħol iehor li hu relatat mal-gverta. L-istivi ma kienux bħal ta' llum jingħalqu u jinfetħu bil-hydaulic imma kienu jingħalqu bi planki ta' l-injam li konna nsejħulhom “Hatchboards” ta' madwar 8 piedi tul, 2piedi u nofs wisa u ħxuna ta 2 pulzieri u nofs li riedu jitneħħew u jitpoġġew waħda waħda kull darba li tiftaħ jew tagħlaq li stivi, kollox manwali. Qabel ma' l-bastiment issalpa mill-port fuq l-istivi kienu jitpoġġew ukoll tliet inċirajjet ħoxnin biex ma jidħolx ilma. Issa immaġina ġuvnotti ta' 15-il sena x'forza seta' kellna" u bla esperjenza. Kellek il-kundizzjonijiet tat-temp. Kellna l-problema tal-kesħa għax il-bastiment tant kien f'kundizzjoni ħażina li l-anqas sistema ta' sħana fil-kabini ma kellu".
Grech qalilna li “Darba minnhom meta konna ġo Archangelsk fir-Russja biex ngħabbu tagħbija injam beda jfaqqa' s-silġ. Jien ġietni idea. Sibt kaxxa żgħira tal-metall minn dawk tal-OXO. Tfajna ftit ċraret imxarrbin bid-dijżil ġo fiha u qabbadnieh fil-gabina biex nisħnu. Ara kemm blajna tniggiż ġo fina" qal Grech bit-tbissima. "Konna għadna tfal. Jiddispjaċini ngħid li l-aġent jibagħtek u inti issir numru', itenni Emanuel Grech.
"Bejna l-aventura tagħna billi minn Malta morna Katanja u minn hemm għal Ipswich. Minn hemmhekk salpajna għal Archangelsk fir-Russja. Waqafna u ħadna ż-żejt għall-boilers li kienu jipproduċu li steam li jħaddem il-magna u l-ġeneraturi. Għaddejna mill-Fjords. Ir-Russja domna ħafna għax kif wasalna kienu marrulna l-boilers. Blajna xi xahar sħiħ hemm f’kesħa xxoqq l-għadam b'temperatura ta' madwar 10 gradi. Ta' tfal li konna ġejna mqabbdin biex ninżlu nnaddfu l-boilers u nneħħu l-bricks minksurin minn ġol-fran tagħhom. Wara li isewwiet il-ħsara għabbejna l-injam. It-tagħbija kienet kemm ġo l-istivi kif ukoll fuq il-gverta. Aħna xogħlna kien li nagħlqu u niftħu l-istivi, kif ukoll nerfgħu u inniżżlu id-derka meta tlestiet it-tagħbija, u nillaxxnaw (Norbtu u nissiguraw) it-tagħbija ta fuq il-gverta bi ħbula ħoxnin u bottlescrews. Tlaqna minn Archangelsk u suppost kellna naslu Limmerick l-Irlanda".
Alfred Christina qalilna li "darba fost l-oħrajn wara ġranet fuq il-baħar u meta sirna nafu li kien fadal tlett ijiem biex naslu Limmerick, rajt lill-kok jaqla' l-arloġġi tar-ram. Staqsjetu x'kien qed jagħmel u qalli “għax għada se naslu”. Jien għedtlu fadal tlett ijiem u hu beda jgħidli li “le'", qal Christina.
Itenni li "fuq il-vapur kienu qishom familja, kollha kienu jiġu minn xulxin. Il-mara tal-Kaptan tiġi t-tifla tal-kok, iċ-Chief Mate jiġi mill-mara tal-kaptan, familja insomma. Dakinhar li ġara l-inċident tal-għarqa, Emanuel kien għassa fit-tmun mill-4.00 sat-8.00 ta' filgħaxija. Meta tlajt nibdlu għall-għassa tiegħi mit-tmienja ta' filgħaxija sa nofs il-lejl bdejna ngħidu kif qed naraw id-dawl, għax ma kienx suppost li qed naraw dwal peress li suppost konna bejn sema u ilma għax kien għad baqa' tliet ijiem biex naslu Limmerick. Ir-rotta li minnha kellu jgħaddi l-bastiment kienet inbidlet. Jien bdilt lil Emanuel u mort fuq it tmun inmexxi l-bastiment fuq il-korsa mogħtija lili minn Grech meta bdilna l-għassa. Ir-rotta tkun mogħtijja lill-baħri ta' l-għassa mill-Kaptan jew fizzjal ta' l-għassa. Għall-ħabta ta' xi 10.00 ta' bil-lejl nara lill-kok, lill-kaptan u martu deħlin fil-wheelhouse. F'qalbi għidt kemm deħlin nies?. F'daqqa waħda ġie l-Kaptan fuqi u qalli “Alfredo, mur gib ħamsa kafe. Peress li jien kont qiegħed fuq it-tmun, għidt lill-kaptan li jien kont fuq ir-rota u ma kellix min jibdilni biex immur nagħmlilhom il-kafe. Qabżet il-mara tal-Kaptan qaltli li kienet se tieħu it-tmun hi. Jien għidtilha 'int?' Il-Kaptan qalli iva u jien mhux se nmerieh . Għedtilha il-korsa li konna għaddejjin fuqha u ħallejt it-tmun f'idejha biex immur nagħmlilhom il-kafe ".
