'Gwerra ta' beżżiegħa… ironikament sanzjonata minn persuna ta' oriġini Maltija'
Fl-aħħar jiem, il-post magħruf bħala l-Ġungla ta' Calais, li fiha kien hemm jgħixu bejn 6,000 u 7,000 persuna, ħafna minnhom jistennew li tiġihom opportunita li jaqsmu lejn ir-Renju, kien karatterizzat minn tensjoni sħiħa. Dan hekk kif il-post u l-postijiet ta' kenn li bnew l-immigranti fis-sit bdew jitneħħew bil-forza mill-inġenji. Is-sitwazzjoni kienet karatterizzata minn persuni li telgħu fuq is-soqfa tal-istrutturi li bnew u bdew jiġu mkaxkrin mill-Pulizija, oħrajn inċerti għall-aħħar dwar x'se jagħmlu, u ma naqasx ukoll l-użu ta' gass tad-dmugħ. Fost dawn l-istess migranti hemm uħud li għaddew minn Malta jew li għamlu xi żmien hawn.Ironikament din il-forza fuq dawn il-migranti hi sanzjonata mis-Sindku tal-belt, ta' oriġini Armena, u mill-Viċi Sindku ta' Calais, Emanuel Agius, li hu ta' oriġini Maltija.
Il-kittieb u attivist Antoine Cassar hu wieħed minn dawk li ftit xhur ilu kien mar f'Calais u ra b'għajnejh kif qed jgħixu dawn il-migranti.
Il-kriżi vera hi fil-kuxjenza tal-gvernijiet
Dwar dak li qed jiġri f'Calais, Antoine Cassar f'kummenti li tana jgħid bla tlaqliq li dak li qed iseħħ mhux xejn għajr gwerra minn persuni beżżiegħa kontra persuni vulnerabbli u li m'għandhomx kif jiddefendu ruħhom.
Antoine Cassar jgħidilna li, "Bħalissa t-trakkijiet u vannijiet tal-Compagnie Republicaine de Securitè (CRS) qegħdin jirtiraw min-naħa t'isfel ta' dik li tissejjaħ il-Ġungla ta' Calais. Ħallew marki ta' qerda u nirien minn kull fejn għaddew. Attivisti li tkellmu miegħi tkellmu fuq Pulizija armati jidħku hekk kif bdew ikissru t-tined u l-istrutturi mibnijin minn dawk il-persuni li kienu qed jgħixu hemm".
L-attivist Cassar jgħidilna li, "Il-Pulizija bdew jiġru wara n-nies, keċċew lil dawk li telgħu fuq is-soqfa, kissru l-istrutturi u anke għamlu awrina fuq oġġetti tal-istess persuni li kienu jgħixu hemm. Dawn anke sawtu mara tqila li rrifjutat li titlaq mill-istruttura li bniet. It-tkissir tal-Ġungla ta' Calais ironikament qed ikun sanzjonat minn Sindku u mill-Viċi Sindku Emanuel Agius li hu ta' oriġini Maltija.
"Dak li qed isir mhu xejn għajr gwerra ta' nies beżżiegħa fuq persuni li ma jistgħux jiddefendu ruħhom. Dawn huma nies li m'għandhomx x'jitilfu ħlief it-tama u d-dinjità. Din mhix kriżi migratorja temporanja. Lanqas hi problema li tkun trattata bil-gass tad-dmugħ. Il-kriżi vera hi fil-kuxjenza tal-gvernijiet lokali, nazzjonali u fil-livell Ewropew".
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home