'L-immigranti għalija huma 'eroj' fl-Ewropa u l-vjaġġ għadu ma ntemmx'
- l-artista Chav
"Trakkijiet'. 'Ferroviji'. Oħrajn jiktbulek il-kelma 'ħieles bħal għasfur'. "Freedom" tispikka fost ħafna ukoll. It-tfal jesprimu tagħhom ukoll. Ipinġu xeni tal-waħx, qisu dawk minn xi film mimli azzjoni fl-eqqel ta' gwerra. Tispikka tpinġija kollha ħamra. Forsi għażel dak il-kulur għax kulur id-demm? Għax ma kellux aktar kuluri? Min jaf. Tara djar jaqbdu. Ħafna tħażżiż. Ajruplan jispara direttament lejn in-nies. Bla dubju ta' xejn din turi it-trawma ta' tfal li ħarbu mill-gwerra fis-Sirja. Issib oħrajn li jiktbulek li 'l-Paċi tfisser ħelsien'.
Prattikament iddur fejn iddur, anki meta titkellem ma' dawn
l-immigranti fil-post li tlaqqam bħala l-Ġungla ta' Calais fi Franza,
l-messaġġ li joħroġ hu ċar. Dak li l-vjaġġ għadu ma ntemmx minkejja li
qegħdin fl-Ewropa. Għadhom qed jittamaw li l-vjaġġ iwassalhom biex
jilħqu l-ħolma tagħhom li jgħixu f'soċjetà b'futur. Fil-Ġungla ta'
Calais, hemm xejn inqas minn 6,000 persuna li ħarbu minn żoni ta' gwerer
u persekuzzjoni u fil-vjaġġ tagħhom spiċċaw f'Calais b'ħafna minnhom
bit-tama li jidħlu fir-Renju Unit.
Chav, hi artista li riċentament kienet f'Calais. Iltaqgħet
mal-immigranti li hemm jgħixu f'din il-ġungla barra l-belt. Esperjenzat
it-tbatija u l-umiljazzjoni li għaddejjin minnha. Imma quddiem dan hi
ħarġet bl-idea li tuża l-arti biex dawn l-istess immigranti jwasslu
l-messaġġ u l-emozzjonijiet tagħhom.
Meta titkellem ma' Chav, tara li hemm similaritajiet kbar bejn Calais u Ħal Far f'Malta.
F'Calais tara kampijiet mxerrdin, u f'Ħal Far kontejners. F'Calais
ukoll jidher li se jibdew jiddaħħlu l-kontejners biex l-immigranti
jgħixu fihom. F'Calais tispikka x-xewqa tal-immigranti li jkomplu
bil-vjaġġ, l-istess bħal f'Ħal Far. Hemm min iħossu minsi u abbandunat
minn kulħadd. F'Ħal Far ukoll hemm ukoll dawk li jħossuhom mitluqin minn
kulħadd. Fuq kollox Ħal Far u Calais, huma maqtugħin minn għajnejn
in-nies u mwarrbin miċ-ċentri.
Chav meta tkellmet ma' inewsmalta.com qaltilna li
"mort f'Calais minħabba l-mod kif kienet imkasbra l-inumanità ta' dawk
li jgħixu fil-ġungla. Minkejja l-kundizzjonijiet ta' disperazzjoni li
qed jgħixu fihom dawn il-persuni u n-nuqqas adekwata ta' sanità jien
rajt li l-agħar ħaġa li kien hemm kienet li tara nies f'linja waħda - fi
kju. Tara kju hekk kif fil-ġungla tasal xi vettura biex tniżżel xi
materjal li jkun wasal. Dawk il-kjuwijiet sirt nobgħodhom. U għadni
nobgħodhom sa issa. Dawk il-kjuwijiet jirrappreżentaw il-fatt li
l-umiljazzjoni tmur lil hinn minn kundizzjonijiet ħżiena ta' għixien u
nuqqas ta' sanità. Jiena artista, u bħala artista deherli li fil-ġungla
żgur kien hemm min kien lest li jpinġi. Skoprejt li lil hinn minn
nazzjonalità, l-individwi kellhom bżonn immens li jesprimu dak li huma.
