Friday, February 19, 2016

 

Eks uffiċjal tan-Navy Seal jitfa' għajnejh fuq Malta.....

Kumpanija tal-avjazzjoni bbażata fl-Afrika tinvesti f'kumpanija li topera f'Malta

Kumpanija ibbażata fl-Afrika t'Isfel u fil-Kenja, Frontier Services Ltd magħrufa għal-loġistika tagħha fit-trasport kemm bl-ajru, bil-baħar u fuq l-art, daħlet fi ftehim definittiv ta' investiment biex takkwista l-maġġoranza tal-ishma f'kumpanija tal-avjazzjoni li hi bbażata f'Malta, Maleth Group. Dan l-investiment qed jintlaqa' b'mod pożittiv, l-aktar meta wieħed iqis il-kuntatti li l-kumpanija Frontier Services għandha fl-Afrika.  Sorsi qrib l-industrija tal-avjazzjoni f'pajjiżna mitlubin jikkummentaw dwar dan qalulna li hemm diversi fatturi li qed iwasslu għal investimenti bħal dawn. "Waħda mir-raġunijiet hi dik tan-negozju dejjem jiżdied ma' pajjiżi Afrikani.  Dan żdied sew fl-aħħar snin,  matul din is-sena baqa' b'saħħtu minkejja sitwazzjoni xejn tajba fil-Libja. Meta tqis li kważi terz tal-esportazzjoni tagħna tmur lejn l-Afrika, u meta tara l-pożizzjoni ta' fejn hi Malta, mhix sorpriża li kumpanija b'kuntatti kbar fl-Afrika jinvestu f'kumpaniji tal-avjazzjoni li jkunu qed joperaw f'Malta f'servizzi bl-ajru", qalilna l-istess sors. L-istess sors qalilna li "kumpanija bħal Frontier Services, għandha l-kapaċità li twassal investituri u nies oħra lejn l-Afrika minkejja restrizzjonijiet fuq toroq jew problemi oħrajn. Din hi kumpanija b'uffiċjali b'kuntatti ma' diversi pajjiżi. Kumpanija li toffri evakwazzjonijiet mediċi, trasport bl-ajru lussuż, ajruplani ta' espedizzjoni u servizzi oħra.  Għandhom servizzi ta' ajruplani li jġorru cargo u servizzi magħrufin bħala 'paradrop' fejn oġġetti jew materjal jitwaddbu f'żoni speċifiċi fejn ajruplan ma jkunx jista' jinżel.  Meta tara investiment bħal dan f'kumpanija li hi bbażata hawn, is-sinjal hu dak li hemm domanda f'servizzi bl-ajru minn Malta għal Afrika u bil-kontra".
Il-ftehim ta' investiment għal din il-kumpanija, se jwassal biex din ittejjeb il-kapaċitajiet tagħhom biex tgħaqqad rotot fil-punent tal-Afrika u fl-Afrika ta' Fuq mal-Ewopa u l-Asja.  Il-kumpanija Maleth hi magħruf lokalment għal servizzi  marbutin ma' vjaġġar fosthom ġarr ta' cargo, piloti u crew għal fuq l-ajruplani.
Fost għadd ta' dilettanti ta' l-avjazzjoni dan l-investiment qed jitqies aktar interessanti minħabba li l-fundatur ta'  Frontier Services Group, mhu ħadd ħlief Eric Prince. Dan hu persuna mill-Istati Uniti, li fl-informazzjoni li tingħata fuqu fis-sit tal-kumpanija stess jingħad li hu filantropist, eks veteran militari u investitur b'interessi fl-Afrika u l-Lvant Nofsani.
Ta' min jgħid li Eric Prince hu l-fundatur ta' 'Blackwater', kumpanija privata tas-sigurtà internazzjonali.  Xejn inqas minn tmien snin ilu, hu kien involut f'kontroversja shiħa u dan wara li kienu saru allegazzjonijiet li impjegati tal-kumpanija tiegħu kienu sparaw fi pjazza f'Baghdad. Dak inhar kienu mietu 14-il persuna u 17 oħra ġew feruti.
Erik Prince iżda kien insista li l-impjegati kollha tiegħu kienu aġixxew kif suppost  u hu kien allega li kien hemm allegazzjonijiet bla bażi kontra l-kumpanija li hu kien waqqaf mix-xejn fis-sena 1990. Hu kien warrab għal kollox l-allegazzjonijiet li l-kumpanija tiegħu kienet iffurmata minn merċenarji. Prince kien iddikjara li l-impjegati tiegħu huma 'Amerikani li qed jaħdmu għal Amerikani u biex jipproteġu lill-Amerikani".
Ta' min jgid li ħames gwadji, kollha veterani militari, kienu nstabu ħatja tal-isparaturi f'Settembru tas-sena 2007.  Prince, li hu eks Navy Seal kien biegħ il-Blackwater fis-sena 2010.  Aktar tard Prince kien ħareġ ktieb intitolat "Civilian Warriors: the inside Story of Balckwater and the Unsung Heroes of the War on Terror".

0 Comments:

Post a Comment

Subscribe to Post Comments [Atom]

<< Home