Beppe Fenech Adami ddispjaċieh li d-deni m'għadux fil-ħabs' -
- Carmelo Abela
Il-Ministru għall-Intern, Carmelo Abela, f'intervent dwar l-abbozz ta' liġi fuq il-miżuri tal-estimi, ikkritika bl-aħrax lid-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u qal li, “Ħaġa li xxukkjatni hi li meta din il-ġimgħa tajt rendikont fiex tinsab is-sitwazzjoni fil-ħabs rigward l-influwenza, Beppe Fenech Adami fl-intervent tiegħu lanqas kellu kelma waħda ta' ringrazzjament lit-tobba u lill-istaff mediku. Mhux talli ma rringrazzjax, imma ddispjaċieh li d-deni m'għadux fil-ħabs. Dan iddispjaċieh li s-sitwazzjoni ġiet lura għan-normal. Beppe Fenech Adami li għamel hu li l-ħin kollu qed jipprova jallarma b'gideb."
Il-Ministru enfasizza li taħt Gvern Nazzjonalista fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin kien hemm nuqqasijiet kbar. Saħaq li s-sitwazzjoni fil-ħabs tjiebet imma għad fadal ħafna xi jsir. “Jaf li kien hemm rapport li kien sar fis-sena 2009 u x'fih dak ir-rapport. Nisfidah jgħidilna x'wettaq l-Gvern Nazzjonalista minn dawk in-nuqqasijiet li nstabu li hemm u li huma elenkati f'dan ir-rapport. Minn dak ir-rapport ma twettaq assolutament xejn. Il-faċilità korrettiva ta' Kordin, Gvern Nazzjonalista ħallieha għal riħha,” sostna l-Ministru.
“Ftit xhur ilu kkummissjonajt rapport u kien hemm persuni komuni fir-rapport li sar fis-sena 2009 u f'dak li kkonfermajt jien. Prattikament il-konklużjonijiet huma l-istess u dan juri li ma sar xejn mis-sena 2009 'l quddiem. Se nibdew insolvu n-nuqqasijiet li jissemmew. Ħdimna qatigħ biex insibu Direttur li jkun dedikat għal hemm, u dan sar. Sar eżerċizzju biex ikollna ingaġġ ta' staff professjonali. Wara numru ta' snin ġew ingaġġati mas-60 uffiċjal korrettiv. Qed naħdmu fuq struttura amministrattiva fuq l-aspett ta' maniġment,” qal il-Ministru.
Kompla jgħid li fuq il-mediċini fil-ħabs ukoll sar ħafna gideb. “Mhu veru xejn li l-mediċini li jingħataw huma Panadols. Preżentament fl-ispiżerija hemm 867 mediċina. F'Jannar ta' din is-sena tqassmu 175 mediċina differenti,” qal il-kelliem.
Irrefera wkoll għas-serq mir-residenzi u qal li dan mhux veru li żdied. Spjega li jekk wieħed iqabbel l-ammont ta' serq minn residenzi fl-aħħar sena tal-Gvern Nazzjonalista mas-serq fis-sena 2015, isib li f'din l-aħħar sena dan naqas b'29 fil-mija. Sostna li minkejja tnaqqis fis-serq minn residenzi, kien hemm żieda fil-pick pocketing u qal li dan sar għax kien hemm klikka barranin li bdew iduru diversi pajjiżi fl-Ewropa u waslu hawn ukoll. “Imkien ma nqabdu. Hawn biss inqabdu,” sostna l-Ministru Abela.
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home