Tuesday, February 16, 2016


Palumbo kien qal li ingannawh għax ma kienx jaf li ma jistax isir grit blasting

L-eks Sindku Laburista ta' Bormla, Joe Scerri, tefa' dawl ġdid fuq il-kwistjoni marbuta ma' Palumbo u dan hekk kif stqarr  li f'laqgħat li kellu mat-tarzna ta' Palumbo dwar il-blasting, dawn kienu stqarrew li ħassewhom ingannati għax qatt ma kienu infurmati li blasting ma setax isir minħabba lmenti mir-residenti. Mhux magħruf jekk fid-diskussjonijiet li finalment wasslu biex it-tarzna ingħatat lil Palumbo kinux issemmew l-ilmenti li jista' jkun hemm mill-ħsejjes. Nhar il-Ħadd li għadda, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar l-ilmenti mit-tarzna u l-kwistjoni mar-residenti u qal li "waqt li l-investitur għandu l-libertà li jaġixxi kif irid, mhux se naċċettaw li ċ-ċittadini jiġu rikattati". Hu ddikjara ukoll li l-Gvern lest jagħmilha ta' medjatur.
L-eks Sindku ta' Bormla, Joe Scerri,jikkummenta fuq il-kwistjoni u qal li, "Il-kwistjoni bejn Palumbo u residenti tal-Kottonera mhux illum bdiet. Snin ilu meta kont Sindku ta' Bormla, il-kunsill kien waqqfu meta beda jsir il-blasting matul il-lejl. Meta ltqajt miegħu kien qalli li kien ġie ngannat għax imkien ma kien hemm li blasting ma jistax isir. Kienu saru laqgħat li kont attendejt għalihom jien u saru regolamenti li "meta isir il-blasting ir riħ ma jkunx fid-direzzjoni tal-Kottonera.
"Blasting matul il-lejl ma setax isir. Meta jsir il-blasting irid ikun hemm xowers ta' l-ilma biex l-għabra tat-trab taqa' ma' l-ilma. Il-blasting irid isirr b'ċertu qisien ta' nozzles. Il-blasting isir biss fil-baċir numru 6." Ma kienux faċli biex dawn saru għax kellna żmien diffiċli minħabba li waqqafna li jsir il-blasting f'Bormla u dan beda jsir Sqallija u konna rċevejna li l-ispejjeż li żdidulu għad inħallsu għalihom aħna. Dan ma sar qatt. Dik hi id-differenza illum. Il-Prim Ministru jiddefendi lill-poplu tal-Kottonera u taħt Gvern Nazzjonalista trid taqdef għal rasek bħalma kont jien".
Ta' min jgħid li mill-proċeduri li għaddejjin fil-Qorti kien irriżulta minn xhieda tal-Professur tal-Inġinerija Joseph Anthony Agius li l-qawwa tal-ħsejjes fil-Ponta tal-Isla kienet tlaħħaq id-59.9 decibel. Dan apparti li fit-toroq tal-Isla kien hemm livell ta' ħoss li jlaħħaq il-50 decibel. Il-Professur Agius, qal li skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) il-livell aċċettabbli ta' ħsejjes huwa ta' 30 decibel.
F'dan il-każ, il-Pulizija ħadet passi kontra tliet persuni li huma d-Direttur tal-kumpanija Palumbo Joseph Calleja ta' 43 sena, ir-rappreżentant legali Francesco Domenico Impollino ta' 40 sena minn Messina u l-Kaptan tal-Lanċa Hamal Saverio Vellucci ta' 58 sena minn Messina wkoll.  Fix-xhieda tiegħu, il-Professur Agius, kien  spjega li kif kien inkarigat mill-Qorti, huwa mar l-Isla bejn il-11.30 p.m u t-2.45 a.m.
Akkumpanjat mill-Ispettur Josric Mifsud huwa żar id-djar tal-erba r-residenti li f'dawn il-proċeduri taw ix-xhieda tagħhom, apparti f'diversi partijiet oħrajn tal-Isla, fosthom fil-Ponta tal-Isla u fuq is-swar. Il-Professur Agius niżel id-dockyard, fejn mar fuq il-tug boat li għandha l-isem Hamal u fuq il-vapur kbir li jismu Grande Argentina, li jinsab ankrat f'baċir numru sitta. Il-Professur Agius qal li kemm il-Hamal kif ukoll il-Grande Argentina kienu qed jiġġeneraw il-ħsejjes. Żied jgħid li madwar it-tarzna, il-ħoss beda jvarja bejn 52 decibel għal 61 decibel.
Il-Professur Agius kien qal li,“Nistgħu ngħidu li mal-Isla kollha kien qed idur dan il-ħoss. Barra l-erba djar li żorna il-ħoss kien ivarja bejn 48.4 decibel u 53 decibel. Il-ħoss fil-Ponta tal-Isla kien ta' 59.9 decibel”.
'Għandu jkun hemm bilanċ' - Silvio Parnis
Id-deputat Laburista u Chairman tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta, Silvio Parnis, saħaq li għandu jkunu hemm bilanċ bejn attivitajiet industrijali li joħolqu l-impjiegi u jiġġeneraw attività ekonomika u r-rispett sħiħ lejn saħħet u lejn d-dinjità tar-residenti. Silvio Parnis qal dan b’reazzjoni għall-kwistjoni li żviluppat fl-aħħar ġimgħat bejn Palumbo u r-residenti tal-Kottonera.
“Huwa fl-interess ta’ kull kumpanija li jkollha relazzjoni tajba mar-residenti. Ir-rispett lejn id-dinjità  tar-residenti huwa aspett kruċjali biex tinbed din ir-relazzjoni tajba, liema aspett s’issa ftit li xejn kien manifestat mill-kumpanija Palumbo” saħaq id-deputat Laburista.
 Silvio Parnis tenna l-appell, li għamel fl-aħħar sigħat il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat, biex Palumbo jiftħu paġna ġdida fir-relazzjonijiet maċ-ċittadini u ma dan il-Gvern.
“Dan il-Gvern sa mill-bidu ħa sensiela ta’ deċizjonijiet biex jirrimedja għal inkonvenjent u l-piż sproporzjonat li kienu ilhom is-snin iġorru r-residenti fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta, fosthom bl-għeluq tal-Power Station tal-Marsa. Għaldaqstant mhux se jittollera lil ebda kumpanija li toħloq sitwazzjoni fejn ir-residenti fin-nofsinhar ta’ Malta jerġu jkunu trattati bħala ċittadini tat-tieni klassi” saħaq Silvio Parnis.
Huwa temm jgħid li fiċ-ċirkostanzi t-theddid bl-impjiegi tal-ħaddiema ma’ jservi ta’ ebda ġid u appella lil partijiet biex jilqgħu l-istedina tal-Prim Ministru u jinvolvu l-Gvern bħala medjatur bil-għan li tinstab soluzzjoni ġusta.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home