11-il sena 'wisq' biex tidħol
il-pensjoni minima nazzjonali
Biż-żgħażagħ u għaqdiet tagħhom ikunu assenti għal kollox mit-tnedija għall-istrateġija għal sistema ta' pensjoni adegwata u sostenibbli, diversi pensjonanti u għaqdiet li jirrapreżentawhom waqt li qed isostnu li se jistudjaw bir-reqqa l-proposti, laqgħu b'sodisfazzjoni tlett proposti importanti - dik li ma tiżdiedx il-kontribuzzjoni, dik li ma tiżdiedx l-età u l-introduzzjoni ta' pensjoni minima nazzjonali. Biss, l-istess għaqdiet qed juru tħassib dwar il-fatt li il-pensjoni minima nazzjonali se tiddaħħal fuq perjodu deskritt minnhom bħala 'twil ħafna'. Din se tiddaħħal fuq medda ta' 11-il sena, tibda mis-sena d-dieħla u tidħol għal kulħadd fis-sena 2026.
Filfatt anke, l-President tal-General Workers Union (GWU), Victor Carachi, iddikjara li hemm proposti pożittivi, iżda l-unjin wara li tanalizza bir-reqqa se tkun qed tagħmel proposti dwar il-pensjoni minima nazzjonali u ż-żmien tal-introduzzjoni tagħha.
"Tajjeb li ċċaqlaqna fuq il-pensjonijiet imma 11-il sena biex tidħol kompletament il-pensjoni minima nazzjonali hu żmien twil wisq", qalilna pensjonant li kien preżenti.
Inaċċettabbli li biex kulħadd ikollu
pensjoni minima nazzjonali rridu nistennew sa 2026
- Alleanza kontra l-Faqar
Charles Miceli mill-Alleanza kontra l-Faqar meta mitlub jikkummenta minn L-ORIZZONT qal li hi inaċċettabbli li biex kulħadd ikollu pensjoni minima nazzjonali irridu nistennew sa 2026.
Miceli qal li "kumbinazzjoni r-riforma tħabbret fl-istess jum li ħarġet l-aħbar li hawn 22,221 persuna li għandhom anqas minn 500 ewro pensjoni fix-xahar". Huwa kompla jgħid li mhux ċar kemm inqas u kemm minn dawn il-pensjonanti jgħixu waħidhom u kemm hemm min b’pensjoni waħda jrid jgħajjex tnejn jew aktar min-nies.
Miceli żied jgħid li "huma jilqgħu bil-ferħa kull riforma u l-fatt li l-eta’ statutorja mhux se togħla u lanqas se jogħlew ir-rati tal-kontribuzzjonijiet. Pero' ma nistgħux jifhmu kif biex il-pensjonanti kollha jkollhom pensjoni minima garantita (li twassal sal-linja tal-poverta’) rridu jistennew sas-sena 2026.
Għall-Alleanza dan huwa inaccettabbli. Issa ħalliha li anke din tar-riskju ta’ faqar hija ħrafa. Jew fil-faqar jew m’intix. U l-mekkaniżmu biex tinħadem din il-linja huwa fażul għall-aħħar. U hemm bżonn li l-Gvern ikun jaf sew f’liema livell ta’ għixien qed jgħixu ċ-ċittadini. Barra minn hekk ma rridux ninsew li llum biex tmur f’dar tal-anzjani għandek lista ta' stennija fid-djar tal-gvern u fil-privat trid tħallas madwar 1,000 ewro fix-xahar. Allura kif se ndumu nkarkru sat-2026 biex naslu għal pensjoni minima li se tkun ferm u ferm anqas minn din il-figura?” temm jgħid Charles Miceli.
Il-proposti u kif se jintlaqtu
żgħażagħ, adulti u anzjani
Il-proposti jgħidu li "l-età statutorja tal-irtirar mhux se togħla. Ir-rata tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali mhux se togħla lanqas. Jekk ikollok dritt tapplika għall-pensjoni u tagħżel li tkompli taħdem u ma tirċevix il-pensjoni bejn l-età ta' 61 u 65 sena, se tkun tista' ttejjeb il-livell ta' pensjoni tiegħek sa massimu ta' 12 fil-mija fir-rata tiegħek. Jekk tibqa' ma tirċevix wara l-età ta' 65 sena u tibqa' taħdem, iż-żieda fil-livell ta' pensjoni tkun aktar aċċelerata".
