Il-kobba mħabbla tal-Wind Jet… is-sid arrestat fi Sqallija
Il-kwistjoni marbuta mal-falliment tal-kumpanija Wind Jet, li dakinhar li falliet kellha wieħed mill-ajruplani arrestat f'Malta, kellha żvolta oħra fl-aħħar jiem u dan hekk kif is-sid ta' din il-kumpanija tal-ajru falluta ġie arrestat fi Sqallija u nbdew proċeduri kontrih.
Sorsi qrib is-settur tal-avjazzjoni, qalulna li sa issa m'hemm ebda indikazzjonijiet ta' x'se jiġri mill-ajruplan bla magni li kien tal-kumpanija Wind Jet li jinsab ipparkjat fl-ajruport internazzjonali ta' Malta. L-ajruplan (ritratt) kien ġie arrestat f'pajjiżna u nżamm hawn wara li l-ajruport ta' Katanja kien għamel mandat għall-ħlas ta' €1.3 miljun f'tariffi ta' nżul u ħlasijiet oħra dovuti lill-istess ajruport
Bl-ajruplan jidher li hu destinat li fl-immedjat jibqa' fl-ajruport, tant li fl-aħħar jiem tpoġġew blokki tal-konkrit mal-ajruplan, sorsi qrib is-settur tal-avjazzjoni qed jargumentaw li l-kwistjoni marbuta ma' dan l-ajruplan twalet wisq u dan qed jispiċċa jieħu spazju għalxejn fl-ajruport. "Għandek ajruplan bla magni, li qed jieħu spażju prezzjuż f'post li fih jiġu pparkjati l-ajruplani. Naħsbu li wasal iż-żmien li jiġi deċiż x'se jiġri minn dan l-ajruplan", qalilna wieħed mis-sorsi.
Huwa spjegalna li fil-bidu li kien inħareġ l-arrest tal-ajruplan, minħabba l-ħlasijiet lill-ajruport ta' Katanja, inqalgħet kwisjtoni legali. Dan il-każ spiċċa b'battalja fil-Qrati dwar jekk għandhiex tiġi applikata l-liġi Ewropea jew inkella il-Cape Town Convention u l-Aircraft Protocol tagħha.
Fl-aħħar jiem, is-sid ta' dik li kienet il-kumpanija tal-avjazzjoni Wind Jet, Antonio Pulvirenti ġie arrestat fi Sqallija. Hu kien akkużat bi frodi marbutin mal-falliment tal-kumpanija fis-sena 2012. Pulvirenti, hu negozjant u hu l-President tat-tim tal-futbol ta' Katanja.
Kien f'Awwissu tas-sena 2012 meta l-kumpanija tal-ajru Wind Jet kienet issospendiet it-titjiriet tagħha u ħalliet mijiet ta' passiġġieri maqbudin f'diversi ajruporti. Kien hemm ukoll xejn inqas minn 300,000 passiġġier madwar l-Italja kollha li kienu xtraw biljetti biex jużaw is-servizzi ta' Wind Jet.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home