Wednesday, February 17, 2016

F'seba' snin ntefqu €366,000 f'ikliet u festini……
….fl-aħħar tlett snin naqas l-infieq

Waqt li l-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna fil-ħin tal-mistoqsijiet Parlamentari iddikjara li bejn is-sena 2008 u s-sena 2015 intefqu xejn inqas min €366,000 f'fondi pubbliċi fuq ikliet u ċelebrazzjonijiet, ma naqasx li jiddikjara li kien hemm abbużi ta' fondi pubbliċi mill-amministrazzjoni ta' qabel. Din qajmet reazzjoni mid-Deputati Nazzjonalisti Ryan Callus u Ċensu Galea. Il-Ministru intalab jikkjarifika x'qed jifhem b'abbuż ta' fondi pubbliċi taħt l-amministrazzjoni Nazzjonalista. Il-Ministru għamilha ċara li taħt it-tmexxija tiegħu mhux se jkun hemm abbuż ta' fondi pubbliċi għal ikliet u ċelebrazzjonijiet u sejjaħ id-dikjarazzjoni ta' "money no problem' bħala sintomu tal-Gvern Nazzjonalista.
Mill-informazzjoni li ta l-Ministru fil-Parlament għal infieq fuq ikliet u festini tal-Ministeru għall-Finanzi u entitajiet li jaqgħu taħtu, jirrizulta li fl-aħħar tlett snin l-infieq fuq ikliet u festini naqas.  Meta mqabbel mas-snin 2008 u 2009 wieħed jara li naqas drastikament.
Filfatt fis-sena 2008 l-infieq fuq ikliet u festini kien ta' €127,479, waqt li fis-sena ta' wara dan kien tela' għal €154,821.  Fis-sena 2010, l-infieq fuq ikliet u festini kien ta' €94,989, waqt li fis-sena 2011 kien ta' €61,797.   Fis-sena 2012, l-infieq kien ta' €65,794, fis-sena 2013 kien ta' €58,877, fis-sena 2014 €60,610, waqt li fis-sena 2015 l-infieq kien ta' €59,971.
L-aktar entitajiet li nefqu flus f'ikliet u festini kienu l-Malta Stock Exchange u l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji li fi tmien snin nefqu €121,437 u €151,882 rispettivament.
Jekk wieħed janalizza l-istatistika, wieħed jara li fejn jidħol il-Ministeru tal-Finanzi waħdu l-infieq fuq festini u ikliet naqsu drastiakment fl-aħħar tlett snin mindu l-Ministeru kienu immexxi mill-Ministru Edward Scicluna.  Filfatt waqt li fis-sena 2008  l-Ministeru kien nefaq €92,248 f'ikliet u festini, fis-sena 2009 nefaq €112,766, waqt li fis-sena 2010 nefaq €45,834.  Fis-sena 2011, l-infieq kien ta' €19,430, fis-sena ta' wara nefqu €22,345, waqt li fis-sena 2014 u s-sena 2015 l-infieq kien ta' €7,702 u €2,928 rispettivament.

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home