Tfal imdawrin bis-siringi
"Ta' spiss nirrappurtaw lill-Pulizija dwar siringi użati li jkun hemm barra l-iskola. Din tinkwetana għax għandna tfal żgħar u dawn huma ta' periklu." Dan sostnietu l-Assistenta Kap ta' l-Iskola Tereza Nuzzo fil-Marsa, Marise Bugeja, meta ntalbet reazzjoni għal ilmenti minn ġenituri dwar siringi fiż-żona. Min-naħa tiegħu, anki l-kowċ tan-nursery tal-Marsa, Joseph Xuereb, qalilna li, "Dejjem nirrappurtaw li jkun hawn is-siringi. Lill-ġenituri din tinkwetahom. Hemm bżonn azzjoni u aktar sorveljanza. Ġieli spiċċajna niġbruhom aħna. L-aħħar li ġie Pulizija u ġabarhom, tħassartu għax lanqas ingwanti ma kellu."Joseph Xuereb, meta kkummenta magħna, qalilna li hemm bżonn aktar sorveljanza fiż-żona u li jkun hemm kameras tas-sigurtà. "Meta jiġu l-ġenituri u jaraw is-siringi jinkwetaw ħafna. Din saret problema għax hi xi ħaġa li qed tiġri ta' spiss."
Ġenitur li għandu tfal imorru fl-iskola Tereża Nuzzo qalilna li, "Sar qisu ħmar il-lejl li meta nkun qed indaħħal it-tifel l-iskola dejjem nispiċċa nħares lejn l-art u fil-ġnub biex nara narax siringi. Spiss ikun hemm siringi hemm wara li bil-lejl ikun hemm xi persuni li jiffrekwentaw dan il-post u mbagħad iħallu s-siringi hemm. Naħseb li għandu jkun hemm xi tip ta' azzjoni, għax l-iskola ma tistax toqgħod kull darba tirrapporta kull meta jkun hemm is-siringi".
Il-Viċi Sindku tal-Marsa, Josef Azzopardi, f'kummenti li kien tana kien qal li minkejja li l-Kunsill jieħu ħsieb it-tindif, bosta drabi qed ikun hemm il-bżonn li jsir aktar tindif, ovvjament bi ħlas żejjed biex jagħmel milli jista’ biex jieħu ħsieb iż-żona. Anki l-istudenti li jmorru l-iskola Tereża Nuzzo, li huma tfal żgħar, u kull min jgħaddi mill-inħawi qed ikunu fir-riskju.
"Jidher ċar li qed jiġi kkonsmat xorb alkoħoliku u anki qed isir abbuż mid-droga ħdejn il-grawnd u l-iskola. Bir-raġun il-ġenituri u dawk li qed jieħdu ħsieb in-nursery huma urtati u ilu jinħass il-bżonn urġenti li l-awtoritajiet jieħdu passi serji. B’mod immedjat l-awtoritajiet għandhom jieħdu ħsieb li tiżdied is-sorveljanza mill-pulizija," qal Azzopardi.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home