Tuesday, February 16, 2016


'Maltempata perfetta' fil-kriżi tar-refuġjati
           - l-akkademiku Thomas Spijkerboer

Fl-aħħar jiem komplejna naraw aktar imwiet ta' persuni fil-vjaġġi tagħhom lejn l-Ewropa, wara li jkunu ħarbu jew telqu minn sitwazzjoni ta' ġlied, gwerer u persekuzzonijiet fost fatturi oħra. Din is-sena l-imwiet diġà qabżu t-300 persuna, waqt li aktar persuni komplew għaddejjin minn sitwazzjonijiet ebsin fil-fruntieri Ewropej. 
Quddiem dan, l-akkademiku Thomas Spijkerboer jiddeskrivi s-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni bħala 'maltempata perfetta'. Dan minħabba li hemm diversi fatturi li qed iseħħu flimkien. Thomas Spijkerboer hu Professur tal-Liġi tal-Immigrazzjoni fil-Vrije Universiteit f'Amsterdam.
F'dokument akkademiku li għadu kif kiteb, l-akkademiku Spijkerboer jagħmilha ċara li l-maltempata tista' tmur għall-agħar u dan billi tista' terġa' sseħħ il-gwerra ċivili li kien hemm fil-Libanu bejn l-1975 u l-1990, xi ħaġa li jekk isseħħ twassal  għal miljuni ġodda ta' refuġjati.
Spijkerboer fid-dokument li kiteb jgħid li "sa mis-sena 2011, il-kunflitt li żvilupp fis-Sirja, wassal  biex nofs il-popolazzjoni tas-Sirja taħrab. Hemm 7.5 miljun refuġjat fis-Sirja stess, 4 miljuni barra s-Sirja fejn minn dawn hemm 635,000 fil-Ġordan, miljun fil-Libanu u 2.5 miljuni fit-Turikija.  Dawn huma stimi konservattivi għax in-numri ta' refuġjati huma akbar.  Is-Sirja kienet stmata li kellha popolazzjoni ta' 23 miljun qabel il-gwerra. Fl-Ewropa daħlu bejn miljun u miljun u nofs refuġjat fis-sena 2015, li jfisser 0.2 fil-mija biss tal-popolazzjoni Ewropea li hi ta' 508 miljun persuna".
Ikompli jgħid li "hemm nuqqas serju ta' fondi għar-refuġjati Sirjani.  L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għal Kordinazzjoni ta' Assistenza Umanitarja irrappurtat li fis-sena 2015, kienu 56 fil-mija tal-fondi li kellhom bżonn li spiċċa waslulhom.  Il-World Food Programme irrapporta tnaqqis fil-fondi u dan wassal biex kellha tnaqqas il-livelli ta' assistenza fejn hemm refuġjati li qed jgħixu b'50 kuljum biss. L-Unjoni Ewropea qablet fuq kif għandhom jingħataw aktar fondi u ġew imwegħdin €3 biljuni lit-Turkija iżda ħadd ma jaf meta dawn il-flus attwalment se jingħataw".
Jenfasizza li "imbagħad hemm il-kwistjoni ta' rilokazzjoni ta' immigranti Sirjani lejn partijiet oħra tad-dinja, xi ħaġa li hi kruċjali. Minn mindu beda l-kunflitt fis-Sirja fis-sena 2011 kienu biss 162,151 immigranti li kienu rilokati lejn pajjiżi oħra, li jfisser 2 fil-mija biss tal-4 miljuni refuġjat Sirjan li qegħdin barra s-Sirja."
L-akkademiku Spijkerboer jsemmi l-kwistjoni tal-projbizzjoni tal-ivvjaġġar u jgħid li "l-Istati qegħdin jipprojbixxu lis-Sirjani milli jivvjaġġaw u għalhekk tagħmilha impossibli li dawn jitilqu mis-Sirja jew minn kampijiet tar-refuġjati. Pajjiżi li ma kinux jitolbu visa lil persuni Sirjani, irrispondew għall-pressjoni Ewropea u introduċew il-visa. Dan qed iwassal biex il-Libanu u l-Ġordan jeħtieġu li s-Sirjani jkollhom visa, waqt li anki t-Turkija introduċiet il-visa għas-Sirjani. Dawn ir-rekwiżiti għal visas huma obbligatorji għal linji tal-ajru waqt li jkunu qed janalizzaw id-dokumenti tal-ivvjaġġar.  Apparti dan l-Unjoni Ewropea qed timmilitarizza kontra l-immigrazzjoni irregolari fejn ġiet adottata riżoluzzjoni tal-Ġnus Magħquda li tikkunsidra l-immigrazzjoni irregolari bħala theddida għas-sigurtà internazzjonali u tagħti saħħa lill-Unjoni Ewropea biex tieħu azzjoni militari".
"Bl-għan li jkunu refuġjati jkunu projbiti milli jidħlu fl-Unjoni Ewropea u biex anki pajjiżi ġirien jagħmlu dan, l-Unjoni Ewropea intenzjonalment għamlitha illegali u diffiċli ħafna għal refuġjati Sirjani li jitilqu  minn pajjiżhom u jfittxu protezzjoni.  F'Jannar kien stmat li xejn inqas minn 16,000 refuġjat Sirjan kienu maqbudin fid-deżert u dan minħabba li l-Ġordan beda jimblokkahom milli jidħlu. Ftit jiem ilu, t-Turkija għalqet il-fruntiera għal madwar 70,000 Sirjan li kienu ħarbu minn Aleppo", jiddikjara Spijkberboer.
