Tuesday, February 16, 2016



Ebda data għal meta se tkun deċiża l-applikazzjoni dwar il-proġett propost f'Ħondoq ir-Rummien


"L-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tista' tikkonferma li r-rapport (DPAR) marbut mal-proposta għall-iżvilupp f’Ħondoq ir-Rummien jinsab kważi lest. Bħal f’kull applikazzjoni oħra li tidher quddiem il-Bord tal-MEPA, id-data ta' din l-applikazzjoni tiġi pubblikata permezz ta’ avviżi fil-gazzetti."
Din kienet it-tweġiba li ngħatajna dwar fiex wasal il-proċess fi ħdan il-MEPA dwar l-applikazzjoni ta' żvilupp f'Ħondoq ir-Rummien fil-Qala Għawdex. Din it-tweġiba ngħatat minkejja li fil-bidu tas-sena li għaddiet, iċ-Ċermen tal-MEPA, il-Perit Vince Cassar kien ikkummenta u qal li sa April tas-sena li għaddiet il-proġett kellu jitla' quddiem il-bord tal-MEPA biex tingħata deċiżjoni finali fuqu. Dan il-proġett ilu għal aktar minn 13-il sena quddiem il-MEPA.
Staqsejna lill-MEPA x'inhi r-raġuni li l-proġett għadu ma tressaqx quddiem il-MEPA u dwar jekk hemmx xi indikazzjoni dwar meta se tkun deċiżjoni. Staqsejniehom ukoll dwar jekk inkunux korretti li ngħdiu li r-rapporti marbutin mal-applikazzjoni ta' żvilupp huma lesti. Il-MEPA għażlet biss li tgħid li rapporti huma kważi lesti.
Ta' min jgħid li waħda mill-problemi li nqalgħu fuq dan il-proġett kienet il-fatt li uffiċjali li kienu qed jaħdmu fuq din l-applikazzjoni ma kinux  baqgħu jaħdmu l-MEPA. Sorsi li kienu tkellmu magħna kienu qalulna  li l-ħidma marbuta ma' dan il-proġett hi lesta. Quddiem dan, il-mistoqsija li toħroġ hi dik ta' x'qed jistennew l-awtoritajiet biex jiddeċiedu din l-applikazzjoni.  Kollox jindika li diversi sezzjonijiet tal-MEPA rrakkomandaw li l-proġett ikun rifjutat.
Il-proġett propost għal Ħondoq ir-Rummien qed jipproponi marina tal-jottijiet, lukanda u appartamenti ġodda.
Kien 12-il sena ilu meta bdiet il-gwerra kontra l-proġett turistiku propost f'Ħondoq ir-Rummien, fil-Qala, Għawdex. Ftit tax-xhur ilu diversi ambjentalisti kienu ħeġġew lill-pubbliku inġenerali biex jidħol fis-sit tal-MEPA fejn kienet qed tinġabar informazzjoni dwar ir-reviżjoni tal-pjan lokali għaż-żona ta' Ħondoq ir-Rummien. Huma ntalbu jiffirmaw petizzjoni li fost l-oħrajn tgħid li Ħondoq ir-Rummien għandu jsir park nazzjonali u li ż-żona terġa' tiġi dikjarata bħala 'żona barra l-iżvilupp' (ODZ).
Il-petizzjoni kienet tgħid li: "Iż-żona ta' Ħondoq ir-Rummien kienet ġiet allokata għal żvilupp turistiku mingħajr konsultazzjoni pubblika. L-awditur tal-MEPA stess jikkonferma li hemm nuqqas ta' konsultazzjoni. Il-pjan li kien hemm bejn il-MEPA u l-kunsill lokali tal-Qala kien dak li din iż-żona tintuża għal skop agrikolu u ta' afforestazzjoni. Kemm id-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Ambjent kif ukoll il-Bord tal-Wirt Naturali rrakkomandaw li l-proġett jiġi rifjutat. 85 fil-mija tar-residenti tal-Qala esprimew li huma kontra l-proġett."
Il-petizzjoni tkompli tgħid li: "Bħala wied ta' kategorija A, m'għandu jkun hemm ebda żvilupp ġdid fih. Nitolbu li l-bord tal-MEPA jaċċetta r-rakkomandazzjoni tad-Direttorat tal-Protezzjoni Ambjentali u jirrifjuta li jagħti permess għal dan l-iżvilupp. Nitolbu li Ħondoq ir-Rummien jerġa' jiġi dikjarat bħala 'żona barra l-iżvilupp' u li jsir park nazzjonali.”
F'referendum li kien sar fis-sena 2002, 85% tal-poplu tal-Qala wera b’saħħa li jrid li Ħondoq ir-Rummien jibqa' f’idejn il-pubbliku. L-antropologu Jeremy Boissevain, li għandu fama mondjali, kien ikkonkluda li l-proġett propost għal Ħondoq ir-Rummien joħloq impatt negattiv mill-aspett soċjali, f'dak li jirrigwarda t-tgawdija tal-post mill-eluf ta nies li jmorru jgħumu u jagħmlu l-barbikjus hemm. Transport Malta rrakkomandat rifjut, u l-istess għamlet il-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja. Din ikkonkludiet li m'għandux jinħareġ il-permess għax hu diffiċli tiġġustifika li hu sostenibbli. L-għaqdiet ambjentali kollha huma kontra din il-proposta ta' żvilupp. 
 

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home