Thursday, February 18, 2016

Inqabad grupp organizzat biex joħloq tfixkil fit-trasport pubbliku

F'aġġornament b'battibekki jaħarqu bejn id-Deputata Nazzjonalista Marthese Portelli u l-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi, l-istess Ministru llejla allega li wara li tqabbdu nies pajżana li segwew it-trasport pubbliku, instab li kien hemm nies organizzati biex ikun hemm tfixil. Qal li ttieħdu passi, iżda mhux magħruf sa issa min kien hemm wara dawn il-gruppi ta' nies. Il-Ministru Mizzi poġġa wkoll il-kuntratt ma' Autobuses de Leon fil-Parlament. Filwaqt li stqarr li t-trasport pubbliku għadu ma laħaqx il-livell mixtieq, il-kelliem enna li, "Hu minnu li għedt li kont se npoġġi l-kuntratt fuq il-mejda tal-Parlament. Inbidlu ċ-ċirkostanzi u ż-żmien tani raġun. M'għandi ebda ħabi u fassalna kuntratt realistiku li jagħti ċans lill-operatur jaħdem u l-awtorità żżomm il-kontroll. Kuntratt li kien jinkludi obbligu li ssir kampanja biex tħeġġeġ il-pubbliku juża Tal-Linja Card. Hemm nollijiet inqas għal min juża l-kcrd."
Spjega li bil-mod il-mod il-patrunaġġ tat-trasport pubbliku qed jerġa' jiżdied. Qal li ġew introdotti 24 rotta ġdida u 43 rotta ġew modifikati. Sas-sajf li ġej, il-kumpanija se timporta 33 karozza oħra u s-sena li għaddiet ġarret xejn inqas minn 40 miljun passiġġier.
Kompla jgħid li, "Kien hemm ilmenti u kien hemm tmienja li kienu ewlenin u dawn kienu dwar rotot lejn l-università u lejn l-isptar Mater Dei. Fis-6 ta' Marzu se jibdew jiġu rranġati r-rotot li fuqhom kien hemm l-ilmenti."
Il-Ministru Mizzi attakka lill-Oppożizzjoni u qal li dawn kien moħħhom biex jattakkaw is-servizz. Hu qal li lest juri lill-Oppożizzjoni dokument kunfidenzjali li juri li dawn riedu €45 miljun f'sussidju biex joperaw ir-rotot preżenti. Hu ddeskriva l-kritika tal-Oppożizzjoni bħala 'kritika distruttiva'.
Il-Ministru allega li individwu li ma ħax tender ghax l-offerta tiegħu ma kinitx l-irħas, immolla u mar tkellem mad-Deputata Nazzjonalista Marthese Portelli.
Hu qal li, "L-Oppożizzjoni ħsara biss trid tagħmel lill-pajjiż u fejn jidħol it-trasport pubbliku għamlet biss gambetti." Żied jgħid li mirakli mhux se nagħmel u se nibqa' naħdem biex fl-aħħar mill-aħħar it-trasport pubbliku jasal fejn għandu jasal.”
Iddikjara li, "Skoprejna li qed ikun hemm abbużi minn ċerti nies u li ma nafux hu min hemm warajhom. Immur jien nara, u nsib karozza li suppost tagħmel vjaġġ imma din tkun qiegħda 'not in service'. Hemm xi ħadd li qed jorganizza ċerti nies biex jagħmluha din is-sistema. Għamilna nies pajżana u qbadniehom. Ma nafux min hemm warajhom. Dan hu persuna li jixtieq deni l-pajjiż. Għandi suspetti, imma min hu jinħeba qiegħed. Iva, irrappurtaw dak li qed taraw u dak li qed jiġri. Il-problema hi min qed jorganizzahom lil dawn it-tip ta' nies."
 

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home