Ir-romol li jkollhom dritt għall-pensjoni tal-irtirar tagħhom u jekk tiqfilhom għax il-pensjoni tar-romol tkun ogħla, jibdew jieħdu l-pensjoni sħiħa tal-konjugi. Il-gvern se jibqa' ukoll jinjora l-€200 addizzjonali kull sena mill-kalkolu tal-pensjoni tas-servizz għal fini tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali",
L-istrateġija tgħid li jekk taħdem 40 segħa jew aktar fi-ġimgħa fuq aktar mnn impjieg part tajm wieħed, se tkun tista' tħallas il-kontribuzzjonijiet fuq 40 siegħa ta' xogħol fil-ġimgħa bħal dawk li jaħdmu full tajm. ll-pensjoni tal-età se tibda tiġi stabblità fi proporzjon tal-paga minima nazzjonali u b'hekk se tiżdied. Għal min għadu ma jirċevix din il-pensjoni, l-età li tkun eleġibbli għaliha se tinbidel b'mod gradwali u tiġi bħall-età statutorja tal-irtirar.
Qed ikun propost li tibda diskussjoni bejn il-gvern u l-imsieħba soċjali biex jitneħħa l-limitu li jeżisti bħalissa li ma tistax tibqa' ttejjeb il-pensjoni billi tkompli taħdem b'mod volontarju u tħallas il-kontribuzzjonijiet wara li tkun għalaqt il-65 sena. Tali diskussjoni għandha tiffoka ukll fuq il-possibilita li persuna ma tibqax aktar trid tirtira bil-fors jekk tilħaq l-età statutorja tal-irtirar tagħha.
Proposti speċifiċi għal min twieled qabel l-1962
Se jiżdiedu l-kontribuzzjonijet akkreditati għal perjodi li qattajt ma tħallasx il-kontribuzzjonjiet minħabba li kont qed tieħu ħsieb uliedek. Għall-ewwel wild se jingħataw tlett snin kontribuzzjonijiet, għat-tieni wild sentejn u għat-tielet wild sena. Dawn il-kontribuzzjonijiet ikunu aktar jekk kellek wild b'diżablità. Din il-miżura tapplika ukoll għal tfal adottati. Mhux se jkun hemm bżonn aktar li l-persuna tkun rritornat taħdem biex tkun intitolata għalihom.
Jekk tkun għaddejt żmien tkompli bl-istudji tiegħek b'mod full tajm, se tingħata kontribuzzjonijiet akkreditati ukoll. Il-kontribuzzjonijiet li tkun ħallast sal-età ta' 18-il sena, li sa issa ma kinux jiġu kkunsidrati fil-kalkoli tal-pensjoni, issa se jiġu trattati bħal kontribuzzjonijiet oħra. Mhux se jkun hemm żieda fl-ammont ta' kontribuzzjonijet li trid tħallas biex tkun intitolat għal pensjoni sħiħa.
Il-proposti jgħidu ukoll li se jibda jkun hemm pensjoni minima nazzjonali garantita. Din se tiddaħħal b'mod li fl-2016 jirċevuha dawk li jkollhom 76 sena jew aktar, imma kull sena l-età li minnha tibda titħallas din il-pensjoni tonqos b'sena sakemm tidħol għal kulħadd mill-età ta' 65 sena 'l fuq. Din il-pensjoni se tkun marbuta mal-livell tar-riskju tal-faqar u se tiżdied b'mekkaniżmu bbażat 50 fil-mija tiegħu fuq żieda fis-salarji u 50 fil-mija fuq żieda fl-inflazzjoni, liema żieda ma tkun qatt anqas miż-żieda għall-ogħli tal-ħajja ta' dik is-sena.
Is-sistema preżenti tar-reviżjoni tal-pensjoni se ssir aktar ġusta billi l-pensjoni tibda tiġi aġġustata kull sena b'mekkaniżmu bbażat 50 fil-mija tiegħu fuq iż-żieda fis-salarji u 50 fil-mija fuq iż-żieda fl-inflazzjoni liema żieda ma tkun qatt anqas miż-żieda għall-ogħli tal-ħajja ta' dik is-sena.
