'Malta tibqa' tirrifjuta li tagħti informazzjoni' - rapport annwali ta' Amnesty International
L-għarqiet ta' immigranti f'Ottubru tas-sena 2013 b'mod partikolari dik fejn kienu għerqu madwar 200 immigrant Sirjan u l-mistoqsijiet li qamu wara dwar allegazzjonijiet ta' dewmien fis-salvataġġ mit-Taljani u mill-Maltin, ġew trattati fir-rapport annwali li għadu kif inħareġ minn Amnesty International. Din l-organizazzjoni fir-rapport tagħha dwar Malta għamlitha ċara li sa l-aħħar tas-sena li għaddiet, Malta kienet għadha qed tirrifjuta li tagħti informazzjoni dwar l-operazzjoni ta' salvataġġ għal dgħajsa li kienet qed iġġorr 400 immigrant. Amnesty International sostniet li testimonjanzi minn dawk li salvaw u evidenza oħra urew nuqqasijiet mit-Taljani u mill-Maltin u li dawn wasslu biex is-salvataġġ ittardja. Ir-rapport annwali jitratta s-sitwazzjoni tad-drittijiet umani f'160 pajjiż madwar id-dinja. Dwar Malta ir-rapport jgħid li "kien hemm tnaqqis ta' refuġjati u immigranti li jidħlu Malta bid-dgħajjes. L-awtoritajiet matul is-sena 2015 komplew ipoġġu lil dawn in-nies f'detenzjoni, imma ġie introdott proċess ta' reviżjoni biex janalizza r-raġunijiet tad-detenzjoni għal kull każ. Kienet approvata leġislazzjoni ġdida għal drittijiet għall-persuni transgender u intersex. L-abort baqa' projbit f'kull ċirkostanza".L-istess rapport jiddikjara li "Malta ipparteċipat taħt l-operazzjoni Triton f'dawk li huma salvataġġi ta' immigranti. Mill-banda l-oħra l-awtoritajiet Maltin qed jużaw interpretazzjoni restrittiva ta' l-obbligazzjoni ta' tiftix u salvataġġ fuq il-baħar. Sa l-aħħar tas-sena 2015 kienu daħlu Malta 104 immigrant bil-baħar, u din tfisser tnaqqis fuq is-snin ta' qabel. L-immigranti salvati iddaħħlu l-Italja".
Amnesty International tkompli tgħid li "f'Jannar, dgħajsa li fuqha kien hemm 122 persuna minn pajjiżi tas-Sub Sahara għamlet tmint ijiem tbaħħar f'nofs il-Mediterran. Meta din waslet fl-ibħra territorjali Maltin, kien hemm xejn inqas minn 35 persuna li kienu mietu jew sparixxew fil-baħar. L-awtoritajiet Maltin kienu salvaw 87 persuna u dawn kienu tpoġġew fi kwarantina minħabba biża' li setgħu kienu qed iġorru xi mard. Dawn l-immigranti baqgħu jinżammu f'dan il-post anki wara li għadda ż-żmien tal-kwarantina".
Enfasizzaw li "l-awtoritajiet Maltin komplew b'mod awtomatiku ipoġġu f'detenzjoni immigranti li jiġu bil-baħar u dan bi ksur tal-obbligazzjonijiet tal-liġijiet internazzjonali. Mill-banda l-oħra sar proċess ta' revizjoni tad-detenzjoni għal kull individwu. Dan wassal biex l-immigranti ma damux aktar minn tlett xhur fid-detenzjoni. F'Diċembru l-Gvern adotta politika ġdida li hi mmirata għat-tneħħija awtomatika tad-detenzjoni. Dan sar biex Malta saret konformi mal-leġislazzjoni Ewropea u ma' sentenzi li ngħataw mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem".
Ir-rapport tenna li "sa l-aħħar ta' Novembru, Malta kienet irċeviet 1,561 applikazzjoni b'talba għall-ażil. Il-maġġoranza tal-talbiet saru minn individwi li jew kienu kapaċi jivvjaġġaw lejn Malta b'mod regolari jew li kienu qed jgħixu diġa fil-pajjiż. Ħafna minn dawn kienu persuni Libjani".
minn inewsmalta.com
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home