Rilokazzjoni ta' refuġjati "b'pass kajman ħafna"
Malta ma rrilokat ebda refuġjat
Suppost Malta kellha tirriloka xejn inqas minn 131 refuġjat li kienu qegħdin il-Greċja jew l-Italja. Sa issa iżda Malta għadha ma ħadet ebda persuna. Dan il-fatt jispikka ukoll f'għadd ta' pajjiżi oħra Ewropej fejn minkejja li kienu ntrabtu li jieħdu għadd ta' refuġjati baqgħu ma ħadux l-ammont li kienu ntrabtu bih. Filfatt sa issa ġew rilokati biss ftit inqas minn 500 refuġjat, b'218 persuna ġew rilokati mill-Greċja u 279 immigrant mill-Italja.
L-ORIZZONT lbieraħ għamel kuntatt mal-Ministeru tal-Intern, fejn staqsejnihom diversi domani dwar dan. Sakemm morna għall-istampa konna għadna bla tweġiba.
Filfatt apparti Malta hemm għadd ta' pajjiżi li ma rrilokaw ebda refuġjati mill-Greċja u l-Italja u dawn huma l-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika Ċeka, l-Awstrija, il-Bulgarija, l-Ungerija is-Slovakkja, il-Kroazja, is-Slovenja, il-Latvja, l-Estonja u Ċipru.
Il-pajjiżi Ewropej li rrilokaw refuġjati huma l-Ġermanja li ħadet 21 persuna, Franza bi 62 rilokazzjoni, Spanja bi 18-il persuna, l-Olanda b'50 persuna, il-Belġju u l-Isvezja b'14 u 39 rispettivament. Imbagħad hemm il-Portugal li rrilokaw 26 persuna, il-Litwanja b'4 persuni, l-Ilrnada b'10 persuni u l-Lussemburgu rrilokaw 30 persuna.
B'mod reali, sa minn Jannar tas-sena 2015 fil-Greċja u fl-Italja daħlu 1,068,000 immigrant. Kien hemm qbil li 98,000 minnhom ikunu rilokati iżda kienu biss ftit inqas minn 500 li kienu rilokati.
Ilbieraħ hekk kif il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat statistika dwar dawn ir-rilokazzjoni u ma naqsitx li tgħid li r-rilokazzjoni miexja bil-mod, iċ-Ċermen tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili tal-Parlament Ewropew Claude Moraes wissa fuq xenarju li għadd ta' refuġjati jistgħu jispiċċaw maqbudin fil-Greċja u l-Italja. "Is-solidarjetà hi essenzjali. L-Istati membri għandhom jagħmlu l-parti tagħhom biex titnaqqas il-pressjoni fuq il-Greċja", sostna Claude Moraes. Hu qal ukoll li "hu importanti li waqt li l-Greċja tkun inkluża fil-proċess ta' Dublin, dan ma jispiċċax jintuża bħala 'push back' mill-Istati membri għax dan iwassal biex il-Greċja tinqata' mill-kumplament tal-Ewropa u jwassal biex eluf ta' refuġjati jinqabdu hemm. Dan ikompli jżid il-pressjoni fuq dan il-pajjiż."
Intant il-Kummissjoni ppreżentat rapport dwar il-progress li sar fuq il-miżuri biex tiġi indirizzata l-kriżi tar-refuġjati u tal-migrazzjoni fl-Italja, fil-Greċja u tul ir-Rotta tal-Balkani tal-Punent. Dwar il-progress miksub fil-Greċja u fl-Italja intqal li timijiet iddedikati mill-Kummissjoni ilhom jaħdmu fuq il-post mal-awtoritajiet Griegi u Taljani għal bosta xhur biex jiġu stabbiliti l-hotspots u jissaħħu u jitħaffu b'mod sinifikanti l-proċeduri għall-iskrinjar, l-identifikazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba' tal-migranti biex tiġi ffaċilitata r-rilokazzjoni. Dawn it-timijiet ta' appoġġ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni joperaw fil-faċilitajiet dedikati, u jaħdmu 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.