Għal min twieled bejn is-sena 1952 u l-1961, id-dħul pensjonabbli tiegħu se jkun jista' jiġi kkalkulata fuq l-aħħar 15-il sena ta' qabel l-irtirar jekk dan ikun jaqbillek.
Proposti speċifiċi għal min twieled fl-1962 jew wara
Se jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet akkreditati għall-perjodu li qattajt ma tħallasx kontribuzzjonijet minħabba li kont qed tieħu ħsieb lil uliedek. Għall-ewwel wild se jingħataw 5 snin kontribuzzjonijiet, għat-tieni wild 4 snin u għat-tieled wild tlett snin. Dawn il-kontribuzzjonijiet ikunu aktar jekk ikollok wild b'diżabilità. Din il-miżura tapplika ukoll għal tfal adottati. Mhux se jkun hemm bżonn aktar li l-persuna tkun irritornat taħdem biex tkun intitolata għalihom.
Għal dawk imweldin bejn l-1966 u l-1967, il-perjodu minimu biex tikkwalifika għal pensjoni se jiżdied minn mill-inqas 10 snin għal 11-il sena xogħol, mentri għal dawk imwielda mill-1968 'l quddiem il-perjodu se jitla' għal 12-il sena.
Waqt li l-età tal-pensjoni tal-irtirar mhux se togħla, tkun intitolat għal pensjoni sħiħa jekk tkun ħallast ammont ta' kontribuzzjonijiet li jkunu f'bilanċ ġust mal-perjodu li fih inti se tkun mistenni ddum tirċievi l-pensjoni. Inti tkun infurmat b'miżuri bħal dawn mill-anqas 15-il sena qabel ma tkun se tirtira. Jekk inti twelidt mill-1965 'l quddiem, se jkollok bżonn 41 sena kontribuzzjonijiet (bħalissa 40 sena) biex tkun intitolat għal pensjoni sħiħa.
Jekk twelidt wara l-1973, biex tkun tista' tirtira qabel l-età tal-irtirar statutorja se jkollok bżonn li 35 mill-41 sena ta' kontribuzzjonijiet li għandek bżonn iridu jkunu mħallsa. Id-dħul pensjonabbli tiegħek se jibqa' jiġi kkakulat skont ma hu provdut fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali.
Problemi kbar fis-sostenibilità wara
s-sena 2040 jekk ma jsirux bidliet
Mark Musù, iċ-Ċerpersin tal-Grupp dwar l-Istrateġija għall-Pensjonijiet, f'intervent li għamel hekk kif tnediet l-istrateġija għas-sostenibilità tal-pensjonijiet, iddikjara li l-pensjoni f'Malta se tibqa' sostenibbli sas-sena 2040. Huwa qal li jekk ma jsirux bidliet, se jkun hemm problema kbar fis-sostenibilità wara s-sena 2040. Tenna li għadu mhux il-waqt li l-età tal-irtirar togħla għal aktar minn 65 sena u għadu mhux il-waqt li l-kontribuzzjoni togħla aktar minn 10 fil-mija. Dan ma jfissirx li m'hemmx bżonn tibdil. Fortunatament għadna fil-ħin biex nieħdu miżuri fit-tul", sostna Musu.
Aħna imwarrbin u mitfugħin fuq xkaffa'
- Carmel Mallia - Alleanza tal-Pensjonijet
Waqt it-tnedija tal-istrateġija għall-pensjonijiet spikka l-intervent ta' Carmel Mallia mill-Alleanza tal-Pensjonijiet, fejn iddikjara li 'aħna imwarrbin u mitfugħin fuq xkaffa".
Tenna li "hu ta' dispjaċir li aħna li nirrapreżentaw 85,000 pensjonant iżda qatt ma nkunu fid-diskussonijet. Nammetti li nwarrbin u ħalluna mwarrbin ma ġara xejn. Konna għadna u se nibqgħu imwarrbin u mitfugħin fuq l-ixkaffa. Jien ilni imdaħħal sa mis-sena2003 fil-pensjonijiet. Illum ċaqlaqna naqra. Dispjaċuti ħafna li mwarrbin".
Minn L-ORIZZONT
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home