Kellhom bżonn ikunu kreattivi u jagħmlu dan b'immaġinazzjoni.
Nistaqsuha x'tip ta' tpinġijiet għamlu u tgħidilna li "kien hemm ħafna
tpinġijiet. Fost dawn kien hem dgħajjes tas-sajd. Djar li kienu jgħixu
fihom f'pajjiżhom. Oħrajn pinġew xeni li jirrappreżentaw lil pajjiżhom.
Kien hemm min pinġa fjuri jew għasafar. Dawk li pinġew u
l-konversazzjonijijiet li kellna wasslu biex urewni l-filmati li
kellhom tal-vjaġġi li għamlu. Urewni filmati ta' vjaġġi ta' tmint ijiem
fuq dgħajsa f'nofs ta' baħar. Jumejn jew tlieta minnhom la kellhom ikel
u lanqas ilma. Rajt ritratti ta' persuni li ma rnexxilhomx itemmu xi
parti jew oħra tal-vjaġġ. Kien hemm jum meta għadd ta' tfal pinġew
dgħajjes fil-baħar u wara bidlu t-tpinġija fi friefet."
Twieġbek bla tlaqlieq meta tgħidilha xi jfissru għalija in-nies li hemm
jgħixu fil-ġungla ta' Calais. "Dawn saru l-eroj tiegħi. Bqajt
mistgħaġba bil-ħbiberija tagħhom. Bl-imħabba tagħhom. Il-kalma tagħhom.
L-arti wasslet biex qsamna flimkien lingwa li tmur lil hinn
mill-kliem. Hu minħabba dawn in-nies, li se nerġa nirritorna
fil-ġungla."
Tgħidilhom ipingu bit-tema tal-bandiera Ewropea…ssib l-Iswastika u l-kelma 'Hitler'
Imma anki fejn tirrigwarda din l-inizjattiva s-sorpriżi ma jonqsux.
Tlaqqa' grupp ta' immigranti u tgħidilhom ipinġu xi ħaġa marbuta
mal-istilel fil-bandiera tal-Ewropa. Chav tgħid li "immedjatament rajt
titpinġa ta' Swastika u nkitbet il-kelma Hitler.
Rajt li mal-ħajt ukoll tpinġiet Swastika oħra. Mort u ħassarthom. Ġie
min kien pinġihom u ried sodisfazzjon għaliex ħassarthom. Qabad
iż-żebgħa u reġa' beda jpinġi l-swastika. Għedtlu li din id-darba mhux
se nħassarha imma rrid inkun naf għaliex qed ipinġi hekk. Dar fuqi u
qalli taħt in-Nażi konna nkunu aħjar milli aħna llum. Jippreferi lil
Hitler milli voluntieri fil-kamp ta' Calais. Qalli li l-voluntieri
jitrattawhom qishom tfal. Il-Pulizija jsawwtuhom regolarment. Jgħidli
kif dakinhar stess ġie msawwat mill-Pulizija u kien pront urieni l-marki
fuq dahru. Jien spjegajtilhom li l-istilel tal-bandiera Ewropea
ifakkruni fl-istilel li n-Nażi riedu li jilbsu l-Lhud biex jintgħarfu.
Spjegajtlu li ma' Hitler ma kellux ċans jgħix. Spjegatlu li l-voluntieri
li jmorru fil-Ġungla ta' Calais jagħmlu dan għax jemmnu li n-nies li
hemm jgħixu huma nies li jistħoqqilhom. Bkejt fuq li bkejt meta
għedtilhom dan."
Tkompli tgħid li "l-immigrant li pinġa l-iswastika skuża ruħu. Wara
pinġa fjuri. L-għada reġgħu ġew u baqgħu ġejjin ħdejja. Għamlu apoloġija
oħra imma jien għedtilhom li ma rridx nisma b'apoloġiji aktar.
Għedtilhom li kien tajjeb li tkellimna. Għedilhom li nixtieq immur lura
għal lejl ta' qabel u nkunu jien stess li nagħmel l-iswastika fuq
il-pittura".
0 Comments:
Post a Comment
Subscribe to Post Comments [Atom]
<< Home