Il-Greċja
Il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-varar tal-ħames hotspots identifikati fil-gżejjer tal-Eġew (Lesvos, Chios, Samos, Leros u Kos) kien għaddej bil-mod, inparti minħabba l-ħtieġa li dawn jiġu stabbiliti mix-xejn u minħabba n-nuqqasijiet fl-infrastruttura, fil-persunal u fil-koordinazzjoni. Bħalissa hemm hotspot wieħed biss li huwa kompletament operattiv (f'Lesvos). Bħalissa għaddej ix-xogħol f'faċilitajiet oħrajn. Il-Gvern Grieg talab l-għajnuna tal-armata Griega biex tintlaħaq id-data mmirata ta' nofs Frar. Sadanittant, l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni diġà qed isiru fejn huwa possibbli fi strutturi temporanji. L-awtoritajiet Griegi qed itejbu t-tħaddim tal-hotspots u ffinalizzaw Proċeduri ta' Operat Standard u proċeduri ġodda ta' żbark, li jorbtu flimkien il-faċilitajiet tal-hotspot direttament mal-persuni li jiżbarkaw fuq il-gżejjer. Il-Frontex bdiet kontrolli mal-kosta f'Lesvos, Chios u Samos li qed iħallu l-frott.
Il-proporzjon tal-migranti li tteħdulhom il-marki tas-swaba' żdied b'mod sostanzjali minn 8% f'Settembru 2015 għal 78 % f' Jannar 2016. Ladarba jkunu kompletament operattivi u mgħammra, il-hotspots fil-Greċja għandhom jilħqu kapaċità totali tat-teħid tal-marki tas-swaba' ta' madwar 11,000 persuna kull jum li huwa ħafna aktar mill-medja tan-numru ta' wasliet għal Jannar. Il-Frontex qed tuża esperti ta' Dokument ta' Livell Avvanzat fil-gżejjer biex jidentifikaw dokumenti foloz.
Ir-rilokazzjoni ta' 66,400 persuna mill-Greċja li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, kif maqbul mill-Istati Membri, bdiet bil-mod ħafna b'218 rilokazzjoni biss sa issa. 15-il Stat Membru biss offra postijiet lill-Greċja għar-rilokazzjoni, biex b'hekk jipprovdu għal 1081 post, waqt li 16-il Stat Membru ħatru Uffiċjali ta' Kollegament biex jappoġġaw il-proċess fil-konkret. L-awtoritajiet Griegi qed itejbu l-kapaċità tagħhom ta' reġistrazzjoni u fetħu uffiċju ieħor f'Samos fejn issa hemm l-infrastruttura għall-akkomodazzjoni u għat-trasferimenti, bl-appoġġ tal-IOM u tal-UNHCR. F'Diċembru 2015, il-Kummissjoni approvat programm ta' €80 miljun bħala sostenn għall-kapaċità ta' akkoljenza fil-Greċja, inkluż netwerk ta' 20,000 post għal persuni li jfittxu asil immexxi mill-UNHCR, kif ukoll għas-sostenn tal-istabbiliment ta' 7,000 post fiż-żoni tal-hotspots. Taħt din l-iskema, issa hemm 16,400 post disponibbli. Flimkien mas-7,181 post li bħalissa huma disponibbli f'faċilitajiet temporanji u ta' perjodu itwal fil-gżejjer tal-Lvant tal-Eġew, il-Greċja għandha 10,447 post fil-Greċja kontinentali. Għalhekk, in-numru totali tal-postijiet ta' akkoljenza eżistenti fil-Greċja bħalissa huwa 17,628. Madankollu, għad hemm diskrepanza ta' 12 342 post meta mqabbel mal-50,000 post li l-Greċja kienet impenjat ruħha li jkollha f'Ottubru 2015.
