Mindu dħalna fl-UE 22,000 persuna spiċċaw f'riskju ta' faqar - Edward Scicluna
Il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna, waqt il-għalaq id-dibattitu dwar l-abbozz ta' liġi li jimplimenta l-miżuri tal-estimi, enfasizza li l-Oppożizzjoni qed titkellem qisu issa skoprew li hawn il-faqar f'Malta. Spjega li mindu Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea dawk f'riskju ta' faqar żdiedu b'xejn inqas minn 22,000 persuna. Scicluna saħaq li "l-Oppożizzjoni ma tistax tniżżel minn griżmejha li d-deficit u d-dejn neżlin. Tenna li "d-dejn sibnieh 'l fuq minn 70 fil-mija u nittamaw li dan jinżel għal 67 fil-mija jew ftit inqas matul is-sena li għaddiet. Id-dejn qed innaqqsuh."Il-Ministru Scicluna qal li "l-Oppożizzjoni qed jgħidu li s-sostennibilità tal-impjiegi hi mhedda minn impjiegi mal-Gvern. Kieku hu hekk, Il-Kummissjoni Ewropea mill-ewwel iddaħħalna fi proċedura ta' deficit eċċessiv li daħal fiha l-Gvern l-iehor. Jekk naraw l-aħħar statistika dwar l-impjiegi, naraw li r-rata ta' nies fis-settur pubbliku minn 26.6 fil-mija fis-sena 2012, din waqgħet għal 25.8 fil-mija s-sena li għaddiet.
"Bużżieqa oħra hi dik li qed jgħidu li qed inżidu l-piż tat-taxxa. It-taxxa tad-dħul naqqasniha u anke il-VAT baqgħet fejn hi." Huwa tkellem ukoll dwar il-faqar u qal "li mindu dħallna fl-Unjoni Ewropea dawk f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali żdiedu. Fis-sena 2005 żdiedu b'1,000 persuna, fis-sena 2006 żdiedu b'2,000 persuna, u fis-sena 2007 żdiedu b'1,000 persuna. Fis-sena 2008 dawk f'riskju ta' faqar żdiedu b'4,000 persuna u fl-2009 b'4,000 persuna oħra. Kien hemm imbagħad żieda ta' 4,000 persuna oħra fis-sena 2011. Fis-sena 2012 telgħu b'5,000 persuna. Għandek 'l fuq minn 22,000 persuna li daħlu fir-riskju ta' faqar mindu dħalna fl-Unjoni Ewropea. Issa l-Oppożizzjoni donnhom skoprew li hu minnu li hawn min hu f'riskju ta' faqar" tenna Scicluna.
Kompla jgħid li "f'disa' xhur ta' Gvern Laburista skont l-istatistika n-numru ta' nies f'riskju ta' faqar baqa' dak li kien. L-effett tal-miżuri tas-sena 2014, 2015 u tal-baġit 2016 għad irid jidher l-effett tagħhom fejn jirrigwarda l-istatisika dwar dawk f'riskju ta' faqar."
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home