Alfred Cristina jkompli jgħid li "jien bdejt nara ċertu għoljiet li mhux suppost kont qed narahom. Qabel konna qed naraw id-dwal iżda issa bdejna naraw l-għoljiet. Ġara li waqt li kont qed nagħmel il-kafe, u kont qed inpoġġihom fuq it-tilar, inħoss daqqa qisha ta' ħabta skoss kbar. Id-daqqa taqlibni u ttajjarli t-tilar. Tlajt niġri fuq u nsib il-bastiment wieqaf u apparantament fuq blata. Filfatt il-pruwa kienet fuq blata", jgħidilna Alfred.
"Jien ridt inmur nqajjem lil sħabi l-oħra" itenni Christina. Imbagħad Grech kompla u qalilna "Sħabna l-aħwa Galea, u jien ma stajniex noħorġu mill-gabina. Smajna d-daqqa u ħassejna l-iskoss mal-ħabta u qomna, għedtilhom oħorġu għax ġara xi ħaġa. Bid-daqqa li tant kienet vjolenti ġara li l-metall tal-passaġġ fejn kien hemm il-gabini ta' l-ekwipaġġ tgħawweġ jew imbaram b'mod li l-bieb tal-gabina iġġammja fiċ-ċaċċis. Li ma ġiex Freddy u sfronda l-bieb b'seratizz konna nibqgħu hemm; Kif infetaħ il-bieb qbadt is-Santa tar- Redentur u tfajtha fil-but u għedtlu issa għandek x'tagħmel ahna f’idejk", jgħid Emanuel Grech.
Alfred Christina jirrimarka li "lill-kaptan għedtlu li jien kont sejjer inqajjem lil sħabi. Hu beda jgħidli biex ma nippanikkjax għax mhux se nabbandunaw il-vapur. Bqajt ninsisti biex nmur għal sħabi. Eventwalment inżilt biex inqajjimhom u ngħidilhom x'ġara u sfrundajt il-bieb. Tlajt fuq u mort fuq il-pruwa biex naraw x'hemm taħt. Lili riduni naqbeż il-baħar biex nara kienx hemmx xi toqba. Ta żagħżugh li kont, kont qed nitħajjar naqbeż iżda Emanuel żammni u ma ħallinix naqbeż".
Emanuel Grech jiddikjara li "filfrattemp il-kaptan tefa' l-magna u għamel “Full Astern” (Reverse) f’attentat biex jaqla' l-vapur minn fuq il-blat kif filfatt ġara wara ftit tal-ħin. Meta ra li l-bastiment miexi b'lura reġa' tefa' il-magna full ahead (il Quddiem) u erġajna tlajna fuq il-blat meta imbagħad deher li l-vapur iċċarrat u beda dieħel l-ilma fl-engine room u anke nar kien hemm".
"Din għamluha għall-assigurazzjoni. Din il-kumpanja kien diġa kellha praspar qabel b'vapuri oħra li dak iż-żmien ukoll kienu maqbudin ġo Liverpool. Ġara li wara, il-kaptan minn fuq il briġġ ta l-ordni biex tintelaq l-ankra. Meta l-vapur miel fuq naħa waħda, niżżilna d-dgħajsa ta' salvataġġ li kienet tal-injam u din wara ftit bdiet tegħreq bl-ammont ta' ilma li beda dieħel fiha.