Mill-bidu tal-2015, il-Greċja wettqet 16,131 ritorn furzat u 3,460 ritorn volontarju assistit ta' migranti ekonomiċi li ma kellhom l-ebda dritt għall-asil fl-Ewropa. Dan xorta jibqa' mhux biżżejjed fil-kuntest ta' aktar minn 800,000 li waslu fl-2015.
L-Italja
Dwar l-Italja, l-Kummissjoni Ewropea qalet li l-varar ta' sitt żoni ta' hotspots identifikati mill-awtoritajiet Taljani (f'Lampedusa, Pozzallo, Porto Empedocle/Villa Sikania, Trapani, Augusta u Taranto) kien għaddej bil-mod, inparti minħabba l-ħtieġa li dawn jiġu stabbiliti mix-xejn u minħabba n-nuqqasijiet fl-infrastruttura, fil-persunal u fil-koordinazzjoni Żewġ hotspots huma kompletament operattivi (f'Lampedusa u Pozzallo), u ieħor (fi Trapani) se jkun kompletament operattiv meta jitlestew l-aħħar xogħlijiet ta' tiswija. F'Taranto hemm xogħlijiet li qed jitlestew b'mod urġenti. Il-pjanijiet għall-hotspots f'Augusta u Porto Empedocle/Villa Sikania għadhom iridu jiġu finalizzati; deċiżjoni dwarhom hija essenzjali fid-dawl li x'aktarx se jkun hemm żieda fil-flussi migratorji matul il-perjodu tas-sajf. Iż-żewġ hotspots li huma kompletament operattivi (f'Lampedusa u Pozzallo) laħqu r-rata ta' 100% ta' teħid tal-marki tas-swaba' għall-iżbarki l-aktar reċenti. Il-proporzjon ta' migranti li tteħdulhom il-marki tas-swaba' żdied b'mod sinifikanti minn 36% f'Settembru 2015 għal 87% f'Jannar 2016. Ladarba jkunu kompletament operattivi u mgħammra, il-hotspots fl-Italja huma mistennija li jkollhom kapaċità tat-teħid tal-marki tas-swaba' ta' 2,160 migrant kull jum li huwa ħafna aktar mill-medja tan-numru ta' wasliet għal Jannar.
Minkejja l-fatt li r-rilokazzjoni mill-Italja bdiet ftit ġimgħat qabel tal-Greċja, xorta għadha ħafna l-bogħod mir-rata meħtieġa biex jinkiseb l-għan aħħari li 39,600 persuna li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali jiġu rilokati f'sentejn. B'kollox, sal-lum ġew rilokati 279 applikant, b'200 talba pendenti ta' rilokazzjoni li ntbagħtu lil Stati Membri oħrajn. Sal-lum 15-il Stat Membru biss offrew postijiet għar-rilokazzjoni b'wegħdiet li jirċievu 966 persuna, waqt li 20-il Stat Membru ħatru Uffiċjali ta' Kollegament biex jappoġġaw il-proċess fil-konkret. Ir-rata baxxa ta' implimentazzjoni hija dovuta l-aktar minħabba l-wasla limitata ta' migranti eliġibbli fit-territorju Taljan.
Fl-2015 l-Italja wettqet aktar minn 14,000 ritorn furzat ta' persuni bl-ebda dritt għall-asil, u pparteċipat fi 11-il titjira konġunta ta' ritorn tal-Frontex b'persuni li jfittxu l-asil rifjutati minn Stati Membri oħra. Dan xorta jibqa' mhux biżżejjed fil-kuntest ta' aktar minn 160,000 wasla fl-2015.
Is-sistema ta' akkoljenza Taljana diġà hija ġeneralment adegwata għall-ħtiġijiet tas-sistema tagħha ta' asil u l-faċilitajiet dedikati diġà ġew identifikati għall-persuni li għandhom jiġu rilokati. Min-naħa l-oħra huwa evidenti li hemm nuqqasijiet kbar fit-termini tal-akkomodazzjoni ta' qabel it-tneħħija b'420 post biss disponibbli kontra l-1,252 li hemm fil-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni Ewropea.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home