Tuesday, March 1, 2016

Nixfa f'ħafna pajjiżi Ewropej...allegat tbagħbis fit-temp

Min jgħidlek qisu s-sajf. Oħrajn jgħidulek 'issa fis-sajf x'se nistennew?'.  Min għandu bżonn l-ilma bħall-bdiewa, dan it-temp sabiħ għalkemm fih it-tajjeb tiegħu, qed joħloq problemi minħabba nuqqas ta' ilma. Hemm min jiddiskuti jekk din is-sitwazzjoni hix normali. Huma diversi dawk li jħossu li din mhix sitwazzjoni normali. Hemm bdiewa li jargumentaw li sena bħal din 'xotta' isseħħ minn żmien għal żmien. Imma n-nuqqas ta' xita mhux f'Malta biss u dan għax anki f'pajjiżi fin-naħa ta' fuq tal-Ewropa qed jinħass nuqqas ta' xita. Hemm min qed jargumenta li t-tbagħbis mat-temp b'allegazzjonijiet ta' tfiegħ ta' kimiċi fl-arja, qed jikkawża dan il-fenomenu. Hemm min jargumenta li ammont ta' sinjali ta' sħab fl-arju mill-ajruplani, huma kimiċi li ntefgħu fl-arja.  Fl-aħħar jiem ġurnali Ċiprijotti qalu li l-Gvern Ċiprijott qed jallega tbagħbis mat-temp mill-qawwa militari Ingliża.  Dwar dak allegat f'Ċipru, inewsmalta.com tkellem mas-Segretarjat Parlamentari għall-Agrikoltura, fejn dan iddeskriva l-mistoqsijiet dwar bagħbis fit-temp bħala 'ipotetiċi'.
Is-Segretarjat, b'rabta ma' dak li ġie rappurtat dwar il-Gvern Ċiprijott, qalilna li "l-problema ta' nixfa qed tiġi esperjenzata minn ħafna pajjiżi inkluż dawk li qegħdin fin-naħa ta' fuq tal-Ewropa. Għaldaqstant mhix kwistjoni li tikkonċerna l-Mediterran biss. Is-Segretarjat mhux f'pożizzjoni li jirrispondi mistoqsijiet ipotetiċi."
L-istess Segretarjat  qalilna li "nibqgħu kommessi li nsemmgħu l-leħen tal-bdiewa fl-ogħla istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea - kif għamel is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes fl-aħħar Kunsill Ewropew għall-Agrikoltura. Dan biex il-bdiewa Maltin jirċievu għajnuniet biex itaffu d-diffikultajiet finanzjarji li kellhom jaffaċċjaw minħabba dan in-nuqqas ta' xita."
Mario Salerno mill-Moviment Organiku f'Malta (MOAM), qal li dwar dak allegat miċ-Ċiprijotti, "jien kieku ninvestiga u nitlob sodisfazzjon jekk xi qawwa militari tbagħbas mat-temp biex ma jkollnix xita . Investigazzjoni tagħlaq jew tiftaħ il-ħluq . Iċ-Ċiprijotti mhux ċwieċ. Imma investigazzjoni biss tiverifika fatti veritieri."
Rapporti minn Ċipru kienu jgħidu li l-Gvern Ċiprijott kien qed jakkuża lill-militar Ingliż li qed jagħmel dak li jissejjaħ 'cloud seeding', teknika li permezz tagħha ma tagħmilx xita. Ġie rappurtat li l-Ministru tal-Agrikoltura Ċiprijott, Nicos Kouyialis, ordna inkjesta dwar dan. Ġie rappurtat ukoll li dan il-Ministru qal lill-Kumitat Parlamentari Ċiprijott li azzjonijiet simili jistgħu jbiddlu l-klima fir-reġjun u anke l-atmosfera tad-dinja.  L-allegazzjonijiet ta' 'cloud seeding' intrabtu mal-fatt li hemm bżonn li jkun hemm sema' ċara biex ajruplani militari jkunu jistgħu jtiru fuq is-Sirja u l-Iraq.  Dwar dan il-Ministeru tad-Difiża fir-Renju Unit ċaħad u qal li ma jafx li hemm xi inkjesta għaddejja.
Intant f'Malta minn żmien għal żmien ikun hemm għadd ta' sinjali ta' sħab fl-arju magħmula minn ajruplani li jqajmu diskussjonijiet peress li jkun hemm sinjali ferm aktar minn ġranet oħra. 
Ta' min jgħid li dak is-sħab li jħallu warajhom l-ajruplani għandu tifsira Dik il-linja ta' sħab li jħallu warajhom hija riżultat tad-differenza fit-temperatura meta l-gassijiet mill-magni tal-ajruplani joħorġu fl-atmosfera kiesħa u jifforma linja li jidher qisu sħab. Dan huwa magħmul minn ilma u mhuwiex ta' detriment għat-tniggiż tal-arja.
Ritratt: Ian Noel Pace

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home