Ikompli jgħid li "l-Unjoni Ewropea għandha l-Common European Asylum System (CEAS) u din l-għan tagħha hu li jkun hemm armonizazzjoni fil-liġijiet tal-ażil. Imma l-istandards ivarjaw bejn l-Istati. F'xi wħud huma kważi perfetti f'oħrajn m'humiex eżistenti.  F'xi pajjiżi ir-refuġjati qed jispiċċaw jgħixu fit-toroq għal snin sħaħ, waqt li f'oħrajn jingħataw saqaf fuq rashom. Xi pajjiżi ma jirrikoxxu ebda persuna bħala refuġjat, waqt li f'oħrajn tnejn minn kull tlett persuni  jiġu dikjarati bħala refuġjati.  F'xi pajjiżi ir-refuġjati huma trattati ħażin mill-awtoritajiet".
L-akkademiku jgħid ukoll li "m'hemm bżonn ebda qarrej tax-xorti biex tipprevedi li l-fatt li hemm miljuni ta' Sirjani jfittxu kenn u li dawn qed jitwarrbu mill-kommunità internazzjonali, kien se jwassal biex ikun hemm mewġa minn dawn li tmur lejn l-Ewropa. Biss l-awtoritajiet Ewropej inħasdu meta seħħ dan.  In-nuqqas ta' preparazzjoni, nuqqas ta' faċilitajiet fejn jintlaqgħu u nuqqasijiet oħra, ħolqu l-idea li l-ammont ta' immigranti huma ħafna aktar minn dak li l-Ewropa tiflaħ."
Il-Professur Thomas Spijkberboer jgħid ċar u tond li "l-ammont ta' refuġjati hi żgħir meta tqabblu mal-ġid u mal-popolazzjoni tal-Ewropa. Il-perċezzjoni wiesa hi dik li l-Ewropa għandha kriżi ta' refuġjati u li potenzjalment din thedded il-proġett Ewropew.  Is-sitwazzjoni tista' taħrab minn idejn l-Ewropa, jekk il-fatturi kollha marbutin mal-immigrazzjoni jibdew jingħaqdu ma' xulxin.  Ir-refuġjati kienu injorati u dan wassal għal domanda kbira għas-servizzi ta' traffikanti. Il-prezzijiet tat-traffikanti kienu żdiedu u dan wassal biex ħafna oħrajn jidħlu f'dan iċ-ċirku. Fiċ-ċiklu marbut mal-provvista u d-domanda, wassal biex issa il-prezzijiet raħsu u dan għax hemm ħafna joffru dan is-servizz. Eżempju ta' dan hu l-fatt li l-Marokkini u l-Alġerini qed jidħlu lejn l-Ewropea mit-Turkija. Dan qed isir għax il-prezzijiet huma baxxi. Qed jidher biċ-ċar li l-politika ta' ażil Ewropea għadha l-bogħod sew milli tkun armonizzata."
Fid-dokument tiegħu, l-akkademiku Spijkberboer jistaqsi x'jista' jsir fejn jgħid li ħafna mill-fatturi nħolqu mill-Unjoni Ewropea stess u jgħid li aktarx hu tard biex issa jkun hemm sistema robusta ta' 'reception'.  Iċ-ċiklu ta' domanda u provvista għas-servizzi ta' traffikanti u n-nuqqas ta' fiduċja ta' refuġjati Sirjani fil-kommunità internazzjonali ma jistgħu jitbiddlu malajr. Biss hemm elementi li jistgħu jitbiddlu fi żmien qasir. Is-suq tat-traffikar jistgħu jkunu mxekklin minn rilokazzjoni ta' immigranti fuq skala kbira. Dawk rikonoxxuti bħala refuġjati fl-Ewropa għandhom jingħataw id-dritt ta' moviment ħieles fl-Ewropea u dan jiffaċilitalhom  it-tfittixja għax-xogħol. Biss hu diffiċli li dan iseħħ. Dawk li jfasslu l-politika Ewropea għandhom viżjoni dejqa.  Huma jaraw li l-politika tagħhom mhix qed ikollhom l-effett meħtieġ, imma jibqgħu jagħmlu konklużjonijiet li dak li hemm bżonn hu l-intensifikazzjoni ta' l-istess politika. Biex tinterrompi din il-maltempata perfetta, hemm bżonn rikonsiderazzjoni fundamentali tal-politika Ewropea tal-aħħar 25 sena. Iridu jammettu li mhux biss din il-politika falliet imma kellha effett kuntrarju."
Fi tmiem id-dokument jgħid li "hu possibli li din il-maltempata tmur għall-agħar? Ċertament. Jekk il-Libanu ma jkunx assisti fil-problema ta' refuġjati li għandu,  hu possibbli  li l-gwerra ċivili li farrket lil dan il-pajjiż bejn l-1975 u l-1990, terġa' tibda.  Dan iwassal għal miljuni ġodda ta' refuġjati. Jekk il-pajjiżi Ewropej se jkomplu jinfurzaw l-aspett kriminali  għal vjaġġar minn refuġjati u immigranti, it-traffikar uman hemm iċ-ċans li dan ikun inkorporat f'negozju aktar organizzat - fenomenu li seħħ fuq il-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku."
Ritratt: Ian Noel Pace

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home