Grech ikompli “Kif niżżilna d-dgħajsa jien inżilt fuqha. L-oħrajn baqgħu fuq. Biss ġara li beda dieħel l-ilma fiha u jien bdejt inbattal l-ilma b'barmil li inżerta kien ġo fiha. Kelli kitarra miegħi u l-kaptan qalli dik (għal kitarra) itfagħha l-baħar. Jien hekk għamilt. Aħna ta' tfal li konna bdejna nagħmlu kollox biex insalvaw Fil-5.00 ta' filgħodu waslet dgħajsa minn Stornoway" bl-għajnuna tal-Mulej wasalna l-art. Ġew in-nies jilqgħuna u tawna xi kutri biex nissaħħnu bihom. Il-kaptan kien ġie jikkalmana. Ikomplu jgħidu li "meta inżilna l-art ġew pulizija biex jagħmlu inkjesta u li arrestaw lill-Kaptan".
Bid-daħka Alfred jgħidilna li "jien kxifthom li kellhom sigaretti moħbijin. Fil-fjords kienu jiġu dgħajjes tas-sajd u jtuhom is-sigaretti u affarijiet. Aħna ma konniex inkunu involuti imma konna nkunu nafu fejn qegħdin. Qabel inżilna Malta ridna nitħallsu mill-kumpanija u trasferewna lejn Glasgow. Għamilt stqarrija lil ta' Scotland yard tal-fatti kif ġraw peress li fil-ħin ta l-inċident jien kont il-baħri ta' l-għassa fit-tmun u l-kaptan kien spiċċa immanettjat. Kif rajtu hekk lil dawn għedtilhom arrestawh ja bagħal li hu. Wara ġiet il-mara tiegħu tistaqsina għalfejn għamilnielu hekk. Spiċċajna kellna ninżlu Malta 'overland' u naqbdu bastiment minn Katanja lejn Malta.
Staqsejhom jekk ikollhom jitwieldu mill-ġdid jaqbdux karriera fuq il-baħar, b'Alfred u b'konvinzjoni jgħid li “Nerġa' nmur inbaħħar, jekk jiġini ċans, l-għada nitlaq”. Emanuel Grech għandu fehma differenti. Jgħidilna li "jien id-dinja dortha. Imma fil-ħajja ta' baħħar titlef ħafna żmien minn ħajtek. Kelli vjaġġi twal bħal mill-Amerka għal Ġappun, vjaġġ li jdum 17-il ġurnata baħar. Inti tmur taħdem biex iġġib il-flus u tibgħat xi ħaġa lejn id-dar. Konna nmorru għall- għall-pagi. Insomma xi naqra konna niddevertu ukoll qalilna bi tbissima".
minn inewsmalta.com
1 Comments:
Bonġu ħabib tieghi.
Għandek bżonn urġenti ta 'self kummerċjali jew Self Personali?
Int kontinwament nieqes minn flus kontanti minħabba li int imċaħħad minn self mill-bank tiegħek jew istituzzjonijiet finanzjarji oħra minħabba kollateral insuffiċjenti, proporzjon ta 'dejn għal dħul, punteġġ baxx ta' kreditu, rata ta 'imgħax għolja jew kwalunkwe raġuni oħra?
Għajjien bis-sitwazzjoni finanzjarja attwali tiegħek? Għandek bżonn spinta mill-finanzi tiegħek? Int għajjien li dejjem tmur fil-bank jew tistenna s-self tiegħek biex tikseb approvat mill-banek tiegħek jew istitut finanzjarju ieħor? Tixraqilhom soluzzjoni aħjar.
Pinnacle Group Financial hawn b'linja ta 'kreditu li tista' tgħinek issegwi l-għanijiet finanzjarji ġenerali tiegħek.
Ma ’Pinnacle Financial Group, tista’ tikseb self għal biss 3 fil-mija tar-rata tal-imgħax.
Tista 'tissellef sa 10 miljun.
Tista 'tikseb self tal-għażla tiegħek fi instant.
Tista 'Agħżel bejn sena sa 30 sena biex tħallas lura.
Ikollok self kullimkien u f'kull ħin fil-kumdità tiegħek stess.
Aħna nwettqu kull tip ta 'servizzi ta' self, aħna veloċi, affidabbli, ta 'min jafdaha u wkoll approvazzjoni faċli f'inqas minn 24 siegħa.
Applika għal self illum; ikkuntattjana permezz ta ’dan l-indirizz elettroniku biex tkun taf aktar dwar l-offerta tas-self tagħna:
Email: pinnaclefinancegroupinc@gmail.com
Sincerament
Marcus & Millichap
CEO, Pinnacle Financial Group.
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home